Il-Membri tal-Parlament Ewropew

 

Il-Parlament Ewropew hu magħmul minn 754 Membru eletti fil-27 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir. Sa mill-1979, il-Membri tal-PE jiġu eletti b'suffraġju universali dirett għall-perjodu ta' ħames snin.

 
 

Kull Stat Membru jiddeċiedi dwar x'tip ta' elezzjoni se jagħmel, imma jrid jimxi ma' regoli demokratiċi bażiċi identiċi: ugwaljanza fost is-sessi u vot sigrieta. Fl-Istati kollha l-età tal-votazzjoni hija ta' 18-il sena, għall-eċċezzjoni tal-Awstrija, fejn hija ta' 16-il sena.

L-elezzjonijiet Ewropej huma diġà rregolati minn bosta prinċipji komuni: suffraġju universali dirett, rappreżentazzjoni proporzjonali u mandat ta' ħames snin li jista' jiġġedded.

Bħala regola ġenerali, is-siġġijiet huma mqassma proporzjonalment skond il-popolazzjoni ta' kull Stat Membru. Kull Stat Membru għandu numru fiss ta' siġġijiet, massimu ta' 99 u minimu ta' 6.

Ugwaljanza fost l-irġiel u n-nisa: il-proporzjon ta' nisa fil-Parlament Ewropew qed dejjem jikber. Bħalissa ftit iktar minn terz tal-Membri tal-PE huma nisa.

Il-Membri tal-PE jaqsmu l-ħin tagħhom bejn Brussell, Strasburgu u l-kostitwenzi tagħhom. Fi Brussel jattendu għal-laqgħat tal-kumitati parlamentari u tal-gruppi politiċi, u għal-seduti plenarji addizzjonali. Fi Strasburgu huma jattendu għal 12-il seduta plenarja. Ovvjament, flimkien ma' dawn l-attivitajiet huma jridu jiddedikaw ħin għall-kostitwenzi tagħhom ukoll.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew huma miġbura skond l-affinità politika u mhux skond in-nazzjonalità.

Huma jeżerċitaw l-mandat tagħhom b'mod indipendenti.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew, mogħtija aktat u aktar poteri, jinfluenzaw kull qasam tal-ħajja ta' kuljum tal-pubbliku Ewropew: l-ambjent, il-ħarsien tal-konsumatur u t-trasport, kif ukoll l-edukazzjoni, il-kultura, is-saħħa, eċċ.

L-istatut il-ġdid tal-Membri daħal fis-seħħ fl-14 ta' Lulju. L-istatut il-ġdid jagħmel il-kondizzjonijiet u t-termini tax-xogħol tal-Membri iktar trasparenti u jdaħħal salarju komuni għall-Membri kollha li issa ser ikunu mħallsa mill-baġit tal-UE.



 
 
Kodiċi ta' Mġiba għall-Membri tal-Parlament Ewropew

Il-Kodiċi ta' Mġiba daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012. Bħala prinċipji gwida tagħha, tistabbilixxi li l-Membri għandhom jaġixxu biss fl-interess pubbliku u jwettqu xogħolhom b'diżinteress, integrità, trasparenza, diliġenza, onestà, responsabilità u rispett għar-reputazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-Kodiċi ta' Mġiba tiddefinixxi l-kunflitti ta' interess u l-mod kif il-Membri għandhom jindirizzawhom u tinkludi regoli dwar, pereżempju, ir-rigali uffiċjali lill-Membri u l-attivitajiet professjonali tal-ex Membri.

Il-Kodiċi ta' Mġiba tobbliga wkoll lill-Membri jressqu dikjarazzjoni dettaljata tal-interessi finanzjarji tagħhom. Din id-dikjarazzjoni tirrifletti r-regoli u l-istandards ta' trasparenza stabbiliti fil-Kodiċi ta' Mġiba. L-informazzjoni fornuta mill-Membri fid-dikjarazzjonijiet tagħhom tista' tinstab fil-paġni tal-profil individwali tal-Membri.

Kwalunkwe Membru li jinsab ħati mill-ksur tal-Kodiċi ta' Mġiba jista' jingħata piena mill-President. Din il-piena titħabbar mill-President waqt is-sessjoni plenarja u tiġi ppubblikata b'mod prominenti fuq is-sit tal-internet tal-Parlament sa tmiem il-mandat parlamentari.

Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri Parlamentari huwa l-korp inkarigat sabiex jiggwida lill-Membri dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Mġiba. Fuq talba tal-President, il-Kumitat Konsultattiv jevalwa wkoll il-każijiet ta' ksur allegat tal-Kodiċi ta' Mġiba u jagħti parir lill-President dwar il-miżuri eventwali li għandhom jittieħdu.

Il-Kumitat Konsultattiv huwa magħmul minn ħames Membri. Dawn jinħatru mill-President abbażi tal-esperjenza tagħhom u ta' bilanċ politiku bejn il-gruppi politiċi tal-Parlament. Kull wieħed mill-ħames Membri jieħu l-presidenza għal sitt xhur fuq bażi ta' rotazzjoni. Il-President jaħtar ukoll membru ta' riserva għal kull grupp politiku li nkella ma jkunx rappreżentat fil-Kumitat Konsultattiv.

Il-Kumitat Konsultattiv jippubblika rapport annwali dwar il-ħidma tiegħu.

Il-Kompozizzjoni tal-Kumitat Konsulattiv
 
Carlo CASINI Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (Demokristjani) Membru tal-bureau l-Italja Unione dei Democratici cristiani e dei Democratici di Centro
 
 
Evelyn REGNER Grupp tal-Allejanza Progressiva tas-Socjalisti u d-Demokratici fil-Parlament Ewropew Membru l-Awstrija Sozialdemokratische Partei Österreichs
 
 
Cecilia WIKSTRÖM Grupp ta' l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa Membru l-Isvezja Folkpartiet liberalerna
 
 
Gerald HÄFNER Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea Membru il-Ġermanja Bündnis 90/Die Grünen
 
 
Sajjad KARIM Grupp tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej Membru ir-Renju Unit Conservative Party
 
 
Membri ta' riserva
Jiří MAŠTÁLKA Grupp Konfederali tax-Xellug Magħqud Ewropew - Xellug Aħdar Nordiku ir-Repubblika Ċeka Komunistická strana Čech a Moravy
 
 
Francesco Enrico SPERONI Grupp għall Ewropa ħielsa u demokratika l-Italja Lega Nord
 
 
 
 
Salarji u allokazzjonijiet
Salarju tal-MEPs

B’mod ġenerali, l-MEPs jirċievu l-istess salarju skont l-istatut uniku li daħal fis-seħħ f'Lulju 2009.

Fl-2011, is-salarju ta’ kull xahar tal-MEPs, qabel titnaqqas it-taxxa, skont l-istatut uniku hu ta’ 7.956,87 EUR. Is-salarju hu meħud mill-baġit tal-Parlament u hu suġġett għal taxxa tal-UE u għal kontribuzzjoni għall-assigurazzjoni għall-inċidenti; wara dan it-tnaqqis is-salarju nett hu ta’ 6.200,72 EUR. L-Istati Membri jistgħu wkoll jimponu taxxi nazzjonali fuq is-salarju. Is-salarju bażiku hu stabilit bħala 38.5% tas-salarju bażiku ta’ mħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Jeżistu xi ftit eċċezzjonijiet: MEPs li kienu parti mill-Parlament qabel l-elezzjonijiet tal-2009 li setgħu jagħżlu li jżommu s-sistema nazzjonali preċedenti dwar is-salarju, l-allokazzjoni tranżizzjonali u l-pensjonijiet.

Pensjonijiet

Skont l-istatut, ex-Membri se jkunu intitolati għal pensjoni tal-età mill-età ta' 63. Il-pensjoni se tkun 3.5% tas-salarju għal kull sena sħiħa ta’ xogħol bħala parti mill-mandat imma ma tistax tkun aktar minn 70% bħala total. L-ispejjeż ta’ dawn il-pensjonijiet se jittieħdu mill-baġit tal-Parlament Ewropew.

Skema ta’ pensjoni addizzjonali, introdotta għall-MEPs fl-1989, ingħalqet għall-membri ġodda minn Lulju u qed titneħħa gradwalment.

 
 
Allokazzjonijiet li jitħallsu lill-Membri tal-Parlament Ewropew

Bħall-Membri tal-parlamenti nazzjonali, il-Membri tal-Parlament Ewropew jirċievu numru ta’ allokazzjonijiet li huma intenzjonati biex ikopru l-infiq tagħhom waqt il-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom.

Allokazzjoni tal-infiq ġenerali

Din l-allokazzjoni hija intenzjonata biex tkopri l-infiq fl-Istat Membru tal-elezzjoni, bħall-ispejjeż għall-immaniġġjar tal-uffiċċju tal-Membri, ħlasijiet tat-telefown u postali, u x-xiri, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ tagħmir tal-kompjuter u tat-telematika. L-allokazzjoni tkun in-nofs li hi fil-każ ta’ Membri li, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, ma jattendux nofs in-numru tas-sessjonijiet plenarji f’sena parlamentari waħda (minn Settembru sa Awissu).

L-ammont ta’ din l-allokazzjoni fl-2011 huwa ta’ EUR 4 299 kull xahar.

Spejjeż tal-ivvjaġġar

Ħafna laqgħat tal-Parlament Ewropew, bħas-sessjonijiet plenarji, laqgħat tal-kumitati u laqgħat tal-gruppi politiċi, isiru fi Brussell jew fi Strasburgu. L-MEPs jingħataw l-ispejjeż attwali tal-biljetti tal-ivvjaġġar tagħhom biex jattendu għal dawn il-laqgħat meta jippreżentaw l-irċevuti, sa massimu ta’ tariffa tal-ajru ‘business class’, tariffa tat-trenn ‘first class’ jew € 0,50 għal kull kilometru ta’ vjaġġar bil-karozza, minbarra allokazzjonjijiet fissi bbażati fuq id-distanza u t-tul ta’ żmien tal-vjaġġ li jkopri l-ispejjeż l-oħra tal-ivvjaġġar (bħal pereżempju, in-nollijiet tal-motorways, l-ispejjeż ta’ piż eċċessiv tal-bagalji jew tal-ibbukkjar).

Is-sistema preċedenti ta’ allokazzjoni b’rata waħda tal-ivvjaġġar għal vjaġġi minn Brussell u Strasburgu (u destinazzjonijiet oħra tal-UE) ġiet imneħħija.

Allokazzjoni tal-ivvjaġġar fis-sena

Il-Membri ta’ spiss ikollhom jivvjaġġaw barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom biex jaqdu dmirijiethom għal raġunijiet differenti minn laqgħat uffiċjali (pereżempju, biex jattendu għal konferenza fi Stat Membru ieħor jew biex jagħmlu żjara ta’ xogħol f’pajjiż ieħor fil-kapaċità tagħhom bħala rapporteurs).

Biex ikopru din l-eventwalità, il-Membri jistgħu jirċievu r-rimborż minn allokazzjoni tal-ivvjaġġar fissa ta’ kull sena għall-ivvjaġġar tagħhom, l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż assoċjati. Ir-rimborż isir fuq bażi tat-tariffa attwali tal-ajru jew tal-ferrovija u fuq preżentazzjoni tal-vawċers rilevanti tal-ivvjaġġar u tad-dokumenti neċessarji.

Għas-sena 2011, l-allokazzjoni hija fissa għal massimu ta’ EUR 4,243.

Allokazzjoni tas-sussistenza
  • Il-Parlament iħallas din l-allokazzjoni b’rata fissa ta’ EUR 304 għal kull jum ta’ attendenza f’laqgħat uffiċjali tal-korpi Parlamentari li fihom il-Membru jaqdi dmirijietu u li jsiru fi ħdan il-Komunità Ewropea. Din tkopri l-akkomodazzjoni, l-ikliet u l-ispejjeż l-oħra kollha involuti meta jattendu dawn il-laqgħat. Il-Parlament iħallas l-allokazzjoni biss jekk il-Membru jkun iffirma r-reġistru uffiċjali tal-attendenza.

  • Matul is-sessjonijiet plenarji, il-Parlament inaqqas dan l-ammont bin-nofs għall-Membri li ma jkunux ħadu sehem għal nofs il-votazzjonijiet ta’ rassenja li jsiru nhar ta’ Tlieta, nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħamis tas-sessjonijiet parzjali li jsiru fi Strasburgu u fit-tieni jum tas-sessjonijiet parzjali li jsiru fi Brussell.

  • Il-Parlament iħallas is-somma ta’ EUR 152 għal kull jum, flimkien mal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-kolazzjon, għall-attendenza f’laqgħat li jsiru barra mill-Komunità Ewropea, għal darb’oħra dejjem jekk il-Membru jkun iffirma r-reġistru uffiċjali tal-attendenza għal-laqgħa.

 
 
Arranġamenti tal-istaff

L-MEPs jistgħu jagħżlu l-istaff tagħhom skont baġit stabbilit mill-Parlament. L-assistenti akkreditati, ibbażati fi Brussell (jew il-Lussemburgu/Strasburgu) huma amministrati direttament mill-amministrazzjoni tal-Parlament, skont kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-istaff mhux permanenti tal-UE. L-assistenti ibbażati fl-Istati Membri tal-MEPs huma f’idejn aġenti tal-ħlas kwalifikati, li jiggarantulhom l-arranġamenti xierqa tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali.

Fl-2011, l-ammont massimu fix-xahar disponibbli għall-ispejjeż involuti hu ta’ €21 209 għal kull MEP. L-ebda wieħed minn dawn il-fondi ma huma mħallsa lill-MEPs infushom.

Sa kwart minn dan il-baġit jista’ jintuża għal servizzi minn fornituri ta’ servizzi magħżula mill-MEP, bħall-kummissjoni ta’ studju minn espert dwar suġġett partikolari.

B’mod ġenerali, l-MEPs ma jistgħux aktar ikollhom nies li jiġu minnhom fost l-istaff tagħhom, għalkemm hemm perjodu tranżizzjonali għal dawk li diġà kienu impjegati fit-terminu preċedenti.

 
 
 
 
Tools