Ħtif transkonfinali tal-minuri mill-ġenituri: kif nistgħu ngħinuk
 

Jekk intom koppja internazzjonali u r-relazzjoni tagħkom intemmet, jista' jkun li xi ħadd minnkom ikollu xewqa kbira li "jirritorna lura lejn daru" jew "jiċċaqlaq". Jekk għandkom it-tfal flimkien, f'dak il-każ intom se teħtieġu l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor biex tiċċaqilqu bit-tifel/tifla lejn pajjiż ieħor.

Mingħajr tali kunsens, il-ġenitur li b'mod unilaterali jiddeċiedi li jieħu t-tifel/tifla se jkun qed jikser id-drittijiet ta' kustodja tal-ġenitur l-ieħor u mbagħad se sseħħ "tneħħija inġusta" jew "żamma" mill-post normali ta' residenza (residenza abitwali) tat-tifel/tifla. Dan jikkwalifika bħala "ħtif tal-minuri mill-ġenituri" u dak il-ġenitur jista' jkun qed jikser il-liġi.  

Jekk is-sieħeb/sieħba tiegħek ħadlek/ħaditlek lil ibnek/bintek f'pajjiż ieħor, huwa importanti ħafna li taġixxi malajr. Jeħtieġ li inti tieħu ċerti azzjonijiet, pereżempju jekk ibnek/bintek ikunu ttieħdu f'pajjiż ieħor tal-UE jew pajjiż li huwa parti mill- Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri , jenħtieġ li inti tikkuntattja lill-Awtorità Ċentrali  f'pajjiżek biex tibda l-proċess sabiex ibnek/bintek jirritornaw lura d-dar.

Aħna nistgħu nappoġġjawk billi niggwidawk fir-rigward tad-diversi għażliet miftuħa għalik sabiex is-sitwazzjoni tkun tista' tiġi solvuta malajr kemm jista' jkun. Aħna se nagħmlu dan b'mod imparzjali u newtrali, iggwidati mill-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal, filwaqt li nqisu li ibnek/bintek għandhom id-dritt li jkollhom relazzjoni u kuntatti maż-żewġ ġenituri tagħhom, dment li dan ma jkunx kontra l-interessi tagħhom.

Il-Koordinatriċi tal-Parlament Ewropew kif tista' tgħinek?
 

Tgħinek fil-kumplessità tal-proċeduri

Meta jseħħ ħtif internazzjonali tal-minuri mill-ġenituri, jeżistu kemm strumenti internazzjonali kif ukoll strumenti Ewropej ġuridiċi li jippermettu r-ritorn minnufih tat-tifel/tifla fir-residenza abitwali tagħhom fejn il-qrati hemmhekk għandhom il-ġurisdizzjoni li jiddeterminaw kustodja.

L-uffiċċju tal-Koordinatriċi qed jaħdem mill-qrib mal- Awtoritajiet Ċentrali  nazzjonali, organizzazzjonijiet ta' medjazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-familja, avukati speċjalizzati f'każijiet ta' ħtif ta' minuri, NGOs   u partijiet ikkonċernati prinċipali oħra fl-Ewropa u lil hinn minnha. Fejn xieraq, aħna nistgħu ngħinuk billi nipprovdu informazzjoni dwar miżuri disponibbli sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni. Peress li l-assistenza tal-Koordinatriċi ma tikkostitwixxix parir legali, l-informazzjoni pprovduta hija tabilħaqq addizzjonali għall-parir legali professjonali pprovdut mill-avukati tiegħek u ma tissostitwixxihx.

Il-medjazzjoni bħala alternattiva għall-qorti fit-tilwim relatat mal-ħtif ta' minuri u mad-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess

Aħna nistgħu nispejgaw kif taħdem il-medjazzjoni u se nfittxu li nħeġġuk biex tqis din l-għażla, jekk ikun xieraq.

Il-medjazzjoni f'każijiet tal-familja li spiss joħolqu kunflitti bħall-ħtif ta' minuri tista' tkun effettiva ħafna peress li l-ġenituri jiġu ggwidati minn medjaturi transkonfinali imparzjali u esperjenzati, li huma familjari mal-kumplessitajiet ta' tali każijiet.

Il-medjazzjoni tista' tgħinek biex tikkomunika mal-eks sieħeb/sieħba tiegħek f'ambjent sikur u newtrali dwar kwistjonijiet li jinvolvu lill-ibnek/bintek, u biex issib soluzzjoni volontarja, vijabbli u ffokata fuq it-tfal li tkun aċċettabbli għaż-żewġ ġenituri, iżda fuq kollox li tkun fl-aħjar interessi ta' ibnek/bintek. Din tista' tevita wkoll proċeduri ġudizzjarji twal u li jiswew il-flus.

Jekk tixtieq issir taf aktar dwar il-medjazzjoni, jekk jogħġbok ibgħatilna email  jew ikkuntattja lill-uffiċċju tagħna sabiex aħna nkunu nistgħu niddiskutu dan miegħek. Aħna nistgħu ngħinuk biex tikkuntattja lill-medjaturi mħarrġa fil-kunflitti transkonfinali fil-familja u b'mod partikolari, f'każijiet ta' ħtif ta' minuri f'pajjiżek.

L-importanza ta' parir legali professjonali

Il-proċeduri ta' ritorn huma kumplessi, għalhekk inħeġġuk tfittex parir mill-avukati tiegħek li għandhom għarfien u esperjenza speċjalizzata fil-proċedimenti ġudizzjarji ta' ħtif tal-minuri mill-ġenituri. L- Awtoritajiet Ċentrali  spiss ikollhom listi ta' avukati li jaħdmu f'dan il-qasam. Aħna nistgħu niggwidawk ukoll għal netwerks ta' avukati speċjalizzati fil-ħtif tal-minuri mill-ġenituri fl-Istati Membri tal-UE. 

Jekk ibnek/bintek jinħatfu u jittieħdu f'pajjiż fejn il-Konvenzjoni tal-Aja ma tapplikax, aħna nistgħu ninfurmawk ukoll dwar interventi lokali.     

  • Sarah-Cecilie FINKELSTEIN WATERS 

    " Għeżież Ġenituri,
    Il-ħtif huwa pass drastiku irrispettivament miċ-ċirkostanzi. Kemm jekk iġġustifikat jew le, dan jagħti messaġġ lit-tifel/tifla li parti minnhom, 50 % tad-DNA, tal-wirt u tal-familja tagħhom għandha tiġi rrifjutata, titqies bħala inferjuri jew ta' ħasra. Dan jista' jkun messaġġ devastanti biex jiġi internalizzat. Il-mibegħda personali, il-ħtija u l-konfużjoni li jistgħu jiżviluppaw se jkollhom konsegwenzi tul il-ħajja u se jinfluwenzaw ir-relazzjoni tat-tifel/tifla magħhom infushom u ma' oħrajn għal dejjem. Jekk jogħġbok aġixxi b'mod għaqli u b'kawtela u b'antiċipazzjoni kbira. Ibnek/bintek se jirringrazzjawk għal dan fil-futur.
    Dejjem tiegħek,"

    Ara l-istorja ta' Sarah-Cecilie, li nħatfet minn missierha meta kienet għadha tifla fuq: 
      
      

Il-qafas ġuridiku: Il-Ħtif tal-Minuri mill-Ġenituri:

Il- Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri  tapplika fi 98 Stat madwar id-dinja. Din għandha l-għan li tiżgura r-ritorn immedjat tat-tfal li jkunu tneħħew b'mod inġust jew li jkunu nżammu f'pajjiż u li tiżgura li d-drittijiet ta' kustodja u ta' aċċess jiġu rrispettati fiż-żewġ pajjiżi.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003, "Brussell IIa" , japplika fi ħdan iż-żona Ewropea ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. B'hekk, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, ir-regoli Ewropej japplikaw fl-Istati Membri tal-UE flimkien mar-regoli tal-Konvenzjoni tal-Aja. 

Il-Parlament Ewropew ippubblika studju dwar il-ħtif transkonfinali tal-minuri mill-ġenituri fl-Unjoni Ewropea  (2015).

Il-Kummissjoni Ewropea għandha wkoll paġna web iddedikata għall-ħtif tal-minuri mill-ġenituri .  

Contact: