Il-Koordinatriċi tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tat-tfal
 

Iggwidata mill-prinċipju "tal-aħjar interess tat-tfal", il-Koordinatriċi taħdem biex tiżgura l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki u fil-leġiżlazzjoni kollha tal-UE. Hija tfittex li tgħin lil ċittadini li jesperjenzaw ħtif tat-tfal mill-ġenituri u tilwim transfruntier ieħor li jinvolvi l-familji. Hija favur kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-korpi ġudizzjarji u amministrattivi u tfittex li tippromwovi l-medjazzjoni fil-kwistjonijiet transfruntiera li jinvolvu l-familja.

Ħtif transkonfinali tal-minuri mill-ġenituri
 

     

Għall-ġenituri

Jekk ibnek/bintek inħatfu jew taħseb li dan se jseħħ fil-futur qarib, il-Koordinatriċi tal-Parlament Ewropew tista' tgħinek billi tipprovdi informazzjoni u appoġġ dwar dak li inti tista' tagħmel biex tindirizza s-sitwazzjoni.

     

Għall-professjonisti

Jekk inti qed taħdem f'dan il-qasam, pereżempju jekk inti mħallef, Awtorità Ċentrali, avukat, medjatur, jew taħdem għal NGO f'dan il-qasam, il-Koordinatriċi tal-Parlament Ewropew tixtieq taħdem miegħek.

     

Drittijiet tat-tfal

Il-Parlament Ewropew jippromwovi b'mod attiv l-iżvilupp u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-Ewropa. Il-Koordinatriċi se tinvolvi ruħha mal-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) sabiex tiżgura li x-xogħol tal-Parlament jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tat-tfal. Jekk tixtieq issir taf aktar dwar dak li l-Istituzzjoni qiegħda tagħmel fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal.

Anna Maria Corazza Bildt  hija l-Koordinatriċi kurrenti tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u nħatret f'din il-kariga f'Jannar 2019. Hija Membru tal-Parlament Ewropew.

Matul is-snin, Anna Maria Corazza-Bildt wettqet rwol ewlieni biex tqiegħed id-drittijiet tat-tfal fil-qalba tal-aġenda politika tal-UE. Bħala Koordinatriċi, hija se taħdem bħala promotur attiv tad-drittijiet tat-tfal u se sservi bħala l-kuntatt fokali ma' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħrajn involuti fil-politika tal-UE u d-drittijiet tat-tfal, kif ukoll mal-UNICEF u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ewlenin, se tmexxi 'il quddiem id-drittijiet tat-tfal kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja.

Anna Maria Corazza Bildt, Koordinatriċi tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal 

Storikament, sa mill-ħolqien tagħha fl-1987 fuq inizjattiva ta' Lord Plumb, li kien il-President tal-Parlament Ewropew ta' dak iż-żmien, il-kariga ta' Koordinatur kienet magħrufa bħala "Medjatur għal Tfal Vittmi ta' Ħtif Internazzjonali mill-Ġenituri". Il-medjaturi preċedenti kienu Elisabeth Morin-Chartier (2017-2019), Mairead McGuinness (2014-2017), Roberta Angelilli (2009-2014), Evelyne Gebhardt (2004-2009), Mary Banotti (1995-2004) u Marie-Claude Vayssade (1987-1994).

F'dak iż-żmien, kien hemm ftit kollaborazzjoni jew kważi xejn bejn l-Istati Membri tal-UE fil-qasam tal-liġi tal-familja. Il-ħolqien tal-pożizzjoni ta' Medjatur kienet soluzzjoni prammatika għaż-żieda fit-talbiet li l-MEPs kienu qed jirċievu miċ-ċittadini li kienu qed jiffaċċjaw problemi ta' ħtif transkonfinali tal-minuri jew ta' aċċess. Ir-rwol ta' medjatur evolva matul is-snin. F'April 2018, huwa ngħata l-isem ġdid ta' "il-Koordinatur tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal" taħt it-tmexxija ta' Elisabeth Morin-Chartier sabiex jirrifletti l-evoluzzjoni tal-mandat mogħti għall-pożizzjoni, sabiex iħaddan id-drittijiet tat-tfal.

L-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: Id-drittijiet tat-tfal 

1. It-tfal għandu jkollhom id-dritt għal tali protezzjoni u kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu fi kwistjonijiet li jirrigwardawhom skont l-età u l-maturità tagħhom.

2. Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja.

3. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.

Contact: