Djalogu ma' organizzazzjonijiet reliġjużi u mhux konfessjonali L-(Artikolu 17 tat-TFUE) 

Fl-Ewropa diversa tal-lum, ħafna knejjes, reliġjonijiet u organizzazzjonijiet filosofiċi jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma impenjati favur djalogu miftuħ ma' dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi u mhux konfessjonali, u l-Parlament Ewropew jaħdem magħhom attivament rigward politiki tal-UE.

Kuntest

L-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (it-TFUE) introdott mit-Trattat ta' Lisbona, jipprevedi, għall-ewwel darba, bażi ġuridika għal djalogu miftuħ, trasparenti u regolari bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-knejjes, l-assoċjazzjonijiet reliġjużi, u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali. Dan jiddikjara:

  1. "L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.
  2. L-Unjoni tirrispetta wkoll l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.
  3. Waqt li tirrikonoxxi l-identità u l-kontribuzzjoni speċifika tagħhom, l-Unjoni għandha żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u organizzazzjonijiet."

Filwaqt li l-ewwel żewġ paragrafi ta' dan l-artikolu jipprevedu s-salvagwardja tal-istatus speċjali taħt il-liġi nazzjonali tal-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali li jgawdu minn status komparabbli, il-Paragrafu 3 jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' dawn il-knejjes u l-organizzazzjonijiet.

Wara li ġie elett President f'Jannar 2017, Antonio Tajani inkariga lill-Viċi President Mairead McGuinness bir-responsabbiltà li timplimenta d-djalogu previst mill-Artikolu 17. F'dan il-kompitu, il-Viċi President għandu l-għajnuna tas-segretarjat tal-Bureau u servizzi rilevanti oħra tal-Parlament. Kull sena, il-Parlament jospita bosta konferenzi ta' livell għoli, miftuħa għas-sħab kollha involuti fid-djalogu, dwar temi attwali u rilevanti marbuta mal-ħidma u d-dibattitu parlamentari li jkunu għaddejjin.

Article 17 Dialogue Seminar with religious leaders: "The Future of Europe: Reflections for the EU by 2025" – 27 June 2017  

"Id-djalogu tal-Parlament Ewropew mal-knejjes u mal-organizzazzjonijiet filosofiċi huwa element importanti ħafna li lilna l-parlamentari jżommna viċin iċ-ċittadini li eleġġewna. Għalhekk huwa unur kbir għalija li l-President tal-Parlament Antonio Tajani inkarigani nieħu ħsieb dan id-djalogu.

Biex il-proġett Ewropew jibqa' jgawdi l-appoġġ taċ-ċittadini tiegħu, jeħtieġlu jibqa' bbażat fuq ir-realtà. Il-knejjes u l-komunitajiet ta' fidi huma parti intrinsika minn dik ir-realtà ta' kuljum, parti min-nisġa tal-komunitajiet tagħna fl-ibliet, fl-irħula u fil-kampanja tat-28 Stat Membru kollha tagħna.

Id-djalogu tal-UE ma' gruppi reliġjużi kien konxjament previst fl-Artikolu 17 tat-Trattat ta' Lisbona. Dan huwa sinjal ċar li l-UE hija ferm aktar minn organizzazzjoni ekonomika; l-Unjoni fl-aħħar mill-aħħar tittratta dwar in-nies, li jaħdmu flimkien biex iqawwu d-dinjità tagħhom u l-ġid komuni. Aħna u nfasslu l-politiki u l-liġijiet tal-UE, huwa ta' importanza vitali li nqisu bis-sħiħ kull dimensjoni tal-persuna umana – id-dimensjoni ekonomika, dażgur, imma wkoll dik soċjali u saħansitra dik spiritwali.

Id-dinjità awtentika tal-bniedem trid tkun fil-qalba tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u hija l-konvinzjoni soda tiegħi li l-knejjes u l-organizzazzjonijiet filosofiċi, bil-bosta sekli ta' riflessjoni tagħhom dwar il-kundizzjoni umana, jistgħu jagħtu kontribut kbir f'dan il-proċess."

Mairead McGuinness

Article 17 Dialogue Seminar with non-confessional leaders: "Discrimination and Persecution of Non-Believers around the world" - 11 April 2018