Il-President tal-Parlament Ewropew

 

Il-President hu elett għal mandatt ta' sentejn u nofs li jista' jiġġedded, jiġifieri għal nofs il-leġiżlatura tal-Parlament. Il-President jirrappreżenta l-Parlament Ewropew fid-dinja ta' barra u jirrappreżenta wkoll lill-Parlament fir-relazzjonijiet ma' l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea l-oħra.

 
 

Megħjun minn 14-il Viċi-President, il-President jissorvelja x-xogħol kollu tal-Parlament u l-korpi konstitwenti tiegħu (il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti), kif ukoll id-dibattiti fil-plenarja. Kull sena jkun hemm tnax-il sessjoni parzjali plenarja fi Strasburgu u sitta oħra fi Brussell.

Il-President jiżgura li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament qed jinżammu u, permezz ta' l-arbitrar tiegħu, jiggarantixxi li l-attivitajiet kollha ta' l-istituzzjoni u tal-korpi konstitwenti tagħha jmorru sew.

Il-President hu r-rappreżentant tal-Parlament għall-affarijiet legali u għar-relazzjonijiet esterni kollha. Hu jagħti opinjoni dwar il-kwistjonijiet prinċipali internazzjonali kollha u jagħmel rakkomandazzjonijiet maħsuba biex isaħħu l-Unjoni Ewropea.

Fil-bidu ta' kull laqgħa (summit) tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew jesprimi l-opinjoni u l-ħsiebijiet tal-Parlament fir-rigward tal-punti li jkun hemm fl-aġenda u ta' suġġetti oħra.

Wara li l-Baġit tal-Unjoni Ewropea jkun adottat mill-Parlament, il-President jiffirmah, u b'hekk jagħmlu operattiv.

Kemm il-President tal-PE kif ukoll il-President tal-Kunsill jiffirmaw kull att leġiżlattiv adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-President: elezzjoni

Il-kandidat li jikseb maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa f'votazzjoni sigrieta jiġi elett President. Jekk wara tliet votazzjonijiet ma tkunx tista' tinkiseb maġġoranza assoluta, il-President jiġi elett fir-raba' votazzjoni minn maġġoranza sempliċi.

Iż-żmien tal-kariga tal-President, li jista' jiġġedded, hu ta' sentejn u nofs - nofs leġiżlatura.

  • Regoli ta' Proċedura: Artikoli 13, 14, 18
Il-President u dmirijietu

Il-President imexxi l-attivitajiet tal-Parlament, jippresjedi s-seduti plenarji u jiddikjara li l-baġit ġie finalment adottat. Il-President jirrapreżenta lill-Parlament fid-dinja esterna u fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

 
 
 
Tools
 
 
Il-President tal-Parlament Ewropew