Il-multilingwiżmu fil-Parlament Ewropew

 

Fil-Parlament Ewropew, kull lingwa komunitarja għandha l-istess importanza: id-dokumenti parlamentari kollha huma ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni Ewropea (UE) u kull membru parlamentari għandu d-dritt li jesprimi ruħu bil-lingwa uffiċjali li jagħżel. Dan kollu biex tiġi ggarantita t-trasparenza u l-aċċessibilità tax-xogħol tal-Parlament liċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni.

 
 

Ankrat fit-Trattati Ewropej, il-multilingwiżmu huwa r-riflessjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Jagħmel ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej aktar aċċessibbli u trasparenti għaċ-ċittadini, u dan hu garanzija għas-suċċess tas-sistema demokratika.

Il-Parlament Ewropew jiddistingwi ruħu mill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE minħabba l-obbligu tiegħu li jassigura l-ikbar livell possibbli ta' multilingwiżmu. Iċ-ċittadini kollha ta' l-UE għandu jkollhom aċċess għal-leġiżlazzjoni li tikkonċernahom direttament bil-lingwa ta' pajjiżhom. Barra minn hekk, peress li kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jiġi elett membru tal-Parlament Ewropew, wieħed ma jistax jesiġi li l-membri tal-Parlament Ewropew ikollhom kmand perfett ta' waħda mil-lingwi komuni. Id-dritt ta' kull deputat li jaqra d-dokumenti parlamentari, li jsegwi d-dibattiti u li jesprimi ruħu bil-lingwa tiegħu huwa espressament rikonoxxut fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, bħala leġiżlatur, il-Parlament Ewropew huwa obbligat jiggarantixxi kwalità impekkabbli tat-testi kollha leġiżlattivi li jadotta u dan fil-lingwi komunitarji kollha.

Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu wkoll liċ-ċittadini Ewropej kollha li jsegwu x-xogħol tal-Parlament, li jagħmlu mistoqsijiet u li jirċievu r-risposti bil-lingwa tagħhom.

 
 
Kemm-il lingwa tintuża fil-Parlament Ewropew?

Xi triq twila mxejna mill-aħħar tas-snin ħamsin, meta erba' lingwi biss kienu mitkellma fl-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea! Illum, xejn anqas minn 23 lingwa uffiċjali huma użati fil-Parlament Ewropew, u din tassew hija sfida lingwistika kbira.

L-ewwel Regolament adottat mill-Komunitajiet Ewropej fl-1958 kien jistipula li l-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet kellhom ikunu l-erba' lingwi - l-Olandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u t-Taljan - tal-pajjiżi fundaturi - il-Ġermanja, il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda.

Ma' kull tkabbir żdiedu l-lingwi ta' l-Istati Membri l-ġodda. Fl-1973 żdiedu d-Daniż, l-Ingliż u l-Irlandiż - dan ta' l-aħħar bħala "lingwa tat-Trattat" biss jiġifieri li l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Irlanda u t-testi bażiċi relatati ma' dan il-pajjiż biss ġew tradotti. Imbagħad fl-1981 il-Grieg sar lingwa Komunitarja, segwit mill-Ispanjol u l-Portugiż fl-1986, il-Finlandiż u l-Iżvediż fl-1995 u l-Estonjan, l-Ungeriż, il-Latvjan, il-Litwanjan, il-Malti, il-Pollakk, iċ-Ċek, is-Slovakk u s-Sloven fl-2004.

Mill-1 ta' Jannar 2007, l-Unjoni Ewropea għandha uffiċjalment 23 lingwa bis-sħubija tar-Rumanija u l-Bulgarija u bl-Irlandiż, li sar lingwa uffiċjali fl-istess data.

Bi 23 lingwa uffiċjali, huma possibbli aktar minn 506 kombinazzjonijiet lingwistiċi peress li kull lingwa tista' tiġi tradotta fi 22 oħra. Biex jilqa' għal din l-isfida, il-Parlament Ewropew għandu servizzi ta' interpretar, ta' traduzzjoni u ta' verifika ta' testi legali ta' kwalità għolja. Ġew stabbiliti regoli tassew stretti biex jiggarantixxu l-effiċjenza ta' dawn is-servizzi u biex l-ispejjeż baġitarji jibqgħu raġonevoli.

 
 
It-traduzzjoni

Biex jipproduċi l-verżjonijiet differenti tal-lingwi tad-dokumenti bil-miktub tiegħu u biex jikkorrispondi maċ-ċittadini bil-lingwi kollha ta' l-UE, il-Parlament Ewropew għandu servizz intern tat-traduzzjoni li kapaċi jilħaq ir-rekwiżiti ta' kwalità u jaħdem bi skadenzi imposti mill-proċeduri parlamentari. Jista' wkoll juża tradutturi professjonali esterni, b'mod partikolari għal testi li ma jkunux ta' prijorità.

Il-Parlament jimpjega kważi 700 traduttur fis-servizzi tiegħu tat-traduzzjoni li huma inkarigati biex jittraduċu fil-lingwi uffiċjali kollha diversi kategoriji ta' dokumenti, inklużi:

  • Id-dokumenti tas-sessjoni plenarja u tal-kumitati: l-aġendi, l-abbozzi, l-emendi, ir-rapporti adottati, l-opinjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet, il-mistoqsijiet bil-miktub u orali, il-minuti u r-rapporti ta' proċeduri, l-avviżi lill-Membri, eċċ.;
  • Id-dokumenti ta' korpi oħra politiċi bħall-assembleji parlamentari konġunti magħmula minn Membri tal-Parlament Ewropew u deputati nazzjonali jew rappreżentanti eletti ta' pajjiżi terzi;
  • Id-deċiżjonijiet ta' l-Ombudsman Ewropew;
  • L-informazzjoni għaċ-ċittadini u għall-Istati Membri;
  • Id-deċiżjonijiet tal-korpi interni tal-Parlament Ewropew (il-Bureau, il-Konferenza tal-Presidenti, il-Kulleġġ tal-Kwesturi).

Bħala regola ġenerali t-tradutturi jittraduċu minn dokumenti oriġinali għal-lingwa ta' pajjiżhom. Madankollu, bit-tkabbir reċenti għal 25 u mbagħad għal 27 Stat Membru u ż-żieda fin-numru ta' kumbinazzjonijiet lingwistiċi possibbli (23 lingwa uffiċjali li jistgħu jiġu tradotti għal 22 oħra), sar diffiċli biex jinstabu persuni bi kmand tajjeb tal-lingwa oriġinali u tal-lingwa tat-traduzzjoni, l-iktar fil-każ tal-lingwi l-inqas mitkellma fl-Unjoni.

Għalhekk biex jiġu tradotti testi miktuba b'dawn il-lingwi, il-Parlament Ewropew waqqaf sistema ta' lingwi relay: it-test l-ewwel jiġi tradott f'waħda mil-lingwi l-iktar użati (l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż) u mbagħad jinqalbu għal-lingwi ż-żgħar l-oħrajn. Lingwi oħra kbar Komunitarji (it-Taljan, il-Pollakk u l-Ispanjol) eventwalment jistgħu wkoll isiru lingwi relay.

 
 
L-interpretar

Ix-xogħol prinċipali ta' l-interpreti tal-Parlament Ewropew huwa l-interpretar preċiż fil-lingwi uffiċjali kollha u f'ħin reali tad-diskorsi tad-Deputati Parlamentari. Is-servizzi ta' l-interpretar huma pprovduti għal-laqgħat kollha multilingwi organizzati mill-korpi uffiċjali ta' l-Istituzzjoni.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni u l-Konferenzi-Parlament Ewropew jimpjega madwar 430 interpretu bħala uffiċjali u jista' wkoll juża riserva ta' madwar 2,500 interpretu estern (interpreti awżiljarji tal-konferenzi) li minnhom isejjaħ b'mod regolari skond il-ħtieġa.

Is-servizzi ta' l-interpretar huma użati prinċipalment :

  • għas-seduti plenarji;
  • għal-laqgħat tal-kumitati parlamentari, tad-delegazzjonijiet parlamentari, u ta' l-assembleji parlamentari konġunti;
  • għal-laqgħat tal-gruppi politiċi;
  • għal-laqgħat ta' l-istampa;
  • għal-laqgħat tal-korpi ta' tmexxija interna tal-Parlament (il-Bureau, il-Konferenza tal-Presidenti, eċċ.).

Bejn 800 u 1,000 interpretu jkunu disponibbli matul is-seduti plenarji tal-Parlament, fejn l-interpretar simultanju huwa pprovdut minn u għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Għal-laqgħat l-oħra, l-interpretar huwa pprovdut skont il-bżonn u dejjem iktar spiss għal lingwi oħra wkoll barra l-lingwi uffiċjali.

Bħala regola, kull interpretu jaħdem mil-lingwa tal-kelliem għal-lingwa ta' pajjiżu. Iżda b'506 kombinazzjonijiet lingwistiċi possibbli (23x22 lingwi) mhux dejjem faċli li ssib lil xi ħadd li jista' jinterpreta minn lingwa partikolari għal oħra. F'dan il-każ, tintuża sistema ta' relay li permezz tagħha l-interpretar minn lingwa għal oħra jgħaddi mit-tielet lingwa, dik li tissejjaħ il-lingwa pivot jew relay.

 
 
Multilingwiżmu - Atti Leġiżlattivi

Il-leġiżlazzjoni adottata mill-Parlament Ewropew taffettwa kważi 500 miljun ruħ f'27 pajjiż bi 23 lingwa uffiċjali: jeħtieġ li tkun identika u ċara kemm jista' jkun bil-lingwi kollha. Il-verifika tal-kwalità lingwistika u leġiżlattiva tat-testi hija l-kompitu tal-ġuristi lingwisti tal-Parlament Ewropew.

Il-ġuristi lingwisti tal-Parlament Ewropew, matul il-proċess leġiżlattiv kollu, jiżguraw li t-testi leġiżlattivi bil-lingwi kollha tal-UE jkunu tal-ogħla kwalità possibbli. Biex jiggarantixxu li r-rieda politika tal-Parlament tissarraf f'testi leġiżlattivi ta' kwalità għolja, il-ġuristi lingwisti huma involuti f'kull stadju tal-proċedura leġiżlattiva.

Ix-xogħol isir minn tim ta' 75 ġurista lingwista. B'mod partikolari, huma:

  • jagħtu pariri lill-Membri u lis-segretarjati tal-kumitati, sew dwar il-kitba kif ukoll dwar il-proċeduri, mit-tfassil tal-ewwel abbozz sal-adozzjoni aħħarija fil-plenarja;
  • iħejju u jippubblikaw testi leġiżlattivi għall-adozzjoni mill-Parlament fil-kumitati u fil-plenarja, filwaqt li jiżguraw l-ogħla kwalità tal-emendi fir-rapporti fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha u li l-proċedura timxi bla intoppi;
  • responsabbli għat-tħejjija teknika tal-emendi mressqa għall-plenarja, kif ukoll għall-pubblikazzjoni tat-testi kollha adottati dakinhar tal-votazzjoni fil-plenarja;
  • jiffinalizzaw l-atti leġiżlattivi flimkien mal-ġuristi lingwisti tal-Kunsill.
 
 
 
 
Tools