Żjarat ta' studju 

Il-Parlament Ewropew joffri żewġ tipi ta' Żjarat ta' Studju: Żjarat ta Studju fis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew u Żjarat ta' Studju mal-Membri tal-Parlament Ewropew.

Żjarat ta' studju fis-Segretarjat

L-għan ta' dawn iż-żjarat huwa li ċ-ċittadini tan-nazzjonalitajiet kollha li jkollhom minn tal-anqas 18-il sena jingħataw opportunitajiet għal studju aktar dettaljat dwar suġġetti speċifiċi relatati mal-integrazzjoni Ewropea. Jingħataw ukoll il-possibilità li jagħmlu r-riċerka fil-librerija jew fl-arkivji storiċi tal-Parlament Ewropew.

Żjara ta' studju tista' ddum massimu ta' xahrejn. Kull min ikun diġà għamel żjara ta' studju, traineeship jew kuntratt ta' impjieg mal-Parlament Ewropew għandu jistenna sitt xhur qabel ma japplika. Bl-istess mod, kandidat li jkun temm żjara ta' studju jrid jistenna sitt xhur qabel japplika għal traineeship.

L-applikazzjonijiet għal żjara ta' studju għandhom isiru permezz ta' email lil PERS-Studyvisit@ep.europa.eu minn tal-inqas xahar qabel il-jum maħsub taż-żjara, billi jintbagħtu d-dokumenti li ġejjin:

  1. dikjarazzjoni personali b'informazzjoni dettaljata dwar is-suġġett speċifiku relatat mal-integrazzjoni Ewropea li l-kandidati jixtiequ jistudjaw matul iż-żjara, il-mezzi li jixtiequ jużaw (konsultazzjoni ta' dokumenti fil-libreriji jew l-arkivji tal-Istituzzjoni jew kuntatti ma' uffiċjali speċjalizzati) u d-dati speċifiċi li matulhom jixtiequ jagħmlu ż-żjara ta' studju. Il-kandidati għandhom ukoll jindikaw eżattament f'liema DĠ u direttorat jixtiequ jagħmlu ż-żjara ta' studju. L-organigramma tas-Segretarjat tal-Parlament Ewropew tista' tiġi kkonsultata permezz tal-link li ġej: organizzazzjoni.
  2. curriculum vitae (b'indirizz postali, għal finijiet amministrattivi).
  3. kopja tal-karta tal-identità jew tal-passaport validi tagħhom.
  4. estratt tal-fedina penali jew, soġġett għal qbil minn qabel tal-awtorità kompetenti, ittra ta' referenza maħruġa minn istituzzjoni edukattiva jew minn impjegatur, li tagħti prova tal-imġiba tajba tal-kandidati b'referenza għall-perjodu ta' studju jew impjieg li jkunu għamlu l-kandidati tul l-aħħar tnax-il xahar qabel ma ressqu l-applikazzjoni.

Is-servizz kompetenti jivverifika l-kapaċità tad-dipartimenti jew tal-korpi tal-Parlament Ewropew ikkonċernati u jinforma lill-applikanti taż-żjara ta' studju bir-riżultat tat-talba tagħhom.

Bi qbil mar-regoli fis-seħħ, il-Parlament Ewropew ma jagħmel tajjeb għall-ebda spiża, ta' kwalunkwe natura, magħmula mill-viżitaturi għal skopijiet ta' studju.

Contact: 

  • Parlament Ewropew - Żjarat ta' Studju fis-Segretarjat 
    Contact data:  

Żjarat ta' Studju mal-Membri tal-Parlament Ewropew

Il-membri jistgħu joffru opportunitajiet għal studju dettaljat ta' suġġetti relatati mal-Unjoni Ewropea billi jqattgħu perjodu fl-uffiċċju tal-Parlament tal-Membri fi Brussell jew fi Strasburgu (il-post ta' assenjazzjoni jista' jkun Strasburgu għall-Membri li jużaw l-uffiċċji tagħhom hemmhekk fuq bażi permanenti). It-tul massimu ta' żjara ta' studju huwa ta' sitt ġimgħat u l-viżitaturi ta' studju huma intitolati wkoll li jintbagħtu fuq missjoni f'post tax-xogħol ieħor tal-Parlament Ewropew (Brussell jew Strasburgu).

Sabiex tapplika għal żjara ta' studju ma' Membru tal-Parlament Ewropew, jekk jogħġbok applika direttament mal-Membru li tixtieq. Tista' ssib lista tal-Membri tal-Parlament Ewropew u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom  hawnhekk.

Il-viżitaturi ta' studju mal-Membri jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • ikollhom għarfien profond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
  • ma jkunux parti minn kuntratt ta' impjieg jew minn xi relazzjoni ta' ħidma kuntrattwali matul iż-żjara ta' studju tagħhom;
  • ma jkunux servew qabel bħala assistent parlamentari ta' Membru; u
  • jekk mhumiex ċittadini tal-UE, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' residenza u impjieg tal-Istat Membru ospitanti qabel ma jidħlu fil-pajjiż fejn ikunu ġew assenjati, u għat-tul kollu taż-żjara ta' studju.

Kull viżitatur ta' studju ma' Membru se jintalab jippreżenta:

  • kopja skennjata tal-passaport jew tal-karta tal-identità nazzjonali validi.
  • curriculum vitæ aġġornat; u
  • dikjarazzjoni personali li tindika l-Membru li miegħu jixtiequ jiksbu l-esperjenza tax-xogħol tagħhom kif ukoll l-għan u l-perjodu mixtieq taż-żjara.

Il-parteċipanti fiż-żjarat ta' studju ma għandhom jirċievu l-ebda tip ta' allowance. Fuq talba tal-Membru kkonċernat, il-viżitaturi ta' studju jistgħu jingħataw kumpens finanzjarju ta' darba proporzjonali għat-tul taż-żjara. L-ammont totali tal-kumpens għall-perjodu massimu ma jistax jaqbeż EUR 1510.

Contact: 

  • Parlament Ewropew - Żjarat ta' Studju mal-Membri tal-Parlament Ewropew 
    Contact data: