human rights in the eu     
 

Demokrazija u drittijiet tal-bniedem 

Il-Parlament Ewropew kiseb reputazzjoni bħala promotur dedikat għad-drittijiet bażiċi tan-nies u d-demokrazija.

Fi ħdan l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament miċ-ċittadini, l-MEPs jissieltu kontra attakki moderni u antiki fuq il-libertajiet essenzjali.

Ħarsien tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni 

Id-drittijiet fundamentali japplikaw għan-nies kollha fl-UE, irrispettivament mill-istatus jew l-oriġini tagħhom.

Uħud minn dawn il-libertajiet imorru lura għal żmien il-ħolqien tal-Ewropa: il-ħajja u l-libertà, il-ħsieb u l-espressjoni.

Iżda oħrajn kellhom jiġu mmodernizzati maż-żminijiet. Il-protezzjoni tad-data personali jew il-projbizzjoni tal-klonazzjoni tal-bnedmin żgur ma kinux fi ħsieb l-ewwel MEPs eletti madwar erbgħin sena ilu.

Protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem lil hinn mill-UE 

Il-Parlament Ewropew ma jqisx li d-drittijiet bażiċi tan-nies jintemmu mal-fruntieri tal-UE.

Ta' spiss l-MEPs jitkellmu – b'mod individwali u kollettiv – dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi li mhumiex fl-UE. Billi dawn id-drittijiet huma kkunsidrati bħala universali, ir-risposta hija l-istess jekk il-vjolazzjonijiet iseħħu fil-Myanmar/Burma, madwar 8 000 kilometru 'l bogħod, jew fil-Belarussja, li tmiss mal-Unjoni.

Il-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem wasslet biex bosta difensuri prominenti żaru l-Parlament Ewropew.

Malala Yousafzai, promotriċi Pakistana għall-edukazzjoni tat-tfal, in-nisa Yazidi li kienu priġuniera tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq, tabib mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, priġuniera politiċi mill-Amerka Latina: dawn kollha sabu leħen fi ħdan il-Parlament Ewropew.

Appoġġ għad-demokrazija madwar id-dinja 

L-appoġġ għad-demokrazija huwa element kruċjali għal dan l-isforz, kif imfisser fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem: "Ir-rieda tal-poplu għandha tkun is-sisien tal-awtorità tal-gvern."

L-MEPs jiddefendu sistemi demokratiċi madwar id-dinja. Uħud ivvjaġġaw 'l bogħod sabiex josservaw elezzjonijiet, ikunu medjaturi fil-kunflitti u jappoġġaw parlamenti ġodda.

It-testi kostituttivi stess tal-UE jesiġu li l-Unjoni, fit-totalità tagħha, tiddefendi l-prinċipji demokratiċi fil-kwistjonijiet tagħha dwar l-affarijiet barranin. Iżda fil-Parlament Ewropew dan l-isforz jolqot aktar mill-qrib: għall-MEPs li jkunu esperjenzaw elezzjonijiet u kampanji, id-demokrazija hija kwistjoni personali.

sakharov banner     
 

Il-Premju Sakharov

Aqra dwar ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew, li mill-1988 'l hawn irrikonoxxa d-difensuri brillanti tad-drittijiet tal-bniedem.