skip to content
 
 
 

Rebbieħa 2010

L-EWWEL PREMJU

Deutschland/IL-ĠERMANJA  ´´Netwerk Ewropew tas-CNC - Trejn għall-EWROPA´´

Bis-saħħa ta' idea ta' proġett li għamlet suċċess u li tnediet f'Novembru 2006 mill-iskola vokazzjonali BBS TGHS ta' Bad Kreuznach bħala skola koordinatriċi, "Trejn għall-Ewropa" kien fil-qalba ta' din is-sħubija COMENIUS eċċezzjonali ta' skejjel. It-"Trejn għall-EWROPA" jirrappreżenta l-aktar sħubija COMENIUS estensiva ta' skejjel li s'issa ġiet appoġġjata mill-Unjoni Ewropea. Aktar minn 1,500 apprendista minn 24 skola vokazzjonali tal-Ewropa bnew il-partijiet individwali ta' lokomotiva u, skont il-prinċipju "Airbus", qassmu bejniethom il-bini tagħhom biex imbagħad għaqqduhom flimkien. Magħha żdiedu l-vaguni individwali, li jirrappreżentaw il-karatteristiċi tipiċi rispettivi ta' kull wieħed mill-pajjiżi parteċipanti. It-"Trejn għall-EWROPA" għandu binarji b'wisa' ta' 90 millimetru u tul totali ta' madwar 8 metri. Kemm il-lokomotiva u kemm kull wieħed mill-vaguni huma wesgħin 100 millimetru u twal madwar 300 millimetru. It-"Trejn għall-EWROPA" jdur ma' sistema ta' binarji b'dijametru ta' 12-il metru. Għall-koordinazzjoni u għall-iffissar tad-diversi passi tal-proġett kien meħtieġ total ta' tliet laqgħat dwaru, li seħħew f'Albi (Franza), Ivrea (l-Italja) u Barċellona (Spanja). Fil-bidu tas-sajf 2009, l-istudenti involuti flimkien mal-għalliema tagħhom waslu biex jaħsdu frott ix-xogħol ta' snin sħaħ. Matul il-laqgħa finali konġunta f'Bad Kreuznach (il-Ġermanja) u l-iskola sieħba f'Geel (il-Belġju), ġie ttestjat b'ħerqa kbira jekk il-partijiet imħejjija kollha kenux jaqblu ma' xulxin anki fir-realtà u jekk it-"Trejn għall-EWROPA" kienx se jaqbad ir-rotta tiegħu b'suċċess. L-avvenimenti kienu akkumpanjati minn diversi timijiet ta' ġurnalisti tal-istampa, tar-radju u tat-televiżjoni (fost oħrajn SWR, ZDF, ZDF Infokanal u SAT.1). , Il-preżentazzjoni finali li twettqet b'suċċess fil-Parlament Ewropew fi Brussell, laħqet l-ogħla punt tagħha permezz tal-ħidma konġunta fuq il-proġett, li kienet seħħet matul snin sħaħ u li kienet ukoll ħadet ħafna ħin. L-idea tal-proġett "Trejn għall-EWROPA" tissimbolizza l-kunċett tal-Ewropa f'bosta aspetti u turi b'mod impressjonanti kemm taf tkun xierqa koperazzjoni Ewropea.

 

IT-TIENI PREMJU

Éire/L-IRLANDA ´´You Are Here´´

You Are Here huwa proġett ta' ktieb li laqqa' erbatax-il żagħżugħ u żagħżugħa biex jaħdmu flinkien ħalli jipproduċu 'pantoloġija' (pan + antoloġija) li tesplora x-xogħol ta' żagħżagħ li jgawdu mill-moviment liberu u jaħdmu f'pajjiż li mhuwiex dak li trabbew fih. Il-kiteb, li jieħu l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin bħala l-punt tat-tluq, jinkludi nies li twieldu fl-1980 jew wara u li għaldaqstant kibru bil-Ħajt ta' Berlin bħala biss memorja storika, u jirnexxilu jagħti stampa globali ta' kif dan illum wassal għal prattiċi ġodda fl-oqsma tal-antropoloġija, l-arti viżiva, id-drama, l-attiviżmu politiku, il-poeżija u l-proża letterarja. Fl-Ewropa tal-lum, l-artisti u l-attivisti żgħażagħ f'xogħolhom jagħġnu l-forom u l-vjaġġi, huma u jgħixu f'pajjiż partikolari waqt li sottilment iqajmu mistoqsijiet dwar it-tradizzjonijiet ta' pajjiżhom u dwar x'jistennew mill-ħajja nies pajjiżhom. Fl-Ewropa ta' wara l-waqgħa tal-Ħajt kibret ġenerazzjoni li llum tatna rġiel u nisa li ma jħossu l-ebda obbligu jagħtu tweġiba għal mistoqsjiet nazzjonali, imma minflok jorbtu mal-esperjenza personali unika tagħhom, waħda ta' xogħol u vjaġġi bla fruntieri, bil-medjazzjoni tat-traduzzjoni u tal-internet. Eżempji ta' proġetti artistiċi, intellettwali u attivisti jingħataw spazju f'You Are Here, biex b'hekk ikollna ċ-ċans naraw jekk dawn iż-żgħażagħ hux tassew qed jiktbu mill-perspettiva tal-libertà u l-pluralità mwielda fl-1989 ħalli jiżbukkaw fi tradizzjoni ġdida, usa' u pan-Ewropea fl-2009.

 

IT-TIELET PREMJU

България/IL-BULGARIJA ´´BEST Engineering Competition (BEC)´´

Il-BEST Engineering Competition (BEC) huwa avveniment li għandu l-għan li jlaqqa' u joffri sfida liż-żgħażagħ Ewropej minn pajjiżi differenti b'kultura, temperament u lingwa differenti. L-avveniment ġie organizzat bis-saħħa tax-xogħol volontarju tal-membri ta' BEST Sofija. Illum il-ġurnata, f'dinja ta' teknoloġiji li qed jiżviluppaw b'rata mgħaġġla, huwa ferm importanti li l-ispeċjalisti żgħażagħ ikollhom moħħhom miftuħ biżżejjed għal ideat ġodda. Min-naħa l-oħra, f'dan il-proċess jeħtieġ li jkunu kapaċi jżommu l-identità u l-ideoloġija tagħhom. Din hija l-bażi tad-diversità, li hija neċessarja biex id-dinja miftuħa u interkonnessa tal-lum timxi 'l quddiem. Il-BEC laqqa' 21 parteċipant minn 11-il pajjiż Ewropew. Huma kellhom kollox: alloġġ, ikel, trasport u attivitajiet kulturali. Kull parteċipant intgħażel minn qabel minn total ta' 150 applikazzjoni ta' studenti minn universitajiet tekniċi madwar l-Ewropa kollha. Il-parteċipanti tqassmu f'5 timijiet multinazzjonali. Il-kompetizzjoni kienet tikkonsisti fi: - Studju tal-Każ ibbażat fuq il-problema "Tfassil ta' robot li jutilizza sorsi ta' enerġija ambjentali fil-ġbir u s-separazzjoni tal-imbarazz u l-iskart" ("Design of a robot that uses environmental sources of energy in the collection and division of scrap and waste.") - Disinn tat-Tim - il-parteċipanti bnew robot b'sensor, li huwa kapaċi jsegwi linja milwija awtomatikament. Iċ-ċerimonja ta' jum il-preżentazzjoni saret fl-università Teknika ta' Sofija. Fl-udjenza kien hemm aktar minn 100 student, mistednin uffiċjali bħal rappreżentanti ta' kumpaniji, ir-Rettur u l-presidenti tal-fakultajiet. L-avveniment ġie ddokumentat mill-midja nazzjonali - BTV u PRO-bg. Kien hemm programm speċjali biex il-barranin iħossu l-atmosfera u jaraw il-kultura Bulgara - mawra fi tmiem il-ġimgħa lejn Plovdiv, Lejla Bulgara, Lezzjoni tal-lingwa Bulgara, Laqgħa fil-Belt u Lejla Internazzjonali. It-taħlita mżewqa ta' kulturi differenti ġabet magħha ħafna punti pożittivi f'kull aspett! Din il-kompetizzjoni tal-inġinerija hija eżempju ċar ta' kif l-Ewropej jistgħu jaħdmu u jikkoperaw flimkien biex jiksbu l-miri tagħhom u jkomplu jħaddnu l-ispirtu Ewropew!.

 .