Il-Baġit: Kif il-Parlament Ewropew jisfrutta bl-aħjar mod il-finanzjament annwali tiegħu 

Grazzi għall-baġit annwali tiegħu, il-Parlament kapaċi jsostni l-ħidma tas-751 Membru tiegħu u jopera b'24 lingwa differenti. Dan il-baġit jirrappreżenta l-20 % tan-nefqa amministrattiva totali tal-istituzzjonijiet tal-UE, li rispettivament tirrappreżenta biss 1.2 % tal-baġit ġenerali tal-UE. Il-maġġoranza l-kbira tal-finanzjament tal-UE tiġi investita direttament fl-Istati Membri.

Baġit Parlament Ewropew fl-2018

Baġit tal-Unjoni Ewropea

Dan il-baġit jinkludi:
  • 94% : Baġit operattiv tal-Unjoni Ewropea ( Finanzjament tal-politiki mwettqa fil-livell tal-UE )
  • 6% : Baġit amministrattiv tal-istituzzjonijiet Ewropej ( 1/5 minnu għall-Parlament Ewropew )

Baġit tal-Parlament Ewropew

Il-baġit tal-Parlament jirrappreżenta 1,2% tal-baġit ġenerali tal-UE

  • Attivitajiet politiċi:

    • Membri : 22%
    • Attivitajiet tal-gruppi/partiti/fondazzjonijiet politiċi : 6%
  • Spejjeż operattivi:

    • IT : 7%
    • Bini : 14%
    • Amministrazzjoni : 3%
  • Persunal:

    • Aġenti kuntrattwali u servizzi lingwistiċi : 7%
    • Spejjeż tal-persunal : 34%
    • Spejjeż oħra relatati mal-persunal : 3%
  • Kom.:

    • Komunikazzjoni : 5%

Dawn il-kategoriji jintużaw fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau tal-Parlament dwar l-abbozz preliminari tal-estimi.

Il-perċentwal jammonta għal 101% peress li ntuża l-eqreb numru sħiħ għaċ-ċifri.

Kif jiġi deċiż il-baġit

Normalment, il-proċedura biex jitfassal il-baġit tal-Parlament tibda fi Frar. Is-Segretarju Ġenerali jressaq proposta, fejn jiddefinixxi l-prijoritajiet u r-riżorsi għas-sena ta' wara. Il-Bureau, li huwa magħmul mill-President u l-14-il Viċi President, juża din il-proposta bħala l-bażi biex jadotta l-abbozz preliminari tal-estimi u jippreżentah lill- Kumitat għall-Baġits .

Wieħed mill-membri tal-Kumitat - magħruf bħala r-Rapporteur dwar il-Baġit - jinħatar biex ifassal rapport li jiddeskrivi l-prijoritajiet ta' ħidma tal-Parlament u jipproponi kemm għandhom jintefqu flus fuqhom. L-ewwel, il-Kumitat għall-Baġits jivvota dwar ir-rapport u mbagħad jivvotaw dwaru l-Membri kollha tal-PE waqt sessjoni plenarja, normalment f'Mejju. Dawn l-estimi mbagħad jiġu inkorporati fl-abbozz ta' baġit tal-UE għas-sena ta' wara, li jiġi emendat u adottat mill-Membri tal-PE waqt sessjoni plenarja sa mhux aktar tard minn Diċembru.