Il-Korpi Politiċi tal-Parlament Ewropew 

Hemm diversi entitajiet politiċi fil-Parlament Ewropew responsabbli għall-organizzazzjoni tal-ħidma u tal-ippjanar leġiżlattiv tal-Parlament jew għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, kif ukoll għall-kwistjonijiet amministrattivi, finanzjarji, organizzattivi u ta' persunal.

Il-Konferenza tal-Presidenti

Il-Konferenza tal-Presidenti hi l-entità politika fil-Parlament responsabbli għal:

  • l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Parlament u ta' l-ippjanar leġiżlattiv
  • id-deċiżjoni dwar ir-responsabilitajiet u l-kompożizzjoni tal-kumitati u d-delegazzjonijiet
  • ir-relazzjonijiet ma' l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE, il-parlamenti nazzjonali u l-pajjiżi li m'humiex fl-UE.

Il-Konferenza tal-Presidenti tipprepara l-kalendarju tal-Parlament u l-aġendi għas-seduti plenarji u talloka s-siġġijiet fil-Kamra.

Il-Konferenza tal-Presidenti tikkonsisti mill-President tal-Parlament u ċ-chairpersons tal-grupp politiċi. Rappreżentant wieħed tal-Membri mhux affiljati wkoll għandhom post fil-Konferenza tal-Presidenti imma m'għandhomx dritt għall-vot. Id-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti jittieħdu permezz ta' kunsens jew ta' votazzjoni fejn il-voti jingħataw piż skond in-numru ta' Membri f'kull grupp politiku.

Id-dmirijiet tal-Konferenza talPresidenti huma stipulati fir-Regoli ta' Proċedura. Torganizza l-ħidma tal-Parlament Ewropew u l-entitajiet tiegħu. Tiġi konsultata dwar il-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-ippjanar leġiżlattiv u r-relazzjonijiet ma' l-entitajiet u l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE. Il-Konferenza tal-Presidenti ġeneralment tiltaqa' darbtejn fix-xahar. Il-laqgħat tagħha m'humiex pubbliċi.

Il-minuti tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali, stampati u mqassma lill-Membri. Kwalunkwe Membru jista' jsaqsi dwar l-attivitajiet tal-Konferenza tal-Presidenti.

Din tagħti l-opportunità lill-Membri biex, barra mis-seduti plenarja, jagħmlu skambju ta' opinjonijiet ma' mistieden jew jiksbu informazzjoni minn qabel dwar proposti tal-Kummissjoni.

Il-Bureau 

Il-Bureau hu l-entità li tistabbilixxi r-regoli għall-Parlament. Ifassal l-abbozz preliminari tal-baġit tal-Parlament u jiddeċiedi l-affarijiet amministrattivi u organizzazzjonali u dawk relatati ma' l-istaff.

Il-Bureau jikkonsisti mill-President tal-Parlament Ewropew, l-14-il Viċi President u ħames kwesturi eletti mill-Parlament għal perjodu ta' sentejn u nofs (li jista' jiġġedded). Waqt id-deliberazzjonijiet tal-Bureau, jekk il-voti jkunu indaqs, il-President għandu l-vot deċiżiv. Il-Kwesturi huma membri tal-Bureau f'kapaċità konsultattiva.

Il-Bureau għandu diversi dmirijiet amministrattivi u finanzjarji fil-Parlament. Huwa responsabbli għall-affarijiet kollha relatati mat-tħaddim intern tal-Parlament. Jieħu deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni ta' seduti, jista' jawtorizza laqgħat ta' kumitati jew delegazzjonijiet barra mit-tliet postijiet normali tax-xogħol, u jħejji l-abbozz preliminari ta' l-estimi tan-nefqa tal-Parlament. Jaħtar lis-Segretarju Ġenerali li hu responsabbli għat-tħaddim ta' l-amministrazzjoni tal-Parlament u jistabilixxi l-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tas-Segretarjat. Ġeneralment il-Bureau jiltaqa' darbtejn fix-xahar.

Il-minuti tal-Bureau jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha, stampat u mqassam lill-Membri kollha. Kwalunkwe Membru jista' jsaqsi dwar l-attivitajiet tal-Bureau.

Il-Bureau jiddeċiedi dwar il-fondi għall-partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament Ewropew.

Kulleġġ tal-Kwesturi

Il-Kulleġġ tal-Kwesturi huwa l-entità tal-Parlament Ewropew li hi responsabbli għall-kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji li jolqtu direttament lill-Membri u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Hemm ħames Kwesturi. Huma wkoll membri tal-Bureau. Il-Parlament Ewropew jivvota għall-Kwesturi wara l-elezzjoni tal-President u l-14-il Viċi President. Il-Kwesturi jiġu eletti permezz ta' votazzjoni sigrieta b'maġġoranza fi tliet votazzjonijiet: għall-ewwel żewġ votazzjonijiet hemm bżonn maġġoranza assoluta tal-voti mixħuta waqt li għall-aħħar votazzjoni maġġoranza relattiva hija biżżejjed. Iż-żmien tagħhom fil-kariga hu ta' sentejn u nofs u għandhom irwol konsultattiv fil-Bureau.

Il-Kwesturi huma responsabbli għall-kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji li jaffetwaw lill-Membri direttament, pereżempju biex ipoġġu servizzi u tagħmir ġenerali għad-dispożizzjoni tagħhom. Jistgħu jippreżentaw proposti biex jiġu modifikati jew imfassla mill-ġdid it-testi dwar ir-regoli kollha adottati mill-Bureau. Ġeneralment il-Kwesturi jiltaqgħu darba fix-xahar.

Kwalunkwe Membru jista' jsaqsi dwar l-attivitajiet tal-Kwesturi.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati

Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati hija l-entità politika fil-Parlament li taħdem għal koperazzjoni aħjar bejn il-kumitati.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati tikkonsisti miċ-chairmen tal-kumitati permanenti u temporanji kollha; teleġġi ċ-chairman tagħha. Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati ġeneralment tiltaqa' darba fix-xahar fi Strasburgu waqt is-seduti plenarji.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti dwar il-ħidma tal-kumitati u l-aġendi għas-seduti plenarji. Tista' wkoll tagħti pariri lill-Konferenza tal-Presidenti jekk ikun hemm nuqqas ta' qbil dwar liema kumitat għandu jkun responsabbli. Il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti jistgħu jiddelegaw ċertu xogħlijiet lill-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet hija l-entità politika fil-Parlament li regolarment teżamina l-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tħaddim sew tad-delegazzjonijiet interparlamentari u d-delegazzjonijiet għall-kumitati parlamentari konġunti.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet tikkonsisti miċ-chairmen tad-delegazzjonijiet interparlamentari permanenti kollha; teleġġi ċ-chairman tagħha.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti dwar il-ħidma tad-delegazzjonijiet. Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet tfassal abbozz ta' kalendarju annwali għal-laqgħat interparlamentari u l-laqgħat tal-kumitati parlamentari konġunti. Il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti jistgħu jiddelegaw ċertu xogħlijiet lill-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet.

Il-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Brexit

L-għan tal-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Brexit, li jaħdem taħt l-awspiċi tal-Konferenza tal-Presidenti, huwa li jikkoordina u jħejji d-deliberazzjonijiet, il-kunsiderazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament rigward il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

Il-Viċi Segretarju Ġenerali jappoġġja l-ħidma tal-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Brexit.