Aċċess għad-dokumenti

 

L-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li ċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni Ewropea għandhom id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

 
 
L-aċċess għad-dokumenti: element ewlieni tat-trasparenza

L-aċċess għad-dokumenti jikkostitwixxi element essenzjali tal-politika ta’ trasparenza li tiġi implimentata fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Bis-saħħa ta’ dan it-Trattat, jibbenefikaw minn dan id-dritt iċ-ċittadini kollha u r-residenti kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan id-dritt huwa regolat mir-Regolamernt (KE) Nru 1049/2001.

Il-Parlament Ewropew jara li x-xogħol tiegħu jgawdi minn livell għoli ta’ viżibilità. Din il-kwistjoni hija aktar u aktar importanti peress li l-Parlament iservi l-interessi taċ-ċittadini Ewropej, li jeleġġuh b’mod dirett.

Ir-Reġistru tad-dokumenti: strument ta’ għajnuna u ta’ riċerka

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-dokumenti, kif jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Parlament Ewropew, għalhekk, ħoloq Reġistru elettroniku tad-dokumenti. Filwaqt li ġie maħsub bħala strument ta’ għajnuna u ta’ riċerka, dan jikkonsisti f’referenzi tad-dokumenti mfassla mill-Parlament Ewropew kif ukoll dawk li jkun irċieva mill-2001.

Dokumenti aċċessibbli direttament

Ir-Reġistru jagħti aċċess dirett għall-biċċa l-kbira tad-dokumenti tal-Parlament Ewropew permezz ta’ formola ta’ riċerka. Dawn id-dokumenti huma aċċessibbli direttament f’format elettroniku.

Dokumenti aċċessibbli fuq talba

Id-dokumenti li ma jistgħux jiġu kkonsultati direttament fuq ir-Reġistru jistgħu jiġu pprovduti fuq talba. Dawn huma dokumenti ta’ qabel l-2001 kif ukoll numru limitat ta’ dokumenti li jkollhom aċċess limitat minħabba eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001. L-aċċess għalihom jibqa’ b’xejn, u t-talba, permezz ta’ formula elettronika, ma teħtieġ l-ebda ġustifikazzjoni partikolari. Wara li t-talba tiegħek tiġi eżaminata, is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew jgħaddulek tweġiba motivata fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol.