T-trasparenza 

L-etika u t-trasparenza

Hekk kif il-Parlament Ewropew isir aktar importanti u influwenti, speċjalment bit-Trattat reċenti dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa aktar kruċjali minn qatt qabel li jkun żgurat li dan jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini Ewropej b’mod kompletament miftuħ u trasparenti.

Għalhekk, iċ-ċittadini Ewropej huma intitolati li jsegwu mill-qrib l-attivitajiet tal-Membri eletti tagħhom, filwaqt li jivverifikaw li dawn jikkonformaw mal-prinċipji stretti tal-kondotta u jżommu relazzjonijiet bilanċjati ma’ rappreżentanti ta’ interessi. Iċ-ċittadini għandhom jistennew ukoll l-ogħla standards ta’ mġiba u effiċjenza min-naħa tal-persunal tal-Parlament. L-aħħar iżda mhux l-inqas, iċ-ċittadini għandu jingħatalhom dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej fi ħdan il-limiti neċessarji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

F’konformità mal-impenn tal-Parlament lejn it-trasparenza, l-għodod kollha ta’ trasparenza previsti hawn taħt għandhom l-għan jiffaċilitaw l-iskrutinju min-naħa taċ-ċittadini tal-attivitajiet tal-Parlament u b’mod partikolari, tal-ħidma leġiżlattiva tiegħu.

Sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ. (L-Artikolu 15 tat-TFUE)

L-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha ta' l-Unjoni. (L-Artikolu 11 tat-TUE)

Gruppi ta' interessi 

Drittijiet ta' aċċess għal rappreżentanti tal-gruppi ta' interess

Fit-23 ta’ Ġunju 2011 il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw Ftehim Interistituzzjonali dwar l-Istabbiliment ta’ Reġistru ta’ Trasparenza Komuni. Il-Ftehim ġie rivedut u test ġdid huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015.

Ir-Reġistru komuni jsaħħaħ it-trasparenza billi huwa aktar faċli għaċ-ċittadini biex jiksbu informazzjoni dwar individwi jew organizzazzjonijiet li jkunu f’kuntatt mal-istituzzjonijiet tal-UE. Din is-sistema ta’ punt ta’ waqfa waħda tiffaċilita l-proċedura ta’ reġistrazzjoni għal rappreżentanti ta’ interessi speċifiċi. Ir-Reġistru komuni jinkorpora r-reġistri tal-Parlament u tal-Kummissjoni li qabel kienu separati.

Organizzazzjonijiet u individwi jeħtiġilhom ikollhom aċċess għar-Reġistru qabel ma jitolbu aċċess għall-Parlament Ewropew. L-applikazzjoni onlajn normalment tiġi pproċessata fi żmien 2-3 ijiem ta’ xogħol. L-individwi jistgħu jingħataw aċċess għall-Parlament Ewropew għal mhux aktar minn 12-il xahar u dawn jistgħu jġeddu t-talba tagħhom għall-aċċess minn xahrejn qabel id-data ta’ skadenza indikata.

Individwi b’awtorizzazzjoni ta’ aċċess jistgħu jiksbu kard ta’ aċċess minn reception desks magħżulin. Il-kard ta’ aċċess għandha tiġi attivata fir-reception desk qabel ma individwu jkun jista' jidħol fil-Parlament. Ir-receptions huma miftuħa fi Brussell mis-07.00 sat-20.00 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa, nhar ta' Ġimgħa qasir mit-08.00 sas-13.00) u fi Strasburgu mis-14.30 sat-20.00 (it-Tnejn), mis-07.30 sat-20.00 (it-Tlieta u l-Erbgħa) u mis-07.30 sas-18.00 (il-Ħamis).

Organizzazzjoni tista’ titlob awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal kwalunkwe numru ta’ individwi. Il-Parlament jista’ jillimita l-għadd ta’ individwi għal kull organizzazzjoni li huma awtorizzati jidħlu kull ġurnata. Jekk organizzazzjoni titneħħa mir-Reġistru, l-aċċess għall-individwi li jaħdmu għal dik l-organizzazzjoni tkun awtomatikament revokata.

Ir-Reġistru tat-Trasparenza komuni jinkludi data faċilment aċċessibbli dwar l-organizzazzjonijiet u l-individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE, kif ukoll data statistika dwar l-entitajiet reġistrati kollha u lista ta' individwi b'awtorizzazzjoni għal aċċess għall-Parlament Ewropew.

Kuntatti

Ir-rappreżentanti ta’ interessi

Ir-rappreżentanti ta’ interessi (lobbyists) jistgħu jkunu korpi privati, pubbliċi jew mhux governattivi. Dawn jistgħu jipprovdu lill-Parlament b’għarfien u kompetenzi esperti speċifiċi f’għadd ta’ oqsma ekonomiċi, soċjali, ambjentali u xjentifiċi. Jista’ jkollhom rwol prinċipali fid-djalogu miftuħ u pluralista li fuqu hija bbażata sistema demokratika u jistgħu jaġixxu bħala sors importanti ta’ tagħrif għall-Membri fil-kuntest tal-prestazzjoni tal-ħidmiet tagħhom.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi qafas u jfittex li jkattar ir-relazzjonijiet fost l-istituzzjonijiet Ewropej u l-mexxejja politiċi Ewropej, minn naħa, u s-soċjetà ċivili, iċ-ċittadini tal-UE u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, min-naħa l-oħra.