Skedi informattivi dwar l-Unjoni Ewropea 

L-iskedi informattivi, li nħolqu fl-1979 għall-ewwel elezzjonijiet diretti tal-Parlament, huma mfassla biex jagħtu lil dawk li mhumiex speċjalisti fil-qasam – b'mod sempliċi, konċiż u preċiż – ħarsa ġenerali lejn l-istituzzjonijiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea u lejn ir-rwol li jiżvolġi l-Parlament Ewropew fl-iżvilupp tagħhom.

L-iskedi informattivi jinqasmu f'ħames kapitli

Kif taħdem l-Unjoni Ewropea jindirizza l-iżvilupp storiku u t-trattati suċċessivi, is-sistema legali, il-proċeduri deċiżjonali, l-istituzzjonijiet u l-korpi kif ukoll il-finanzjament tal-UE.

L-ekonomija, ix-xjenza u l-kwalità tal-ħajja jispjega l-prinċipji tas-suq intern u l-ħarsien tal-konsumatur u s-saħħa pubblika, jiddeskrivi għadd ta' politiki tal-UE bħall-politiki fil-qasam soċjali, tal-impjiegi, tal-industrija, tar-riċerka, tal-enerġija u tal-ambjent, jagħti ħarsa lejn il-kuntest tal-unjoni ekonomika u monetarja u jispjega kif inhuma kkoordinati u skrutinizzati l-politiki ekonomiċi, tat-tassazzjoni u tal-kompetizzjoni.

Il-koeżjoni, it-tkabbir u l-impjiegi jispjega kif l-UE tindirizza l-politiki interni differenti tagħha: il-politika reġjonali u ta' koeżjoni, l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport u t-turiżmu, kif ukoll il-kultura, l-edukazzjoni u l-isport.

Iċ-ċittadini: id-drittijiet fundamentali, is-sigurtà u l-ġustizzja jiddeskrivi d-drittijiet individwali u kollettivi, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, inklużi l-immigrazzjoni u l-asil u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

Ir-relazzjonijiet esterni tal-UE jkopri l-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża, ir-relazzjonijiet kummerċjali esterni, u l-politika tal-iżvilupp; il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; it-tkabbir u r-relazzjonijiet lil hinn mill-viċinat tal-UE.

L-iskedi informattivi jitfasslu mid-Dipartimenti Tematiċi u l-Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika u huma disponibbli bi 24 lingwa. Il-verżjoni online tiġi riveduta u aġġornata f'intervalli regolari matul is-sena, malli l-Parlament jadotta kwalunkwe pożizzjoni jew politika importanti.

fact-sheet Background    
 

Skedi informattivi dwar l-Unjoni Ewropea

Jekk qed tfittex ħarsa ġenerali tajba lejn il-politiki tal-UE u r-rwol tal-Parlament fihom, dan hu l-post mnejn għandek tibda. L-iskedi informattivi huma konċiżi iżda jagħtuk l-istampa kollha u jiġu aġġornati regolarment.

Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-Unità tal-Koordinament tal-Attivitajiet Editorjali u ta' Komunikazzjoni