Għall-professjonisti li qed jaħdmu fuq il-ħtif tal-minuri mill-ġenituri
 

Kif nistgħu nikkollaboraw flimkien?

Hekk kif in-numru ta' familji internazzjonali qed jiżdied , it-tilwim transkonfinali li jikkonċerna l-familja qed ikompli jiżdied fl-UE. Filwaqt li l-varjetà ta' taħlit kulturali u soċjali hija rikkezza, din tista' ssir ukoll sfida, b'mod partikolari meta jkollhom jinteraġixxu diversi tradizzjonijiet ġuridiċi. Dan jirrikjedi li l-partijiet ikkonċernati kollha jinvestu fi djalogu u f'kooperazzjoni aktar mill-qrib.

Flimkien mal-istrumenti ġudizzjarji internazzjonali disponibbli biex jiġi mmaniġġjat il-ħtif tal-minuri mill-ġenituri, aħna nemmnu li hemm aktar raġunijiet għal aktar kooperazzjoni fost il-professjonisti kollha involuti f'dan il-qasam, fi ħdan l-UE u ma' pajjiżi terzi.

F'dan il-kuntest, il-Koordinatriċi tal-Parlament Ewropew temmen li għandha rwol x'taqdi. Filwaqt li tieħu vantaġġ min-natura supranazzjonali tal-pożizzjoni tagħha u l-piż ta' istituzzjoni bħall-Parlament, hija tinsab f'pożizzjoni tajba biex tħeġġeġ djalogu kostruttiv u tqajjem kwistjonijiet f'isem dawk li jaħdmu direttament f'dan il-qasam li jidentifikaw kwistjonijiet ta' tħassib fi Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz.

Għall-mandat attwali, l-uffiċċju tal-Koordinatriċi għandu diversi objettivi:

  • li jżid l-għarfien u l-użu tal-medjazzjoni fost il-ġudikatura
  • li jħeġġeġ u jappoġġja n-netwerks eżistenti ta' professjonisti filwaqt li jippromwovi u jiżgura standards ta' kwalità għolja
  • li jappoġġja sistemi tal-ġustizzja favur it-tfal fl-Istati Membri tal-UE
  • li jiġbor informazzjoni dwar id-diffikultajiet u l-kwistjonijiet li inti qed tiffaċċja relatati mal-prattiki professjonali tiegħek fil-qasam tal-ħtif tal-minuri mill-ġenituri
  • li jagħmel l-aħjar użu mill-forums ta' djalogu tal-Parlament Ewropew

Żieda fl-għarfien u fl-użu tal-medjazzjoni

Il-Koordinatriċi temmen li l-medjazzjoni tippreżenta mod vijabbli u effiċjenti biex jissolva t-tilwim transkonfinali fil-familji. Id-deċiżjoni ta' qorti tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar ir-ritorn ta' tifel/tifla spiss tkun biss il-bidu ta' proċeduri ġudizzjarji twal li jistgħu jakkumpanjaw lit-tifel/tifla sal-età adulta.

Il-medjazzjoni tista' tgħin biex jiġu evitati proċeduri ġudizzjarji twal u li jiswew il-flus billi tassisti lill-ġenituri biex jilħqu deċiżjoni konġunta ħalli jiġi żgurat ir-ritorn bikri tat-tfal jew jiġi impedit l-ispostament mhux meħtieġ tat-tfal. Din tista' tippermetti lill-ġenituri biex isibu soluzzjonijiet dejjiema filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet kollha tat-tilwim bejniethom.

Aħna nemmnu li hemm qasam kbir ta' azzjonijiet sabiex jitħeġġeġ l-użu tal-medjazzjoni fl-UE. Filwaqt li din is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tista' tkun aktar rapida, inqas għalja u effiċjenti kemm għall-familji involuti iżda wkoll għall-qrati Ewropej tagħna, huma biss ftit każijiet ta' ħtif mill-ġenituri li jgħaddu għall-medjazzjoni.

Filwaqt li naħdmu mill-qrib mad- DĠ Ġustizzja tal-Kummissjoni Ewropea , nixtiequ nappoġġjaw użu usa' tal-medjazzjoni f'tilwim transkonfinali fil-familji. Bil-kooperazzjoni tal-ġudikatura tagħna u ta' sħab oħra nixtiequ nidentifikaw soluzzjonijiet ġuridiċi u prattiċi biex inżidu l-użu tal-medjazzjoni.

Peress li l-avukati u l-Awtoritajiet Ċentrali huma l-ewwel punt ta' kuntatt għall-ġenituri li jesperjenzaw ħtif transkonfinali, aħna nfittxu li nħeġġu lil dawn il-persuni prinċipali biex jifhmu l-benefiċċji tal-medjazzjoni sabiex huma jkunu jistgħu jintroduċuha lill-ġenituri bħala soluzzjoni fi stadju bikri tal-proċess.

Toqgħodx lura milli tikkuntattja lill-uffiċċju tagħna  sabiex tfittex aktar kollaborazzjoni f'dan il-qasam.

Inħeġġu u nappoġġjaw in-netwerk eżistenti ta' professjonisti filwaqt li nippromwovu u niżguraw standards ta' kwalità għolja

L-Awtoritajiet Ċentrali fil-partijiet kontraenti kollha għall-Konvenzjoni tal-Aja jibqgħu ċentrali għall-konklużjoni b'suċċess tal-proċeduri ta' ritorn tat-tfal. Aħna nixtiequ nkomplu nrawmu relazzjonijiet b'saħħithom ma' dawn l-Awtoritajiet bil-għan li nippromwovu azzjoni f'waqtha, komunikazzjoni tajba u fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet. Aħna għandna l-għan li nidentifikaw kwistonijiet rikorrenti li huma qed jiffaċċjaw sabiex nindirizzawhom f'livell supranazzjonali.

L-uffiċċju tal-Koordinatriċi qed jaħdem mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet u mal-NGOs tal-medjaturi transkonfinali. Aħna nappoġġjaw organizzazzjonijiet li jipprovdu standards għolja ta' professjonaliżmu u etika; MIKK (il-Ġermanja) , is-Servizzi Soċjali Internazzjonali , Reunite UK , Missing Children Europe (Tfal Neqsin fl-Ewropa) (il-Belġju) , Centrum IKU (In-Netherlands) . Għalhekk nixtiequ niżguraw li aħna nirreferu lill-ġenituri għal professjonisti li għandhom l-għarfien u t-taħriġ meħtieġ biex jassistuhom bl-aktar mod effiċjenti u professjonali billi jsibu ftehim vijabbli u kontinwu, li jkun fl-aħjar interessi tat-tfal.

Aħna naħdmu wkoll b'fiduċja fuq bażi regolari mal- (LEPCA)Lawyers in Europe on Parental Child Abduction (Avukati fl-Ewropa għall-Ħtif tal-Minuri mill-Ġenituri) , li hija assoċjazzjoni ta' avukati speċjalizzati fil-ħtif tal-minuri mill-ġenituri, proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea li joffri taħriġ speċifiku lill-avukati f'dan il-qasam. Aħna ninsabu konxji ħafna li l-kumplessità tal-proċedimenti ġudizzjarji tirrikjedi għarfien espert u esperjenza profonda fl-istrumenti ġuridiċi internazzjonali privati, u nħeġġu lill-ġenituri biex ifittxu l-parir ta' professjonisti rikonoxxuti.

Aħna qed nikkollaboraw ukoll man- Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali , permezz ta' diversi Gruppi ta' Ħidma tiegħu, li jagħtina ħafna opportunitajiet li nistgħu naqsmu ma' professjonisti ġudizzjarji fl-Istati Membri tal-UE, mal-Awtoritajiet Ċentrali, mal-Kummissjoni Ewropea, u mal-Kunsill. Aħna se nikkomunikaw ukoll mal-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha.

Jekk inti tappartjeni għal dawn l-assoċjazzjonijiet professjonali u trid tesplora kollaborazzjoni potenzjali, jekk jogħġbok toqgħodx lura milli tikkuntattja lill-uffiċċju tagħna. 

Nappoġġjaw l-iżvilupp ta' sistemi tal-ġustizzja favur it-tfal

Is-sistemi tal-ġustizzja fl-Ewropa mhumiex dejjem adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal. Ir- rapport tal-Kummissjoni 2015  juri li għad baqa' ħafna xogħol xi jsir sabiex il-ġustizzja madwar l-UE ssir verament favur it-tfal.

Aspett wieħed partikolari huwa s-smigħ tal-minuri fil-proċedimenti ġudizzjarji li jikkonċernawhom. F'każijiet ta' ħtif tal-minuri mill-ġenituri u ta' kustodja, is-smigħ tal-minuri qed isir dejjem aktar komuni fl-UE. Fir-riformulazzjoni tar-regolament Brussell IIa, hemm ftehim biex tiżdied dispożizzjoni li jenħtieġ li tkun ispirata, mill-inqas, mill- Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal . L-istandards ta' taħriġ u professjonali għal dawk inkarigati mis-smigħ tal-minuri huma essenzjali. Hija meħtieġa ħila kbira sabiex jiġi żgurat li l-opinjonijiet tal-minuri jinstemgħu u jitqiesu b'mod sinifikanti. 

Filwaqt li fl-Istati Membri sar ħafna progress fit-twettiq ta' dan l-obbligu, għad baqa' xogħol xi jsir sabiex jiġi żgurat li l-minuri jinstemgħu b'mod xieraq, sinifikanti u sikur.

Il-Koordinatriċi tixtieq tappoġġja l-ħidma tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki biex jisimgħu lill-minuri.

Il-Koordinatriċi tħeġġeġ it-taħriġ tal-korpi ġudizzjarji u amministrattivi li jingħataw il-kompitu li jisimgħu lill-minuri.

Il-Koordinatriċi tfittex ukoll li trawwem l-introduzzjoni tal-medjazzjoni inklużiva tal-minuri u l-introduzzjoni ta' standards u taħriġ professjonali għall-medjaturi transkonfinali li jaħdmu mat-tfal.

 
 

tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal l-Artikolu 12  

1. L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw lit-tfal li huma kapaċi jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom, id-dritt li jesprimu dawk l-opinjonijiet liberament fil-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw lit-tfal, filwaqt li l-fehmiet tat-tfal jitqiesu b'mod xieraq skont l-età u l-maturità tat-tfal.

2. Għal dan il-għan, it-tfal għandhom b'mod partikolari jingħataw l-opportunità li jinstemgħu fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja u amministrattiva li taffettwa lit-tfal, jew direttament, jew permezz ta' rappreżentant jew korp xieraq, b'mod li jkun konsistenti mar-regoli proċedurali tal-liġi nazzjonali.

tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea l-Artikolu 24(1) , jiddikjara li: "Children(…) may express their views freely. Such views shall be taken into consideration on matters which concern them in accordance with their age and maturity." (It-tfal(...) jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Tali opinjonijiet għandhom jitqiesu fir-rigward ta' kwistjonijiet li jirrigwardawhom skont l-età u l-maturità tagħhom.")

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ taħt l-età ta' 18-il sena. 

Il-ġbir ta' informazzjoni

Nixtiequ nsiru nafu dwar id-diffikultajiet u l-kwistjonijiet rikorrenti li inti qed tiffaċċja fil-qasam ta' tilwim transkonfinali fil-familji, ta' ħtif tal-minuri mill-ġenituri u ta' tilwim transkonfinali relatat mal-aċċess. Dan jista' jiġi relatat ma' aspett speċifiku (pereżempju dewmien, eżekuzzjoni tal-ordnijiet, eċċ.) jew ma' reġjun jew pajjiż. li inti qed taħdem miegħu. B'dan l-għarfien, aħna nistgħu niġbru informazzjoni siewja u nidentifikaw xejriet strutturali li se jikkontribwixxu għall-azzjoni tagħna, jistgħu jikkontribwixxu fit-tfassil ta' politika u nrawmu kollaborazzjonijiet ġodda.

Jekk trid tesplora kollaborazzjoni potenzjali, jekk jogħġbok toqgħodx lura milli tikkuntattja lill-uffiċċju tagħna. 

 
 

Nagħmlu l-aħjar użu mid-diversi forums ta' djalogu tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew huwa post għad-djalogu, djalogu fost ir-rappreżentanti eletti tal-Istati Membri tal-UE, djalogu mal-membri eletti ta' firxa wiesgħa ta' pajjiżi terzi permezz ta' delegazzjonijiet interparlamentari, djalogu ma' organizzazzjonijiet u gruppi ta' interess ta' kull tip minn madwar id-dinja kollha.

Aħna nixtiequ napprofittaw minn din ir-rikkezza unika u nibbenefikaw minn din il-varjetà ta' forums sabiex naqsmu l-aħjar prattiki, inrawmu kooperazzjoni u komunikazzjoni aħjar fost il-professjonisti involuti f'każijiet ta' ħtif tal-minuri mill-ġenituri u fit-tfassil ta' politika.

 
 

Contact: