Dwar il-premju

Il-premju annwali, li jingħata mill-Parlament Ewropew u mill-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Premju Karlu Manju, jintrebaħ minn żgħażagħ ta' bejn 16 u 30 sena li jkunu ħadu sehem fi proġetti li jgħinu biex jippromwovu l-komprensjoni bejn persuni minn pajjiżi differenti tal-Ewropa.


Rappreżentanti tat-28 proġett rebbieħa nazzjonali ġew mistiedna f'Aachen, il-Ġermanja, fejn saret iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji fit-8 ta' Mejju. Il-proġetti rebbieħa jirċievu €7500, €5000 u €2500 rispettivament.

 

Ir-rebbieħa tal-2018

 

L-ewwel post - Worcation (il-Polonja)

 

Worcation tlaqqa' flimkien żgħażagħ minn pajjiżi differenti biex jaħdmu fis-sit ta' Stalag VIII A, kamp tal-priġunieri tal-gwerra Ġermaniż tat-Tieni Gwerra Dinjija li jinsab f'Görlitz u f'Zgorzelec, maż-żewġt ixtut tax-xmara Neisse. Wara li jirċievu taħriġ, il-voluntiera jagħmlu xogħol arkeoloġiku jew jintervistaw il-qraba tal-ex-priġunieri.

 

It-tieni post - Juvenilia (l-Italja)

 

Il-proġett Juvenilia jimmira li jqajjem l-interess fl-opera, il-ballett u t-teatru fost dawk li għandhom inqas minn 35 sena. Jorganizzaw skambji kulturali f'diversi bliet fl-Ewropa u jinnegozjaw il-prezzijiet tal-biljetti tad-dħul biex jagħmlu l-attendenza aktar fattibbli. Il-parteċipanti jistgħu imorru wara l-kwinti u jiltaqgħu mal-artisti, igawdu żjarat tal-bliet u jiltaqgħu ma' nies li jikkondividu l-istess interessi minn pajjiżi oħra.

 

It-tielet post - Never arrive 2 (Malta)

 

Il-blogger żagħżugħa Farah Abdullahi Abdi, rifuġjata mis-Somalja, kitbet żewġ kotba dwar il-frustrazzjoni u d-diffikultajiet tar-rifuġjati fl-Ewropa. Hi tixtieq turi li r-rifuġjati huma lesti li jħaddnu l-Ewropa u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħha, u mhumiex fostna biex joħolqu l-kaos. Farah ivvjaġġat fl-Ewropa u tkellmet mal-istudenti dwar ħajjitha, u offritilhom stampa differenti minn dik li jaf jingħataw mingħand sorsi kontra l-immigrazzjoni.

 

Ir-rebbieħ tal-Premju Karlu Manju 2018 huwa Emmanuel Macron

Il-Ħamis l-10 ta' Mejju, il-Premju Karlu Manju 2018 ngħata lill-President Franċiż Emmanuel Macron għall-"passjoni u l-impenn tiegħu lejn l-Ewropa". Ir-rebbieħa tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ iltaqgħu u tkellmu miegħu.