Dwar il-Premju
Ta' kull sena, mill-2008 'l hawn, il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen jistiednu żgħażagħ mill-Istati Membri kollha tal-UE jissottomettu proġetti mwettqa miż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ li juru parteċipazzjoni attiva fl-iżvilupp tal-Ewropa.
MIN JISTA' JIPPARTEĊIPA?
Żgħażagħ ta' bejn is-16 u t-30 sena minn kwalunkwe Stat Membru tal-UE jistgħu jissottomettu proġetti għall-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej.
Il-proġetti jistgħu jitressqu individwalment jew, preferibbilment, fi gruppi. Dawn għandhom jippromwovu l-komprensjoni Ewropea u internazzjonali; irawmu l-iżvilupp ta' sens kondiviż ta' identità u integrazzjoni Ewropej; u jservu ta' mudell għaż-żgħażagħ li jgħixu fl-Ewropa filwaqt li joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda.
X'TIP TA' PROĠETT NISTGĦU NRESSQU?
Rebbieħa preċedenti ġew ippremjati għal proġetti bħalma huma skambji taż-żgħażagħ u avvenimenti fil-qasam tal-isport, l-arti u l-kultura. Jistgħu wkoll jkunu proġetti online b'dimensjoni Ewropea. Agħti daqqa t'għajn hawnhekk biex taqra dwar proġetti rebbieħa preċedenti.
X'JIĠRI JEKK NIRBĦU?
L-aħjar proġett jieħu premju ta' €7500, it-tieni €5000 u t-tielet €2500. Bħala parti mill-premju, it-tliet rebbieħa finali Ewropej jiġu mistiedna jżuru l-Parlament Ewropew fi Brussell jew fi Strasburgu.
Rappreżentant minn kull wieħed mit-28 rebbieħ nazzjonali jiġi mistieden Aachen għal diversi jiem sabiex jattendi bosta avvenimenti, inkluża ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ, li dejjem issir jumejn qabel il-festa ta' Lapsi, il-jum li fih jingħata l-Premju Internazzjonali prestiġjuż Karlu Manju ta' Aachen.
Il-premji għall-aħjar tliet proġetti jiġu ppreżentati mill-President tal-Parlament Ewropew u minn rappreżentanti tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen.
Il-proġett tagħkom jirċievi wkoll ħafna attenzjoni permezz tal-midja tal-Parlament Ewropew u tal-Fondazzjoni.
... u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, iż-żjara f'Aachen tkun opportunità unika biex tiltaqgħu u tagħmlu kuntatti ma' żgħażagħ dinamiċi oħra minn madwar l-Ewropa kollha, pjattaforma biex taqsmu l-viżjoni tagħkom dwar l-Ewropa quddiem il-mexxejja Ewropej u, għal ħafna, tkun il-bidu ta' ħbiberiji fit-tul ma' żgħażagħ tal-istess fehma mill-Ewropa kollha!