Il-multilingwiżmu fil-Parlament Ewropew

 

Fil-Parlament Ewropew, il-lingwi uffiċjali kollha għandhom l-istess importanza: id-dokumenti parlamentari kollha huma ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Membri kollha tal-Parlament Ewropew (MPE) għandhom id-dritt li jitkellmu bil-lingwa uffiċjali li jagħżlu. Dan jiżgura wkoll li kulħadd ikun jista’ jsegwi u jaċċessa x-xogħol tal-Parlament.

 
 

L-Unjoni Ewropea dejjem qieset id-diversità kbira ta’ kulturi u lingwi tagħha bħala ta’ valur.
B’għeruq sodi fit-Trattati Ewropej, il-multilingwiżmu huwa r-rifless ta’ din id-diversità kulturali u lingwistika. Dan jagħmel ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej aktar aċċessibbli u trasparenti għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, elementi li huma essenzjali għas-suċċess tas-sistema demokratika tal-UE.

Il-Parlament Ewropew jiddistingwi ruħu mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE fl-obbligu tiegħu li jiżgura l-ogħla livell possibbli ta’ multilingwiżmu. Kull ċittadin Ewropew għandu d-dritt li joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Mhuwiex raġonevoli li jkun meħtieġ li l-MPE jkollhom ħakma perfetta ta’ waħda mil-lingwi użati b’mod aktar frekwenti, bħall-Franċiż jew l-Ingliż. Id-dritt ta’ kull Membru li jaqra u jikteb dokumenti parlamentari, li jsegwi dibattiti u li jitkellem bil-lingwa tiegħu huwa espressament rikonoxxut fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom ikunu jistgħu jaqraw il-leġiżlazzjoni li taffettwahom fil-lingwa tal-pajjiż tagħhom. Bħala koleġiżlatur, il-Parlament Ewropew għandu d-dmir ukoll li jiżgura li l-kwalità lingwistika tal-liġijiet kollha li jadotta tkun impekkabbli fil-lingwi uffiċjali kollha.

L-Ewropej huma intitolati jsegwu x-xogħol tal-Parlament, jagħmlu mistoqsijiet u jirċievu tweġibiet fil-lingwa tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni Ewropea.

 
 
L-Ewropej huma intitolati jsegwu x-xogħol tal-Parlament, jagħmlu mistoqsijiet u jirċievu tweġibiet fil-lingwa tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni Ewropea

Xi triq twila mxejna mill-aħħar tas-snin ħamsin, meta erba’ lingwi biss kienu mitkellma fl-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej! Illum, jintużaw xejn inqas minn 24 lingwa uffiċjali fil-Parlament Ewropew, u din hija sfida lingwistika enormi.

Kull darba li ssieħbu Stati Membri ġodda mal-UE, dawn żiedu n-numru ta’ lingwi uffiċjali.

Lingwa uffiċjali tal-UE minn ...

  • In-Nederlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan 1958
  • Id-Daniż, l-Ingliż 1973
  • Il-Grieg 1981
  • Il-Portugiż, l-Ispanjol 1986
  • Il-Finlandiż, l-Isvediż 1995
  • Iċ-Ċek, l-Estonjan, l-Ungeriż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, is-Slovakk, is-Sloven 2004
  • Il-Bulgaru, l-Irlandiż, ir-Rumen 2007
  • Il-Kroat 2013

Il-lingwi uffiċjali tal-UE huma stabbiliti f’regolament, li jiġi emendat wara kull adeżjoni biex jiżdiedu l-lingwi uffiċjali l-ġodda. Il-lingwi uffiċjali kollha jgawdu minn status ugwali.

L-24 lingwa uffiċjali jagħmlu total ta’ 552 kombinazzjoni possibbli, peress li kull lingwa tista’ tiġi tradotta fi 23 oħra. Sabiex jilqa’ għal din l-isfida, il-Parlament Ewropew stabbilixxa servizzi effiċjenti ħafna ta’ interpretazzjoni, ta’ traduzzjoni u ta’ verifika ta’ testi ġuridiċi. Ġew stabbiliti regoli stretti ħafna biex jiġi żgurat li dawn is-servizzi jaħdmu mingħajr xkiel u li l-ispejjeż jibqgħu raġonevoli.

 
 
It-traduzzjoni

Sabiex jipproduċi l-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-dokumenti bil-miktub tiegħu u biex jikkorrispondi maċ-ċittadini tal-UE bil-lingwi uffiċjali kollha, il-Parlament Ewropew għandu servizz intern tat-traduzzjoni li kapaċi jilħaq ir-rekwiżiti ta’ kwalità tiegħu u jaħdem bid-dati ta’ skadenza stretti imposti mill-proċeduri parlamentari:

It-tradutturi tal-Parlament primarjament jaħdmu fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE li tkun qed tiġi diskussa, issir votazzjoni dwarha, tiġi adottata jew miċħuda mill-kumitati u l-plenarja. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, it-testi adottati mill-Parlament wara ftehim mal-Kunsill fl-ewwel qari jsiru liġi u t-traduzzjoni hija għalhekk xi ftit jew wisq l-aħħar attur fil-proċess, li jinvolvi responsabbiltà addizzjonali u kbira

It-tradutturi jaħdmu wkoll fuq firxa wiesgħa ta’ testi, bħal:

  • riżoluzzjonijiet tal-PE dwar kwistjonijiet topiċi, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kullimkien fid-dinja;
  • l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE u l-proċedura ta’ kwittanza;
  • mistoqsijiet parlamentari;
  • dokumenti ta’ korpi politiċi oħra, bħall-assemblej parlamentari konġunti li jikkonsistu minn Membri tal-Parlament Ewropew u Membri Parlamentari nazzjonali jew rappreżentanti eletti ta’ pajjiżi mhux fl-UE;
  • deċiżjonijiet mill-Ombudsman Ewropew;
  • informazzjoni għaċ-ċittadini u għall-Istati Membri;
  • deċiżjonijiet tal-korpi governattivi tal-Parlament (il-Bureau, il-Konferenza tal-Presidenti, il-Kwesturi).
 
 
L-interpretazzjoni

Ix-xogħol prinċipali ta' l-interpreti tal-Parlament Ewropew huwa l-interpretar preċiż fil-lingwi uffiċjali kollha u f'ħin reali tad-diskorsi tad-Deputati Parlamentari. Is-servizzi ta' l-interpretar huma pprovduti għal-laqgħat kollha multilingwi organizzati mill-korpi uffiċjali ta' l-Istituzzjoni.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni u l-Konferenzi tal-Parlament Ewropew jimpjega madwar 330 interpretu intern u għandu għad-dispożizzjoni tiegħu riżerva ta’ madwar 1 800 interpretu akkreditat estern li juża b’mod regolari ħafna skont il-ħtieġa.

L-interpretazzjoni hija meħtieġa l-aktar :

  • għas-seduti plenarji;
  • għal-laqgħat tal-kumitati parlamentari, tad-delegazzjonijiet parlamentari, u ta' l-assembleji parlamentari konġunti;
  • għal-laqgħat tal-gruppi politiċi;
  • għal-laqgħat ta' l-istampa;
  • għal-laqgħat tal-korpi ta' tmexxija interna tal-Parlament (il-Bureau, il-Konferenza tal-Presidenti, eċċ.).

Bejn 800 u 1 000 interpretu jkunu disponibbli matul is-seduti plenarji tal-Parlament, fejn l-interpretazzjoni simultanja hija pprovduta minn u għal-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Għal-laqgħat l-oħra, l-interpretazzjoni hija pprovduta skont il-ħtieġa, u dejjem iktar spiss għal lingwi oħra wkoll barra l-lingwi uffiċjali.

Bħala regola, kull interpretu jaħdem mil-lingwa oriġinali tal-kelliem għall-ilsien ta' art twelidu. Iżda b’552 kombinazzjoni lingwistika possibbli (24 x 23 lingwa), mhux dejjem faċli li ssib lil xi ħadd li jista’ jinterpreta minn lingwa partikolari għal oħra u f’dawn il-każijiet tintuża sistema ta’ relay, fejn l-interpretazzjoni minn lingwa għal oħra tgħaddi mit-tielet lingwa, il-lingwa “pivot” jew relay.

 
 
Multilingwiżmu - Atti Leġiżlattivi

Il-leġiżlazzjoni adottata mill-Parlament Ewropew taffettwa aktar minn 500 miljun ruħ fi 28 pajjiż b'24 lingwa uffiċjali: jeħtieġ li tkun identika u ċara kemm jista' jkun bil-lingwi kollha. Il-verifika tal-kwalità lingwistika u leġiżlattiva tat-testi hija l-kompitu tal-ġuristi lingwisti tal-Parlament Ewropew.

Il-ġuristi lingwisti tal-Parlament Ewropew, matul il-proċess leġiżlattiv kollu, jiżguraw li t-testi leġiżlattivi bil-lingwi kollha tal-UE jkunu tal-ogħla kwalità possibbli. Biex jiggarantixxu li r-rieda politika tal-Parlament tissarraf f'testi leġiżlattivi ta' kwalità għolja, il-ġuristi lingwisti huma involuti f'kull stadju tal-proċedura leġiżlattiva.

Ix-xogħol isir minn tim ta' 75 ġurista lingwista. B'mod partikolari, huma:

  • jagħtu pariri lill-Membri u lis-segretarjati tal-kumitati, sew dwar il-kitba kif ukoll dwar il-proċeduri, mit-tfassil tal-ewwel abbozz sal-adozzjoni aħħarija fil-plenarja;
  • iħejju u jippubblikaw testi leġiżlattivi għall-adozzjoni mill-Parlament fil-kumitati u fil-plenarja, filwaqt li jiżguraw l-ogħla kwalità tal-emendi fir-rapporti fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha u li l-proċedura timxi bla intoppi;
  • responsabbli għat-tħejjija teknika tal-emendi mressqa għall-plenarja, kif ukoll għall-pubblikazzjoni tat-testi kollha adottati dakinhar tal-votazzjoni fil-plenarja;
  • jiffinalizzaw l-atti leġiżlattivi flimkien mal-ġuristi lingwisti tal-Kunsill.
 
 
 
 
Tools