Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

Organizzazzjoni

 
 
Il-President

Il-President jiġi elett għal mandat ta' sentejn u nofs li jista' jiġġedded, jiġifieri għal nofs il-leġiżlatura tal-Parlament. Il-President jirrappreżenta l-Parlament Ewropew fid-dinja ta' barra u fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Il-President jissorvelja x-xogħol tal-Parlament u l-korpi kostitwenti tiegħu, kif ukoll id-dibattiti fis-seduta plenarja u jiżgura li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament ikunu osservati.

Fil-bidu ta' kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew jesprimi l-opinjoni u l-ħsibijiet tal-Parlament fir-rigward tal-punti li jkun hemm fl-aġenda u ta' suġġetti oħra.

Wara li l-baġit tal-Unjoni Ewropea jkun adottat mill-Parlament, il-President jiffirmah, u b'hekk jagħmlu operattiv. Kemm il-President tal-PE kif ukoll il-President tal-Kunsill jiffirmaw kull att leġiżlattiv adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

 
 
 
Il-MPE
Il-MPE

Il-Parlament Ewropew hu magħmul minn 751 Membru eletti fit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir. Sa mill-1979, il-MPE jiġu eletti b'vot dirett universali għal perjodu ta' ħames snin.

Kull pajjiż jiddeċiedi dwar x'tip ta' elezzjoni se jagħmel, imma jrid jiggarantixxi ugwaljanza bejn is-sessi u vot sigriet. L-elezzjonijiet tal-UE huma rregolati minn rappreżentanza proporzjonali.

Is-siġġijiet huma allokati abbażi tal-popolazzjoni ta' kull Stat Membru. Ftit aktar minn terz tal-MPE huma nisa. Il-MPE huma miġbura skont l-affinità politika, u mhux skont in-nazzjonalità.

 
 
 
Il-gruppi politiċi
Il-gruppi politiċi

Il-Membri tal-Parlament Ewropew jinġabru fi gruppi politiċi – m'humiex mqassma skont in-nazzjonalità tagħhom, imma skont l-affiljazzjoni politika tagħhom. Bħalissa hemm 7 gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.

Biex ikun iffurmat grupp politiku hemm bżonn ta' mill-inqas 25 Membru, u fil-grupp irid ikun rappreżentat mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri Membru ma jistax ikun f'iktar minn grupp politiku wieħed.

Uħud mill-Membri ma jkunu jagħmlu parti minn l-ebda grupp politiku, u dawn jissejħu Membri mhux affiljati.

 
 
 
Il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew

Kull grupp politiku jieħu ħsieb l-organizzazzjoni interna tiegħu billi jaħtar President (jew żewġ Kopresidenti fil-każ ta' wħud mill-gruppi), bureau u segretarjat

Il-postijiet assenjati lill-Membri fil-Kamra jkunu deċiżi skont l-affiljazzjoni politika, mix-xellug għal-lemin, bi ftehim mal-Presidenti tal-gruppi.

Qabel kull votazzjoni fis-seduta plenarja, il-gruppi politiċi jiflu bir-reqqa r-rapporti mfassla mill-kumitati parlamentari u jressqulhom l-emendi.

Il-pożizzjoni adottata mill-grupp politiku tiġi definita permezz ta' diskussjoni fi ħdan il-grupp. L-ebda Membru ma jista' jkun mġiegħel jivvota b'mod partikulari.

 
 
 
 
Kumitati

Sabiex isir ix-xogħol preparatorju għas-seduti plenarji tal-Parlament, il-Membri huma mqassma f'numru ta' kumitati permanenti speċjalizzati. Jeżistu 20 kumitat parlamentari.

Kumitat jikkonsisti sa minn 25 sa 71 Membru tal-PE, u għandu 'chairperson', bureau u segretarjat. L-għamla politika tal-kumitati tirrifletti l-għamla ta' l-assemblea plenarja.

Il-kumitati parlamentari jiltaqgħu darba jew darbtejn fix-xahar fi Brussell. Id-dibattiti tagħhom huma miftuħa għall-pubbliku.

Il-kumitati jħejju, jemendaw u jadottaw proposti leġiżlattivi u rapporti fuq inizjattiva tagħhom. Huma jikkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u, fejn jkun hemm bżonn iħejju rapporti sabiex ikunu ppreżentati fl-assemblea plenarja.

Il-Parlament jista' wkoll iwaqqaf sotto-kumitati u kumitati temporanji speċjali biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi, għandu l-poter li jwaqqaf kumitati ta' inkjesta formali skond id-dmirijiet ta' superviżjoni fdati lilu biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' administrazzjoni ħażina tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

Iċ-'chairpersons' tal-kumitati jikkoordinaw ix-xogħol tal-kumitati fil-Konferenza taċ-'Chairpersons' tal-Kumitati.

 
 
 
Id-delegazzjonijiet
Id-delegazzjonijiet

Id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew iżommu relazzjonijiet u jiskambjaw informazzjoni ma' Parlamenti ta' pajjiżi li mhumiex membri fl-UE. Permezz tad-delegazzjonijiet tiegħu, il-Parlament Ewropew jgħin biex jirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea esternament u biex jippromwovi f'pajjiżi terzi l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, jiġifieri, il-prinċipji ta' libertà, demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt.

Hemm diversi tipi ta’ delegazzjonijiet: il-kumitati parlamentari konġunti, il-kumitati parlamentari ta' kooperazzjoni, id-delegazzjonijiet interparlamentari l-oħra u d-delegazzjonijiet għall-assemblej parlamentari multilaterali.

 
 
 
Entitajiet politiċi

Hemm diversi entitajiet politiċi fil-Parlament Ewropew responsabbli għall-organizzazzjoni tal-ħidma u tal-ippjanar leġiżlattiv tal-Parlament jew għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, kif ukoll għall-kwistjonijiet amministrattivi, finanzjarji, organizzattivi u ta' persunal.

 
 
 
Il-Konferenza tal-Presidenti

Il-Konferenza tal-Presidenti hi l-entità politika fil-Parlament responsabbli għal:

  • l-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Parlament u ta' l-ippjanar leġiżlattiv
  • id-deċiżjoni dwar ir-responsabilitajiet u l-kompożizzjoni tal-kumitati u d-delegazzjonijiet
  • ir-relazzjonijiet ma' l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE, il-parlamenti nazzjonali u l-pajjiżi li m'humiex fl-UE.

Il-Konferenza tal-Presidenti tipprepara l-kalendarju tal-Parlament u l-aġendi għas-seduti plenarji u talloka s-siġġijiet fil-Kamra.

Il-Konferenza tal-Presidenti tikkonsisti mill-President tal-Parlament u ċ-chairpersons tal-grupp politiċi. Rappreżentant wieħed tal-Membri mhux affiljati wkoll għandhom post fil-Konferenza tal-Presidenti imma m'għandhomx dritt għall-vot. Id-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti jittieħdu permezz ta' kunsens jew ta' votazzjoni fejn il-voti jingħataw piż skond in-numru ta' Membri f'kull grupp politiku.

Id-dmirijiet tal-Konferenza talPresidenti huma stipulati fir-Regoli ta' Proċedura. Torganizza l-ħidma tal-Parlament Ewropew u l-entitajiet tiegħu. Tiġi konsultata dwar il-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-ippjanar leġiżlattiv u r-relazzjonijiet ma' l-entitajiet u l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE. Il-Konferenza tal-Presidenti ġeneralment tiltaqa' darbtejn fix-xahar. Il-laqgħat tagħha m'humiex pubbliċi.

Il-minuti tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali, stampati u mqassma lill-Membri. Kwalunkwe Membru jista' jsaqsi dwar l-attivitajiet tal-Konferenza tal-Presidenti.

Din tagħti l-opportunità lill-Membri biex, barra mis-seduti plenarja, jagħmlu skambju ta' opinjonijiet ma' mistieden jew jiksbu informazzjoni minn qabel dwar proposti tal-Kummissjoni.

 
 
Il-Bureau

Il-Bureau hu l-entità li tistabbilixxi r-regoli għall-Parlament. Ifassal l-abbozz preliminari tal-baġit tal-Parlament u jiddeċiedi l-affarijiet amministrattivi u organizzazzjonali u dawk relatati ma' l-istaff.

Il-Bureau jikkonsisti mill-President tal-Parlament Ewropew, l-14-il Viċi President u ħames kwesturi eletti mill-Parlament għal perjodu ta' sentejn u nofs (li jista' jiġġedded). Waqt id-deliberazzjonijiet tal-Bureau, jekk il-voti jkunu indaqs, il-President għandu l-vot deċiżiv. Il-Kwesturi huma membri tal-Bureau f'kapaċità konsultattiva.

Il-Bureau għandu diversi dmirijiet amministrattivi u finanzjarji fil-Parlament. Huwa responsabbli għall-affarijiet kollha relatati mat-tħaddim intern tal-Parlament. Jieħu deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni ta' seduti, jista' jawtorizza laqgħat ta' kumitati jew delegazzjonijiet barra mit-tliet postijiet normali tax-xogħol, u jħejji l-abbozz preliminari ta' l-estimi tan-nefqa tal-Parlament. Jaħtar lis-Segretarju Ġenerali li hu responsabbli għat-tħaddim ta' l-amministrazzjoni tal-Parlament u jistabilixxi l-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tas-Segretarjat. Ġeneralment il-Bureau jiltaqa' darbtejn fix-xahar.

Il-minuti tal-Bureau jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha, stampat u mqassam lill-Membri kollha. Kwalunkwe Membru jista' jsaqsi dwar l-attivitajiet tal-Bureau.

Il-Bureau jiddeċiedi dwar il-fondi għall-partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament Ewropew.

 
 
Kulleġġ tal-Kwesturi

Il-Kulleġġ tal-Kwesturi huwa l-entità tal-Parlament Ewropew li hi responsabbli għall-kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji li jolqtu direttament lill-Membri u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Hemm ħames Kwesturi. Huma wkoll membri tal-Bureau. Il-Parlament Ewropew jivvota għall-Kwesturi wara l-elezzjoni tal-President u l-14-il Viċi President. Il-Kwesturi jiġu eletti permezz ta' votazzjoni sigrieta b'maġġoranza fi tliet votazzjonijiet: għall-ewwel żewġ votazzjonijiet hemm bżonn maġġoranza assoluta tal-voti mixħuta waqt li għall-aħħar votazzjoni maġġoranza relattiva hija biżżejjed. Iż-żmien tagħhom fil-kariga hu ta' sentejn u nofs u għandhom irwol konsultattiv fil-Bureau.

Il-Kwesturi huma responsabbli għall-kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji li jaffetwaw lill-Membri direttament, pereżempju biex ipoġġu servizzi u tagħmir ġenerali għad-dispożizzjoni tagħhom. Jistgħu jippreżentaw proposti biex jiġu modifikati jew imfassla mill-ġdid it-testi dwar ir-regoli kollha adottati mill-Bureau. Ġeneralment il-Kwesturi jiltaqgħu darba fix-xahar.

Kwalunkwe Membru jista' jsaqsi dwar l-attivitajiet tal-Kwesturi.

 
 
Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati

Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati hija l-entità politika fil-Parlament li taħdem għal koperazzjoni aħjar bejn il-kumitati.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati tikkonsisti miċ-chairmen tal-kumitati permanenti u temporanji kollha; teleġġi ċ-chairman tagħha. Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati ġeneralment tiltaqa' darba fix-xahar fi Strasburgu waqt is-seduti plenarji.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti dwar il-ħidma tal-kumitati u l-aġendi għas-seduti plenarji. Tista' wkoll tagħti pariri lill-Konferenza tal-Presidenti jekk ikun hemm nuqqas ta' qbil dwar liema kumitat għandu jkun responsabbli. Il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti jistgħu jiddelegaw ċertu xogħlijiet lill-Konferenza taċ-Chairmen tal-Kumitati.

 
 
Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet hija l-entità politika fil-Parlament li regolarment teżamina l-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tħaddim sew tad-delegazzjonijiet interparlamentari u d-delegazzjonijiet għall-kumitati parlamentari konġunti.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet tikkonsisti miċ-chairmen tad-delegazzjonijiet interparlamentari permanenti kollha; teleġġi ċ-chairman tagħha.

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti dwar il-ħidma tad-delegazzjonijiet. Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet tfassal abbozz ta' kalendarju annwali għal-laqgħat interparlamentari u l-laqgħat tal-kumitati parlamentari konġunti. Il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti jistgħu jiddelegaw ċertu xogħlijiet lill-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet.

 
 
 
 
Intergruppi

L-intergruppi jistgħu jiġu ffurmati minn Membri minn kwalunkwe grupp politiku u kumitat, bil-ħsieb li jiġu organizzati skambji ta' fehmiet informali dwar suġġetti partikolari u biex jiġi promoss il-kuntatt bejn il-Membri u s-soċjetà ċivili.

L-intergruppi mhumiex korpi tal-Parlament u għaldaqstant ma jistgħux jesprimu l-opinjoni tal-Parlament.

L-intergruppi huma soġġetti għar-regoli interni adottati mill-Konferenza tal-Presidenti fis-16 ta' Diċembru 1999 (aġġornati l-aħħar fil-11 ta' Settembru 2014), li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet skont liema jistgħu jiġu stabbiliti l-intergruppi fil-bidu ta' kull leġiżlatura u r-regoli operattivi tagħhom. Il-presidenti tal-intergruppi huma rikjesti jiddikjaraw kwalunkwe sostenn li jirċievu, sew finanzjarju jew in natura, skont l-istess kriterji applikabbli għall-Membri bħala individwi. Id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu aġġornati kull sena u jinżammu f'reġistru pubbliku li jinżamm mill-Kwesturi.

 
 
Lista tal-intergruppi

Fil-laqgħa tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2014, il-Konferenza tal-Presidenti approvat il-lista tal-intergruppi li ġejjin li għandhom jiġu stabbiliti fil-leġiżlatura attwali tal-Parlament:

Isem Link għad-dokumenti (pdf)
Tixjiħ attiv, solidarjetà interġenerazzjonali u politiki tal-familja Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Antirazziżmu u diversità
Bijodiversità, kampanja, kaċċa u sajd rikreazzjonali
Drittijiet tat-tfal Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Tibdil fil-klima, żvilupp sostenibbli u bijodiversità Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Beni komuni u servizzi pubbliċi Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Industriji kreattivi
Aġenda diġitali Lista tal-membri -->
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Diżabbiltà
Faqar estrem u drittijiet tal-bniedem
Żvilupp tat-turiżmu Ewropew, wirt kulturali, Mixja ta’ San Ġakbu u rotot kulturali Ewropej oħra Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin u t-tolleranza reliġjuża
Integrità - Trasparenza, antikorruzzjoni u kriminalità organizzata Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Drittijiet ta' Leżbjani, Gays, Bisesswali, Persuni Transġeneru u Intersesswali - LGBTI
Investiment fuq terminu twil u riindustrijalizzazzjoni Lista tal-membri
Żoni rurali, muntanjużi u remoti Lista tal-membri
Ibħra, xmajjar, gzejjer u żoni kostali Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
SMEs - Intrapiżi żgħar u ta' daqs medju Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Ajru u Spazju
L-ekonomija soċjali, l-impriżi tal-ekonomija soċjali, l-imprenditorija soċjali u s-settur terzjarju Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Sports
Trade Unions Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Minoranzi tradizzjonali, Komunitajiet nazzjonali u Lingwi Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Urban Lista tal-membri
Benessri u protezzjoni tal-annimali Lista tal-membri
Saħara tal-Punent
Inbid, spirti u prodotti tal-ikel ta' kwalità Lista tal-membri
Dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji
Kwistjonijiet taż-Żgħażagħ Lista tal-membri

 
 
 
Seduta Plenarja fi 360°

Ħu dawra virtwali tal-Kamra fejn issir is-seduta plenarja.

 
 
 
Ir-Regoli ta' Proċedura

L-Artikolu 232 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Parlament Ewropew għandu jadotta Regoli ta' Proċedura. Dawn huma ir-regoli interni tal-Parlament li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-operat tiegħu.