Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")


L-elezzjonijiet Ewropej

 
 

Kull ħames snin, iċ-ċittadini tal-UE jagħżlu lil min jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew, l-istituzzjoni li hija eletta direttament u li tiddefendi l-interessi tagħhom fil-proċess deċiżjonali tal-UE. Għalkemm il-proċedura tal-votazzjoni tvarja minn pajjiż għal ieħor, hemm ukoll elementi komuni. Hawnhekk nagħtu ħarsa ġenerali qasira lejn kif jiġu eletti l-Membri tal-Parlament Ewropew.

Kemm hemm Membri minn kull pajjiż?

L-allokazzjoni tas-siġġijiet hija stabbilita fit-trattati Ewropej. Fiha jitqies id-daqs tal-popolazzjoni ta' kull pajjiż, iżda xi pajjiżi iżgħar għandhom aktar siġġijiet minn kemm timplika l-proporzjonalità stretta. Fil-preżent, l-għadd ta' Membri jvarja minn sitta għal Malta, il-Lussemburgu, Ċipru u l-Estonja sa 96 għall-Ġermanja.

Is-sistema elettorali

Ir-regoli jgħidu li fl-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew għandha tintuża xi forma ta' rappreżentanza proporzjonali. Din is-sistema tiżgura li jekk partit jirbaħ 20 % tal-voti, jirbaħ ukoll madwar 20 % tas-siġġijiet ikkontestati, u b'hekk kemm il-partiti l-kbar u kemm il-partiti ż-żgħar ikollhom iċ-ċans li jibagħtu rappreżentanti fil-Parlament Ewropew.

Il-pajjiżi huma liberi li jiddeċiedu dwar ħafna aspetti importanti oħrajn tal-proċedura tal-votazzjoni. Pereżempju, xi wħud jaqsmu t-territorju tagħhom f'distretti elettorali reġjonali, filwaqt li oħrajn għandhom distrett elettorali wieħed.

Il-jiem tal-votazzjoni

Il-pajjiżi fl-UE għandhom tradizzjonijiet elettorali differenti, u kull wieħed jista' jiddeċiedi dwar id-data preċiża tal-elezzjoni fuq perjodu ta' erbat ijiem, mill-Ħamis (il-jum li fih normalment jivvutaw ir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi) sal-Ħadd (meta jorganizzaw l-elezzjonijiet tagħhom il-parti l-kbira tal-pajjiżi).

Min joħroġ għall-elezzjoni?

Il-Membri jikkontestaw l-elezzjonijiet f'isem partiti politiċi nazzjonali, iżda ladarba jiġu eletti ħafna minnhom jagħżlu li jissieħbu ma' gruppi politiċi transnazzjonali. Il-parti l-kbira tal-partiti nazzjonali huma affiljati ma' partit politiku fil-livell Ewropew ( għal aktar informazzjoni ara l-kolonna fuq il-lemin), allura waħda mill-mistoqsijiet il-kbar fil-lejl tal-elezzjoni tkun liema minn dawn il-gruppi Ewropej se jeżerċita l-akbar influwenza fil-leġiżlatura li jmiss.

Sehem fid-deċiżjoni dwar min se jmexxi l-Kummissjoni

Fl-elezzjonijiet tal-2014, il-partiti politiċi prinċipali Ewropej innominaw għall-ewwel darba l-kandidati tagħhom għal President tal-Kummissjoni Ewropea, il-fergħa leġiżlattiva tal-UE. Eventwalment il-kandidat tal-partit li rebaħ l-aktar voti (il-Partit Popolari Ewropew) ħa l-kariga ta' President tal-Kummissjoni wara li kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament il-ġdid. B'hekk, bil-vot tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej, iċ-ċittadini mhux biss kellhom l-opportunità li jinfluwenzaw il-konfigurazzjoni tal-Parlament, iżda wkoll li jiddeterminaw min se jkun inkarigat li jipproponi u jamministra l-politiki tal-UE.

 
 

Il-Partiti Politiċi Ewropej

Partit politiku f'livell Ewropew huwa magħmul minn partiti nazzjonali u individwi u huwa rappreżentat f'diversi Stati Membri. Huma l-partiti nazzjonali li jikkontestaw l-elezzjonijiet Ewropej, iżda dawn ħafna drabi jkunu assoċjati ma' partit politiku Ewropew u wara l-elezzjonijiet jingħaqdu ma' grupp politiku fil-Parlament Ewropew flimkien ma' partiti tal-istess fehma mill-familja politika tagħhom.