L-ewwel Trattat li ġie ffirmat fl-1951 stabbilixxa l-Assemblea Parlamentari, li iktar tard saret magħrufa bħala l-Parlament Ewropew. L-għan tat-Trattat oriġinali kien li sitt pajjiżi, li preċedentement kienu fi gwerra, jibdew jaħdmu flimkien biex jiksbu objettivi komuni. Trattati sussegwenti stabbilixxew oqsma ġodda fejn dawn setgħu jaħdmu flimkien, jew kienu maħsuba biex itejbu l-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE hekk kif is-sħubija kibret minn 6 pajjiżi għal 27. Pereżempju, il-politika agrikola ġiet introdotta fit-Trattat KEE, u t-Trattat ta’ Nizza rriforma l-istruttura istituzzjonali tal-UE.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont it-Trattati. Il-Kummissjoni hija meqjusa bħala l-“Gwardjan tat-Trattati”. Meta jkun se jitfassal Trattat ġdid, jew ikun se jiġi emendat Trattat eżistenti, titħejja Konferenza Intergovernattiva (KIG), li matulha jiltaqgħu l-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-Parlament jiġi kkonsultat u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar it-Trattat waqt li jkun qiegħed jifforma u jiżviluppa.
Il-Parlament kiseb iktar setgħat demokratiċi, superviżorji u leġiżlattivi ma’ kull Trattat ġdid. Permezz tat-Trattat ta’ Brussell (iffirmat fl-1975), il-Parlament kiseb id-dritt li fl-aħħar ta’ kull sena jiskrutinja l-kontijiet tal-UE, u jevalwa jekk il-Kummissjoni tkunx nefqet il-baġit tal-UE b’mod għaqli u ġust. Żidiet ġodda permezz tal-Att Uniku Ewropew (Trattat iffirmat fl-1986) żguraw li l-kunsens tal-Parlament ikun wieħed obbligatorju qabel ma pajjiż ġdid ikun jista' jingħaqad mal-UE. It-Trattat ta’ Amsterdam (iffirmat fl-1997) ta pożizzjoni ferm iktar b’saħħitha lill-Parlament fil-koleġiżlazzjoni mal-Kunsill fuq sensiela ta’ oqsma li huma soġġetti għal-liġi tal-UE (il-protezzjoni tal-konsumatur, l-abbiltà li persuna taħdem legalment f’pajjiż ieħor u kwistjonijiet ambjentali, biex insemmu xi wħud).
L-iktar Trattat riċenti, it-Trattat ta’ Lisbona, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.
Huwa jsaħħaħ il-Parlament Ewropew, jagħti lill-parlamenti nazzjonali iktar responsabilità biex jiddeterminaw il-kors tal-politika Ewropea, u jippermetti li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom is-setgħa ta’ inizjattiva. It-Trattat ta' Lisbona jkompli jżid is-setgħat tal-Parlament bħala koleġiżlatur rikonoxxut kompletament b’aktar setgħat baġitarji. Huwa jagħti wkoll lill-Parlament rwol prinċipali fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-KIG responsabbli mit-tħejjija tat-Trattat Ewropew ta’ Riforma tnediet f’Lisbona fit-23 ta’ Lulju 2007 (rappreżentanti tal-Parlament Ewropew: Elmar Brok, Enrique Barón Crespo u Andrew Duff). It-test tat-Trattat kien approvat waqt laqgħa bejn il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern f’Lisbona bejn it-18 u d-19 ta’ Ottubru 2007. It-Trattat ta’ Lisbona ġie ffirmat fil-preżenza tal-President tal-PE, Hans-Gert Pöttering fit-13 ta’ Diċembru 2007, wara proklama fil-Parlament dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill.
Sad-19 ta’ Frar 2008, it-Trattat ta’ Lisbona ġie adottat mill-Parlament Ewropew (ir-rapport Corbett/Méndez de Vigo). Skont it-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu d-dritt li jaħtar il-President tal-Kummissjoni, abbażi ta' proposta mill-Kunsill Ewropew li tqis ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-proċess ta’ kodeċiżjoni jkompli jinfirex iktar fuq oqsma ġodda, u għandu jkun magħruf bħala l-“proċedura leġiżlattiva ordinarja".
Bi ftit eċċezzjonijiet, it-Trattat iqiegħed lill-Parlament Ewropew, bħala leġiżlatur, f’livell ekwivalenti għal dak tal-Kunsill f'qosma fejn qabel ma kienx il-każ, partikolarment fil-formulazzjoni tal-baġit tal-UE (il-Parlament igawdi parità totali), il-politika tal-agrikoltura, il-ġustizzja u l-intern.
It-Trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, wara li ġie ratifikat mis-27 Stat Membru kollha.
Il-Karta għad-Drittijiet Fundamentali ġiet iffirmata mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-Kunsill Ewropew ta’ Nizza. It-Trattat ta’ Nizza li jemenda t-Trattat dwar l-UE, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati ġie ffirmat fil-preżenza tal-President tal-Parlament Ewropew, Nicole Fontaine. L-għan tat-Trattat ta’ Nizza kien li jirriforma l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea sabiex tkun tiflaħ għall-isfidi tat-tkabbir il-ġdid. Permezz tat-Trattat ta’ Nizza, is-setgħat leġiżlattivi u superviżorji tal-Parlament żdiedu u l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ġiet estiża għal iżjed oqsma fi ħdan il-Kunsill.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
Ġiet imnedija KIG f’Turin (fl-Italja) f’Marzu 1996 bl-għan li jiġi rivedut it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattat sussegwenti ta’ Amsterdam, li jemenda t-Trattat dwar l-UE, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati, ġie ffirmat fil-preżenza tal-President tal-Parlament Ewropew, José María Gil-Robles.
Hekk kif daħal fis-seħħ f’Mejju 1999, il-proċedura ta’ kodeċiżjoni ġiet issimplifikata u l-qasam ta’ applikazzjoni tagħha twessa’. Il-Parlament issa ngħata d-dritt li japprova l-President tal-Kummissjoni.
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ġie ffirmat f’Maastricht fil-preżenza tal-President tal-Parlament Ewropew, Egon Klepsch. Skont dan it-Trattat, l-Unjoni hija bbażatat fuq il-Komunitajiet Ewropej (l-ewwel pilastru) u fuq żewġ oqsma ta’ koperazzjoni oħra (it-tieni u t-tielet pilastru): il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (CSFP) u l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (JHA).
Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-KEE saret il-Komunità Ewropea (KE). Is-setgħat leġiżlattivi u superviżorji tal-PE żdiedu hekk kif ġiet introdotta l-proċedura ta’ koeżjoni u ġiet estiża l-proċedura ta’ koperazzjoni.
Skont it-Trattat il-ġdid, il-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar kwestjonijiet li fl-opinjoni tiegħu jitolbu t-tħejjija ta’ att Komunitarju. Il-Kummissjoni kollha kemm hi issa kienet teħtieġ l-approvazzjoni tal-PE, li jaħtar ukoll l-Ombudsman Ewropew.
L-ewwel Konferenza Intergovernattiva tnediet taħt presidenza Taljana fid-9 ta’ Settembru 1985, u laħqet il-quċċata tagħha bl-adozzjoni tal-Att Uniku Ewropew fit-28 ta’ Frar 1986 fi Brussell.
L-Att Uniku Ewropew wassal għal emendi fit-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u stabbilixxa l-koperazzjoni politika Ewropea. Hekk kif l-Att Uniku Ewropew (SEA) daħal fis-seħħ, it-titlu 'Parlament Ewropew' (li kien ilu jintuża mill-Assemblea sa mill-1962) sar uffiċjali. L-Att Uniku Ewropew (SEA) żied ukoll is-setgħat leġiżlattivi tal-PE permezz tal-introduzzjoni tal-proċeduri ta’ koperazzjoni u approvazzjoni.
Għal darb’oħra, it-Trattat ta’ Brussell fl-1975 emenda ċerti dispożizzjonijiet finanzjarji stipulati fit-Trattati. Huwa saħħaħ is-setgħat baġitarji tal-Assemblea (il-PE kiseb id-dritt li jiċħad il-baġit Komunitarju u li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit) u kkontribwixxa għat-twaqqif tal-Qorti tal-Awdituri.
Trattat li jemenda ċerti dispożizzjonijiet baġitarji/L-Ewwel Trattat Baġitarju
Hekk kif ġie ffirmat it-Trattat tal-Lussemburgu, li emenda ċerti dispożizzjonijiet baġitarji stipulati fit-Trattati, is-setgħat baġitarji tal-Assemblea żdiedu hekk kif il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri ġew sostitwiti bir-"riżorsi tagħha stess ".
It-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea/It-Trattat li jgħaqqad
It-Trattat li jgħaqqad tal-1965 għaqqad l-eżekuttivi. Il-Komunitajiet Ewropej twaqqfu bħala konsegwenza tal-għaqda tal-istituzzjonijiet stabbiliti mill-KEFA, mill-KEE u mill-Euratom.
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika
Ġew iffirmati żewġ trattati fil-25 ta’ Marzu 1957 – it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (KEEA jew l-Euratom). Fost l-objettivi prinċipali tat-Trattat Euratom insibu:
Il-valur tal-Euratom jista’ jidher b’mod ċar fil-kuntest tat-tkabbir. L-enerġija nukleari hija sors importanti ta’ enerġija għal ħafna pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa, iżda l-istandards tas-sikurezza fl-impjanti nukleari tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni tal-pubbliku u l-ħaddiema mhux dejjem ikun biżżejjed. Il-Euratom ipprovda l-kuntest għal appoġġ min-naħa tal-UE.
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea
Iż-żewġ Trattati ġew iffirmati fil-25 ta’ Marzu 1957 – it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (KEEA jew il-Euratom). Għaż-żewġ Komunitajiet ġodda, ittieħdu xi deċiżjonijiet mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni. L-Assemblea Parlamentari kellha tibda tiġi kkonsultata u tagħti l-opinjoni tagħha lill-Kunsill. L-Assemblea kibret għal 142 membru. L-ewwel sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Ewropea saret is-sena ta’ wara, fid-19 ta’ Marzu 1958. Bit-Trattati ta’ Ruma daħlet dispożizzjoni speċifika biex il-membri jiġu eletti b’mod dirett (din ġiet implimentata fl-1979).
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA)
It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) ġie ffirmat f’Pariġi mill-Belġju, Franza, l-Italja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Olanda. Huwa daħal fis-seħħ għal perjodu ta’ 50 sena. Il-membri tal-Assemblea Parlamentari Ewropea kellhom jintgħażlu mill-parlamenti nazzjonali tagħhom. L-Assemblea kellha d-dritt li xxolji l-Awtorità Għolja (dik li llum il-ġurnata hija l-Kummissjoni).
It-Trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni għall-Ewropa ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fit-18 ta’ Ġunju 2004, u iktar tard dik is-sena ġie ffirmat f’Ruma fil-preżenza tal-President tal-PE, Josep Borrell Fontelles. Wara li ġie approvat mill-PE (ir-rapport Méndez de Vigo-Leinen), it-Trattat inċaħad minn Franza (fid-29 ta’ Mejju 2005) u mill-Olanda (fl-1 ta’ Ġunju 2005) fir-referenda nazzjonali tagħhom.
Wara ċ-ċaħda tat-Trattat Kostituzzjonali, l-Istati Membri bdew jaħdmu fuq il-Trattat ta’ Liżbona.