Id-delegazzjonijiet

 

Id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew iżommu r-relazzjonijiet u l-iskambji ta' informazzjoni mal-parlamenti differenti tal-pajjiżi terzi. Permezz tad-delegazzjonijiet tiegħu, il-Parlament Ewropew jgħin biex jirrappreżenta l-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi barranin u biex jippromwovi, fil-pajjiżi terzi, il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, jiġifieri, il-prinċipji tal-libertà u d-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-Istat tad-dritt.

 
 

Bħalissa hemm 41 delegazzjoni. In-numru tal-membri ta' kull delegazzjoni jvarja minn 12 għal aktar minn 70 għall-assemblej parlamentari.

Hemm diversi kategoriji ta' delegazzjonijiet:

  • Il-Kumitati Parlamentari Konġunti
  • Il-Kumitati Parlamentari ta' Kooperazzjoni
  • Id-delegazzjonijiet interparlamentari l-oħra
  • Id-delegazzjonijiet għall-assemblej parlamentari multilaterali

Il-presidenti tad-delegazzjonijiet jikkoordinaw il-ħidma tagħhom fil-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet.

Il-laqgħat interparlamentari jsiru, darba jew darbtejn fis-sena, alternattivament, f'wieħed mill-postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew u f'post iddeterminat mill-parlament sieħeb fil-pajjiż terz ikkonċernat.

 
 
Il-Kumitati Parlamentari Konġunti

Il-Kumitati Parlamentari Konġunti huma kostitwiti mal-parlamenti tal-Istati assoċjati mal-Unjoni, jew mal-parlamenti tal-Istati li magħhom bdew negozjati għall-adeżjoni.

Matul il-laqgħat tagħhom, il-membri taż-żewġ delegazzjonijiet (dik tal-Parlament Ewropew u dik tal-parlamenti tal-pajjiżi terzi), iżommu lilhom infushom infurmati dwar il-prijoritajiet tagħhom u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni.

Il-Kumitati Parlamentari Konġunti jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet kemm lill-parlament tal-pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE kif ukoll lill-Parlament Ewropew. Huma jsegwu l-iżvilupp tal-proċess ta' adeżjoni.

Il-kompetenzi tal-Kumitati Parlamentari Konġunti jiġu definiti mill-Parlament u mill-ftehimiet konklużi mal-pajjiżi terzi.

Ir-regoli ta' funzjonament ta' dawn il-kumitati huma mniżżla fil-ftehimiet ikkonċernati. Dawn ir-regoli huma bbażati fuq il-parità bejn id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew u dik tal-parlament sieħeb. Normalment, il-Kumitati Parlamentari Konġunti jiltaqgħu darbtejn fis-sena.

  • L-Artikolu 200 tar-Regoli ta' Proċedura
 
 
Il-Kumitati Parlamentari ta' Kooperazzjoni

Il-Kumitati Parlamentari ta' Kooperazzjoni jitwaqqfu skont ftehim ta' kooperazzjoni ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-pajjiż terz ikkonċernat.

Il-Kumitati Parlamentari għall-Kooperazzjoni jikkollaboraw mal-Istati involuti fil-politika Ewropea tal-viċinat u l-Istati li ffirmaw ftehim ta' sħubija strateġika mal-UE.

In-numru tal-membri jvarja minn kumitat għal ieħor. Dan ikun magħmul minn numru indaqs ta' membri tal-Parlament Ewropew u tal-pajjiż terz ikkonċernat.

  • L-Artikoli 198 u 200 tar-Regoli ta' Proċedura
 
 
Id-delegazzjonijiet interparlamentari l-oħra

Id-delegazzjonijiet interparlamentari l-oħragħandhom ir-rwol li jżommu u li jippromwovu r-relazzjonijiet mal-parlamenti tal-pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex kandidati għall-adeżjoni.

Huma jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom b'kooperazzjoni mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali. Fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, il-Parlament jistabbilixxi n-numru tal-membri tagħhom.

Il-membri ta' dawn id-delegazzjonijiet jiġu eletti għat-tul tal-leġiżlatura.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidmiet tal-Kumitati Parlamentari Konġunti u ta' Kooperazzjoni kif ukoll id-delegazzjonijiet interparlamentari u d-delegazzjonijiet ad hoc u l-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali li huma relevanti għall-qasam tiegħu ta' kompetenza.

  • L-Artikolu 198 tar-Regoli ta' Proċedura
 
 
Id-delegazzjonijiet għall-assemblej parlamentari multilaterali

Hemm erba' assemblej parlamentari:

  • l-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku u l-Unjoni Ewropea (AKP-UE);
  • l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (AP-UgħM);
  • l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana (EUROLAT)
  • L-Assemblea Parlamentari EURONEST.

L-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku u l-Unjoni Ewropea (AKP-UE);

Din l-assemblea multilaterali fejn ipoġġu flimkien ir-rappreżentanti tal-pajjiżi differenti, għandha l-għan li toħloq forum parlamentari għall-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-AKP.

Din is-sħubija hija bbażata fuq il-Ftehim ta' Cotonou (ftehim ta' sħubija AKP-UE).

Din l-assemblea għandha l-għanijiet li:

  • tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-AKP u l-UE;
  • ittejjeb l-istandard tal-għixien u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi tal-AKP;
  • tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

L-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran

L-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran hija magħmula minn 120 deputat li jirrappreżentaw il-pajjiżi Ewropej, kif ukoll mid-deputati ta' 10 pajjiżi sħab tal-baċir tal-Mediterran. Din l-assemblea għandha l-għan li tqajjem kwistjonijiet ta' interess komuni, ta' ordni politiku, ekonomiku jew kulturali u li tiddiskuti l-mezzi biex issaħħaħ l-isħubija Ewro-Mediterranja.

Hi għandha rwol konsultattiv dwar is-suġġetti kollha li jikkonċernaw l-isħubija Ewro-Mediterranja.

L-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana (EUROLAT)

L-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana hija magħmula minn 120 membru.

Bħala istituzzjoni parlamentari tas-sħubija strateġika bireġjonali bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew, l-Assemblea EUROLAT hija forum għad-dibattitu, kontroll u sorveljanza parlamentari li tkopri tliet oqsma kbar ta' azzjoni:

  • il-kwistjonijiet relatati mad-demokrazija, il-politika esterna, il-governanza tajba, l-integrazzjoni, il-paċi, id-drittijiet tal-bniedem;
  • l-affarijiet ekonomiċi, finanzjarji u kummerċjali;
  • l-affarijiet soċjali, l-iskambji bejn il-persuni, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-kultura.

Hija ggvernata skont ir-regoli konġunti.

L-Assemblea Parlamentari EURONEST

Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fi ħdan l-Assemblea Parlamentari Euronest ġiet stabbilita fil-bidu tas-seba' leġiżlatura (fl-aħħar ta' Settembru 2009). L-Assemblea għandha dimensjoni parlamentari tas-Sħubija mal-Lvant. Din il-politika mnedija mill-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tqarreb il-pajjiżi ġirien tal-Lvant tagħha u tappoġġa l-isforzi tagħhom ta' riforma politika, ekonomika u soċjali. Dan qed isir b'mod speċjali permezz ta' Ftehimiet ġodda ta' Assoċjazzjoni, il-ħolqien ta' żoni ta' kummerċ ħieles kif ukoll id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji.

L-Euronest hija magħmula minn 60 membru tal-Parlament Ewropew u minn 10 parlamentari nazzjonali ta' kull "sieħeb tal-Lvant" : l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina.

Minħabba raġunijiet politiċi, il-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja ġiet temporanjament sospiża. L-intenzjoni tal-parlamentari hija li jilqgħu l-kollegi Bjelorussi tagħhom hekk kif il-kondizzjonijiet politiċi jippermettu dan, wara l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet liberi u demokratiċi.

L-Euronest hija istituzzjoni ddedikata għal djalogu parlamentari multilaterali fid-diversi oqsma ta' interess komuni, bħal pereżempju l-istabbiltà, id-demokrazija, l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u l-istandards, il-kummerċ, l-enerġija, il-kuntatti bejn il-popli, eċċ.