skip to content
 
 
 

Rebbieħa 2011

L-EWWEL PREMJU

Ir-Renju Unit "Europe & Me"

Europe & Me hija rivista onlajn dwar l-istil ta' ħajja maħluq minn żgħażagħ Ewropej għal żgħażagħ Ewropej. Il-motto tagħha huwa "nagħmlu l-Ewropa personali", minħabba li l-Ewropa ħafna drabi tiġi identifikata mal-politika u l-burokrazija. Din ir-rivista inħolqot f'Settembru 2007 u ġiet ippubblikata l-ewwel darba f'Lulju 2008. Kull tliet xhur toħroġ ħarġa ġdida fuq www.europeandme.eu. F'Jannar 2011, ir-rivista nediet blogg li jiġi aġġornat regolarment bl-isem "6th Sense", sabiex jikkumplimenta ċ-ċiklu ta' pubblikazzjoni ta' tliet xhur. It-tim tagħna huwa magħmul minn tmien persuni b'sitt nazzjonalitajiet differenti, u l-kittieba u l-qarrejja tagħna ġejjin minn għoxrin pajjiż differenti. F'anqas minn tliet snin, ir-rivista ppubblikat ħdax-il edizzjoni, laħqet udjenza Ewropea ta' aktar minn għoxrin elf qarrej, rebħet finanzjamenti biex jiġi organizzat workshop għal ġurnalisti żgħażagħ Ewropej, esplorat l-Ewropa kollha biex tiskopri l-ħafna uċuħ differenti tagħha u bniet komunità onlajn ta' aktar minn elf u mitt parteċipant. Kienu aktar minn mitt awtur li kitbu għar-rivista. L-edituri, l-awturi u x-xogħol komunitarju jaħdmu flimkien b'mod volontarju għal mira komuni: biex ikun hemm sens ta' stil ta' ħajja ġdid u transnazzjonali. Europe & Me preċedentement applikat għall-Premju Charlemagne iżda ma ngħatatx premju fil-livell Ewropew. Madankollu nemmnu li l-fatt li għadna nistinkaw u li dan mhux proġett ta' darba għandu jkun favurna mhux kontrina. Aħna ġejna mħeġġa nerġgħu napplikaw. Mis-sena l-oħra, il-proġett kiber u qabeż dak li mmaġinajna u daħal f'dimensjonijiet kompletament ġodda. Is-sena l-oħra, Europe & Me kienet prinċipalment rivista ta' divertiment li fuqha kienu jaħdmu n-nies flimkien. Illum il-ġurnata, Europe & Me hija pjattaforma li tippermetti lill-persuni jieħdu l-inizjattiva, jiżviluppaw lilhom infushom u li jsibu persuni bl-istess mentalità. Forsi ħaġa li turi dan hija: in-numru ta' paġni fl-applikazzjoni tagħna mis-sena l-oħra rduppjaw. B'dawn l-inizjattivi l-ġodda kollha, li jressqu flimkien mijiet ta' nies aktar milli ressaqna preċedentement aħna, barra dak kollu li kellna s-sena l-oħra, nixtiequ nerġgħu nippruvaw.

IT-TIENI PREMJU

Il-Greċja "Balkans Beyond Borders"

Balkans beyond Borders 2010 Il-proġett BBB beda fl-2009 bħala kompetizzjoni għall-films qosra u wara dan isir avveniment finali f'Belgrad. Dan indirizza ż-żgħażagħ mix-Xlokk tal-Ewropa b'interess fl-aspetti politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali ta' koperazzjoni reġjonali u l-produzzjoni tal-films. L-objettiv ewlieni tal-proġett kien li ż-żgħażagħ jiġu mistiedna sabiex jirriflettu dwar is-sitwazzjoni tar-reġjuna tagħhom u biex jikber il-fehim tagħhom tal-importanza tal-koperazzjoni reġjonali għall-iżvilupp futur tal-pajjiżi tagħhom. Intgħażlu minn qabel għaxar films u ntwerew waqt l-avveniment finali u l-film rebbieħ ġie ppreżentat għall-Festival tal-Films Naoussa fil-Greċja u wara ntwera f'diversi okkażjonijiet. Balkans beyond Borders 2011: fl-2010 l-proġett ġie estiż u issa fih erba' komponenti differenti. L-attività ewlenija tal-BBB tibqa' l-organizzazzjoni tal-festival annwali tal-films qosra tematiċi, f'belt Balkana differenti kull sena. Fl-2010, it-tema tal-festival kienet "Who is afraid of the Big Bad Crises" (Min qed jibża' mill-Kriżijiet Kbar u Kefrin). Iż-żgħażagħ huma mistiedna jipparteċipaw b'film li jittratta aspett ta' "kriżi". Il-films rebbieħa jiġu promossi matul is-sena u b'hekk jiġu promossi l-kultura u l-kreattività taż-żgħażagħ tar-reġjun. It-tieni komponent huwa l-organizzazzjoni tat-tliet workshops. Għaxar żgħażagħ li ġejjin minn pajjiżi differenti jiltaqgħu għal ġimgħa f'belt kapitali tar-reġjun sabiex jipproduċu film qasir kollettiv, u jisfidaw il-metodi tradizzjonali tal-produzzjoni tal-films. It-tliet films jibdew kollha fl-istess żmien ta' kriżi u huma mibnija kollha fuq l-istess kunċett, u indirettament jirriflettu kif ambjenti u gruppi kulturali differenti jirrelataw mal-kriżi. Il-films se jintwerew waqt il-festival. It-tielet komponent huwa l-appoġġ ta' grupp ta' individwi mir-reġjun b'miri u b'interess komuni. "L-Ambaxxaturi BBB" se jippromwovu l-BBB u l-miri ta' dan il-proġett f'pajjiżhom billi jsemmu l-attivitajiet tagħna fil-lingwa lokali, kif ukoll jipprovdu ideat u jieħdu r-responsabilità sabiex dawn l-ideat jitwettqu. Se jiġu organizzati wkoll seminars akkademiċi, u dawn se jittrattaw suġġetti relevanti għar-reġjun, u diskussjonijiet li qabilhom jintwera film qasir mill-festival, sabiex jitqajmu diskussjonijiet fost il-parteċipanti. Dan isir sabiex l-istudenti jiġu mħeġġa biex jispeċjalizzaw fl-istudju tar-reġjun waqt li jkunu l-università.

IT-TIELET PREMJU

Spanja "Il-Proġett Escena Erasmus"

Il-Proġett Escena Erasmus, imniedi fl-2009, huwa proġett Ewropew pijunier indirizzat prinċipalment għall-istudenti tal-Erasmus. Dan beħsiebu jsir netwerk teatrali li jippromwovi l-iskambji fost il-kumpaniji teatrali universitarji Ewropej. B'hekk, dan jikkonstittwixxi spazju produttiv għall-iskambju kulturali u lingwistiku. Ladarba qed jiġi żviluppat spazju Ewropew Komuni għal edukazzjoni ogħla, inqisu li l-Ewropa għandha tingħaqad ukoll minn esperjenzi oħra li huma wkoll relatati mal-edukazzjoni. Tali esperjenzi għandhom ikunu wkoll parti minn kwalunkwe spazju ta' edukazzjoni ogħla. Inqisu li d-dinja akkademika għandha tieħu l-inizjattiva billi tippromwovi attivitajiet li jtejbu l-esperjenza tal-iskambju Ewropew u joħolqu spazji għall-integrazzjoni u l-fehim fost il-popli, il-kulturi u l-lingwi differenti fl-Ewropa. Għall-istess raġuni, Escena Erasmus jippromwovi l-ħolqien ta' netwerk universitarju li jippermetti l-iskambju ta' esperjenzi teatrali żviluppati prinċipalment mill-istudenti tal-Erasmus. Għax din hija wkoll l-Ewropa: atturi minn pajjiżi differenti jirreċtaw f'lingwa barranija għal udjenza Ewropea. Escena Erasmus ġie żviluppat u mmexxi minn gradwati universitarji żgħażagħ u persuni li għandhom il-PhDs. Dawn ħarġu mill-moviment teatrali universitarju u issa ħolqu kumpanija teatrali professjonali li jisimha CRIT (Companyia de Recerca i Innovació Teatral). Escena Erasmus stabilixxa s-sede ewlenija tiegħu fl-università ta' Valencia, li hija t-tieni università Ewropea li tilqa' l-istudenti tal-Erasmus li jkunu ġejjin minn pajjiżi oħra. Għaldaqstant, il-Proġett Teatrali Ewropew "Escena Erasmus" joffri: - semestru u sena sħiħa ta' workshops teatrali bi spettaklu finali għall-istudenti tal-Erasmus u l-istudenti lokali (70% studenti tal-Erasmus / 30% studenti lokali) - il-ħolqien ta' kumpanija teatrali bl-istudenti li jipparteċipaw fil-workshops, liema kumpanija ttella' spettaklu fis-sena li żżur l-universitajiet msieħba. - il-ħolqien ta' netwerk ta' skambju teatrali fit-tul bejn l-universitajiet Ewropej bis-sede ewlenija tiegħu fl-Università ta' Valencia.