Il-parlamenti nazzjonali fl-UE 

It-Trattat ta' Lisbona stabbilixxa għall-ewwel darba r-rwol tal-parlamenti nazzjonali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-parlamenti nazzjonali jistgħu, pereżempju, jiskrutinizzaw abbozzi tal-liġijiet tal-UE biex jaraw jekk dawn jirrispettawx il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jipparteċipaw fir-reviżjoni tat-trattati tal-UE, jew jieħdu sehem fl-evalwazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

It-Trattat ta' Lisbona speċifika wkoll li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom jiddeterminaw flimkien l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni interparlamentari effikaċi u regolari fi ħdan l-Unjoni.

Fid-dawl ta' dan, fl-2009 u fl-2014 il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjonijiet li jittrattaw speċifikament l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

It-tlaqqigħ tal-persuni adatti fil-ħin adatt

Il-kooperazzjoni interparlamentari tista' tieħu ħafna forom differenti. Il-presidenti, jew il-kelliema, ta' kull parlament nazzjonali u l-Parlament Ewropew jiltaqgħu kull sena u jidentifikaw il-linji gwida ġenerali għal din il-kooperazzjoni.

Il-kumitati għall-affarijiet tal-UE fi ħdan il-parlamenti nazzjonali u l-Membri tal-Parlament Ewropew jiltaqgħu b'mod regolari fil-Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Ewropej (COSAC). Diskussjonijiet aktar profondi fuq il-politika barranija jew fuq kwistjonijiet ta' governanza ekonomika jsiru f'konferenzi interparlamentari li nħolqu reċentement li jlaqqgħu flimkien membri tal-kumitati kompetenti minn kull parlament.

Il-kumitati tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali ta' spiss jistiednu lill-kontropartijiet tagħhom għal dibatti dwar proposti speċifiċi tal-UE. Barra minn hekk, l-użu tal-vidjokonferenza jagħti l-opportunità lill-Parlamentari jżommu kuntatt u jiddiskutu l-kwistjonijiet attwali.

L-objettiv ġenerali hu dejjem biex jitlaqqgħu flimkien il-persuni adatti, dwar is-suġġett adatt, fil-ħin adatt.

Netwerks għall-kooperazzjoni interparlamentari

Il-Parlament Ewropew jappoġġa b'mod attiv żewġ netwerks kbar li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti.

L-Iskambju ta' Informazzjoni Interparlamentari tal-UE (IPEX) jippermetti lill-parlamenti tal-Unjoni Ewropea jagħmlu skambju ta' dokumenti relatati mal-UE.

Iċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni Parlamentari (ECPRD) jaġixxi bħala kanal għal talbiet għall-informazzjoni kull meta parlament jixtieq ikun jaf aktar dwar il-prattiki u l-politiki f'pajjiżi oħrajn tal-UE.