European elections     
 

L-elezzjonijiet Ewropej 

23 - 26 ta' Mejju 2019 

L-elezzjonijiet Ewropej li jmiss se jsiru bejn it-23 u s-26 ta' Mejju 2019 u se jagħtu liċ-ċittadini adulti kollha tal-UE l-opportunità li jagħżlu lil min se jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew. Għin biex issawwar il-futur tal-Ewropa u vvota!

L-aħħar elezzjonijiet Ewropej fl-2014 kienu l-akbar elezzjonijiet transnazzjonali li qatt saru fl-istess ħin. Din id-darba l-isfidi huma saħansitra akbar. Billi tivvota, tkun qed tgħin biex niddeċiedu x'tip ta' Ewropa se jkollna fis-snin li ġejjin.

L-elezzjonijiet Ewropej f'Mejju 2019 se jkollhom impatt dirett fuq ħajtek. Se jiddeċiedu kif l-Ewropa sejra taġixxi fis-snin li ġejjin biex tindirizza l-preokkupazzjonijiet tiegħek dwar l-impjiegi, in-negozju, is-sigurtà, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima.

Peress li l-Ewropa hija tagħna lkoll, dawn id-deċiżjonijiet għandna neħduhom ilkoll, flimkien. Jiġifieri mhuwiex biss importanti li tivvota inti, iżda wkoll il-familja, il-ħbieb, il-ġirien u l-kollegi tiegħek. Meta jivvota kulħadd, jirbaħ kulħadd.

Itfa' l-vot tiegħek

Għalkemm hemm xi regoli komuni rigward l-elezzjonijiet, xi aspetti jistgħu jvarjaw skont il-pajjiż, pereżempju jekk dak li jkun jistax jivvota bil-posta jew minn pajjiż ieħor.

Dettalji speċifiċi, bħal min se jkunu l-kandidati u fejn se jkun il-post tal-votazzjoni tiegħek, isiru disponibbli gradwalment. Għall-aktar informazzjoni reċenti, iċċekkja mal-awtorità elettorali nazzjonali tiegħek.

Jekk ma tgħixx f'pajjiżek imma f'pajjiż ieħor tal-UE, għandek tkun tista' tivvota għall-MPE tiegħek hemmhekk. Jekk il-pajjiż ta' oriġini tiegħek jippermetti l-votazzjoni minn pajjiż ieħor, jaf ikollok ukoll l-għażla li tivvota hemmhekk minflok. Biex tkun taf jekk din hijiex possibbiltà, iċċekkja mal-ambaxxata tiegħek. Naturalment, tista' tivvota darba biss. Għalhekk jew tivvota fil-pajjiż ta' oriġini tiegħek jew inkella fil-pajjiż ospitanti l-ġdid tiegħek, u mhux fit-tnejn li huma.

Irridu nbiddlu lill-Ewropa u nagħmluha aktar effettiva billi nindirizzaw it-temi li huma importanti għaċ-ċittadini u nibnu fuq dak li diġà ksibna.

Il-President tal-Parlament Antonio Tajani

     

Agħmel pass ieħor 'il quddiem

Tista' tagħmel aktar milli tivvota. Tista' taqdi rwol kruċjali billi tħeġġeġ lil nies oħra jivvutaw u jagħżlu direzzjoni għall-UE.

Irreġistra u agħti sehmek fil-promozzjoni tad-demokrazija .

     

Elezzjonijiet Ewropej

Skopri kif jaħdmu l-elezzjonijiet Ewropej u kif tista' tivvota  f'pajjiżek jew minn barra

     

Id-dossier għall-istampa tagħna

Jekk inti ġurnalista u tikteb dwar l-elezzjonijiet, tista' ssib dak kollu li għandek bżonn fid- dossier għall-istampa  tagħna.

     

Għaliex għandek tivvota fl-elezzjonijiet Ewropej?

Il-Parlament Ewropew għamel ħafna biex itejjeb partijiet differenti minn ħajtek matul dawn l-aħħar ftit snin. Hemm bżonn li x-xogħol jitkompla fil-leġiżlatura li jmiss. Agħti titwila lejn din id-deskrizzjoni ġenerali  u aqsam ma' sħabek ir-raġunijiet li ssib l-aktar importanti.

L-UE hija involuta f'ħafna affarijiet, mit-tisħiħ tal-kummerċ għall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ixprunar tar-riċerka. Qiegħda tibdel il-belt u r-reġjun tiegħek. Skopri kif l-UE kienet ta' benefiċċju għalik .

Il-MPE kif jirrappreżentawni?

L-elezzjonijiet Ewropej ifissru li inti tagħżel min trid biex jirrappreżentak bħala Membru tal-PE u jiddefendi l-interessi tiegħek fl-UE. Il-MPE mhux biss isawru u jiddeċiedu dwar leġiżlazzjoni ġdida, imma wkoll jivvutaw dwar ftehimiet kummerċjali ġodda, jiskrutinizzaw l-istituzzjonijiet tal-UE u l-mod kif jintefqu l-flus tat-taxxa tiegħek, u anke jvaraw investigazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi.

L-elezzjonijiet Ewropej fid-dettall

Kull ħames snin, iċ-ċittadini tal-UE jagħżlu lil min jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew, l-istituzzjoni li hija eletta direttament u li tiddefendi l-interessi tagħhom fil-proċess deċiżjonali tal-UE. Għalkemm il-proċedura tal-votazzjoni tvarja minn pajjiż għal ieħor, hemm ukoll elementi komuni. Hawnhekk nagħtu ħarsa ġenerali qasira lejn kif jiġu eletti l-Membri tal-Parlament Ewropew.

Kemm hemm Membri minn kull pajjiż?

L-allokazzjoni tas-siġġijiet hija stabbilita fit-trattati Ewropej. Fiha jitqies id-daqs tal-popolazzjoni ta' kull pajjiż, iżda xi pajjiżi iżgħar għandhom aktar siġġijiet minn kemm timplika l-proporzjonalità stretta. Fil-preżent, l-għadd ta' Membri jvarja minn sitta għal Malta, il-Lussemburgu u Ċipru, sa 96 għall-Ġermanja.

Is-sistema elettorali

Skont ir-regoli, fl-elezzjoni tal-MPE għandha tintuża xi forma ta' rappreżentanza proporzjonali. Din is-sistema tiżgura li jekk partit jirbaħ 20% tal-voti, jirbaħ ukoll madwar 20% tas-siġġijiet ikkontestati, u b'hekk kemm il-partiti l-kbar u kemm il-partiti ż-żgħar ikollhom iċ-ċans li jibagħtu rappreżentanti fil-Parlament Ewropew.

Il-pajjiżi huma liberi li jiddeċiedu dwar ħafna aspetti importanti oħrajn tal-proċedura tal-votazzjoni. Pereżempju, xi wħud jaqsmu t-territorju tagħhom f'distretti elettorali reġjonali, filwaqt li oħrajn għandhom distrett elettorali wieħed.

Il-jiem tal-votazzjoni

Il-pajjiżi fl-UE għandhom tradizzjonijiet elettorali differenti, u kull wieħed jista' jiddeċiedi dwar id-data preċiża tal-elezzjoni fuq perjodu ta' erbat ijiem, mill-Ħamis (il-jum li fih normalment jivvutaw in-Netherlands) sal-Ħadd (meta jorganizzaw l-elezzjonijiet tagħhom il-parti l-kbira tal-pajjiżi).

Min joħroġ għall-elezzjoni?

Il-partiti nazzjonali jikkontestaw l-elezzjonijiet, imma meta l-MPE jkunu eletti, ħafna minnhom jagħżlu li jissieħbu fi gruppi politiċi transnazzjonali. Il-parti l-kbira tal-partiti nazzjonali huma affiljati ma' partit politiku fil-livell Ewropew (ara hawn isfel għal aktar informazzjoni), allura waħda mill-mistoqsijiet il-kbar fil-lejl tal-elezzjoni tkun liema minn dawn il-gruppi Ewropej se jeżerċita l-akbar influwenza fil-leġiżlatura l-ġdida.

Sehem fid-deċiżjoni dwar min se jmexxi l-Kummissjoni

Fl-elezzjonijiet tal-2014, il-partiti politiċi prinċipali Ewropej għall-ewwel darba nnominaw il-kandidati tagħhom għal President tal-Kummissjoni Ewropea, il-fergħa eżekuttiva tal-UE. Kien il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew li ħa l-kariga ta' President tal-Kummissjoni, wara li kiseb l-approvazzjoni tal-maġġoranza fil-Parlament il-ġdid.

B'hekk, billi vvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej, iċ-ċittadini kellhom vuċi fid-deċiżjoni dwar min kien se jkun inkarigat li jipproponi u jmexxi l-politiki tal-UE.

Il-partiti politiċi Ewropej mistennija jipproponu l-kandidati ewlenin tagħhom għall-elezzjonijiet tal-2019 ukoll.

Il-partiti politiċi Ewropej

Partit politiku f'livell Ewropew huwa magħmul minn partiti nazzjonali u individwi u huwa rappreżentat f'diversi Stati Membri. Huma l-partiti nazzjonali li jikkontestaw l-elezzjonijiet Ewropej, iżda dawn ħafna drabi jkunu assoċjati ma' partit politiku Ewropew u wara l-elezzjonijiet jingħaqdu ma' grupp politiku fil-Parlament Ewropew, flimkien ma' partiti tal-istess fehma mill-familja politika tagħhom.