skip to content
 
 
 

Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej tal-2015 ingħata lil @RealTime WW1

Il-proġett ta' Twitter @RealTime WW1, mil-Lussemburgu, ingħata l-ewwel premju waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ tal-2015, fl-Università ta’ Aachen, fit-12 ta’ Mejju. It-tieni premju ngħata lill-proġett Fronterras-European (border) line (Franza) u t-tielet premju ngħata b'mod konġunt lilSocial Soccer Club (Awstrija), Entrepreneurship, the Solution against Unemployment (Ċipru) u Infoactualidad (Spanja). Il-premju annwali jingħata lil proġetti li jrawmu sens kondiviż ta’ identità Ewropea u integrazzjoni fost iż-żgħażagħ.

L-ewwel premju ngħata mill-President tal-PE Martin Schulz, it-tieni premju mill-ex President tal-PE Hans-Gert Pöttering u l-premjijiet għat-tielet post ingħataw mis-Sindku ta’ Aachen Marcel Philip, mill-Kwestur tal-PE Elisabeth Morin Chartier u minn Jürgen Linden, il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-Premju Karlu Manju.

L-ewwel premju: Il-Lussemburgu - @RealTime WW1
@RealTime WW1 huwa proġett immexxi minn studenti li qed jagħmlu Master's mal-Università tal-Lussemburgu dwar l-Istorja Ewropea Kontemporanja. Mill-bidu tal-2014, fi ftit linji biss, bdew jirrakkuntaw il-ħajja matul l-Ewwel Gwerra Dinjija fuq Twitter@RealTimeWW1; kif jgħidu "mhux bħala storja ta’ rebbieħa u telliefa – iżda bħala żmien meta, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, ħafna ommijiet sofrew l-istess ansjetà u niket għal uliedhom li kienu fi sptarijiet militari. Żmien meta rġiel minn fuq kull naħa kitbu ittri ta' mħabba simili mingħajr ma kienu jafu humiex se jerġgħu jaraw l-għeżież tagħhom mill-ġdid. Żmien meta s-suldati fit-trunċieri kantaw l-istess kanzunetti tal-Milied u talbu l-istess talba tal-"Missierna" – biss f’lingwi differenti.”

L-istudenti qasmu l-istorja grandjuża tal-Ewwel Gwerra Dinjija fi stejjer personali żgħar, biex “il-gwerra li ttemm il-gwerer kollha” tkun tista’ tinftiehem llum u użaw ftit frażijiet kull jum biex jiftħu perspettiva ġdida fuq il-prijoritajiet politiċi u soċjali tal-lum — mill-perspettiva tas-suldati, l-infermiera, l-istudenti, l-artisti, il-bdiewa u l-attivisti li kollha ugwalment ttamaw li l-gwerra kienet se tintemm malajr għalihom. @RealTime WW1 issa għandu aktar minn 8,700 qarrej.

https://twitter.com/RealTimeWW1

It-tieni premju: Franza - Il-Proġett Fronterras-European (border) line
Il-proġett Fronterras-European (border) line beda bi 28 ċittadin żagħżugħ Ewropew, li erbgħa minnhom kienu jgħixu fuq il-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea. Huma ħolqu websajt li tiġbor flimkien stejjer intriganti tal-ħajja fuq il-fruntieri tal-Ewropa jew ta' vjaġġi biex dawn jinqasmu.

Skont it-tim: “Il-kunċett astratt ta’ “fruntiera” jsir realtà meta wieħed jarah mill-perspettiva ta' dawk li jesperjenzawha ta' kuljum. Nixtiequ ngħinu lill-persuni jiskopru l-Ewropa permezz tal-limiti li żmien ilu ġew imposti fuqha b’mod arbitrarju u li għamluha l-kontinent multidimensjonali li nafu llum”.

http://www.fronterras.com/


It-tielet premju — mogħti lit-tliet proġetti li ġejjin:

Awstrija - Social Soccer Cup
Is-Social Soccer Cup (SSC) huwa t-turnament tal-futbol internazzjonali għaż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet ta' welfare mill-Ewropa kollha. Hu organizzat miż-żgħażagħ taċ-ċentru għaż-żgħażagħ ta' Clickln għal żgħażagħ minn pajjiżi oħra. L-għan hu li jressaq flimkien żgħażagħ minn pajjiżi Ewropej differenti, biex jingħelbu l-preġudizzji u biex jinbdew proġetti konġunti oħra.

http://www.socialsoccercup.at

 

Ċipru - Entrepreneurship, the Solution against Unemployment
Entrepreneurship, the Solution against Unemployment, kien proġett multilaterali ta’ Skambju ta' Żgħażagħ li ppromwova d-diskussjoni fost il-parteċipanti żgħażagħ. It-temi ewlenin kienu: Il-qgħad, l-emigrazzjoni, l-intraprenditorija u l-edukazzjoni mhux formali.  

https://www.facebook.com/kentro.agrou?fref=ts


Spanja - Infoactualidad
Infoactualidad hija gazzetta onlajn għall-Fakultà tax-Xjenzi tal-Informazzjoni (Universidade Complutense de Madrid), b’140 student tal-ġurnaliżmu bħala reporters. Minn meta fetħet fl-2012, aktar minn 400 student universitarju li għadhom ma ggradwawx ibbenefikaw mit-taħriġ tagħha. Infoactualidad għandha netwerk ta’ “studenti korrispondenti” tal-programm Erasmus li jaħdmu mal-Ewropa kollha.

http://www.ccinf.es/infoactualidad/index.php/carlomagno



Premju

Il-proġetti rebbieħa se jirċievu finanzjament ta’ EUR 5 000, EUR 3 000 u EUR 2 000 rispettivament. Ir-rappreżentanti tagħhom se jkunu wkoll mistiedna biex iżuru l-Parlament Ewropew fi Brussell matul ix-xhur li ġejjin.

Rappreżentanti tat-28 proġett li ħadu sehem kienu mistiedna għaċ-ċerimonja ta' premjazzjoni fit-12 ta’ Mejju f’Aachen u ngħataw diploma kif ukoll midalja.

Iċ-ċerimonja ta' premjazzjoni ġiet organizzata b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju. Kienet ospitata mill-Università ta’ Aachen.

Ingħataw diskorsi ta’ merħba mill-President tal-PE Martin Schulz, mill-Viċi President tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju Bettina Leysen u mir-Rettur tal-Università ta’ Aachen Ernst Schmachtenberg.

Materjal awdjoviżiv miċ-ċerimonja huwa disponibbli fuq talba u se jkun disponibbli fuq il-websajt indikata hawn taħt.

Segwina fuq Twitter: @EUYouthPrize

Segwi l-avveniment fuq #ECYP2015


Links

Il-websajt tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ b’sommarji tat-28 proġett nazzjonali kollha: http://www.charlemagneyouthprize.eu/

Aktar informazzjoni fuq @RealTime WW1: https://twitter.com/RealTimeWW1

Aktar informazzjoni fuq il-Proġett Fronterras-European (border) line: http://www.fronterras.com/

Aktar informazzjoni dwar Social Soccer Club mill-Awstrija: http://www.socialsoccercup.at

Aktar informazzjoni dwar Entrepreneurship, the Solution against Unemployment: https://www.facebook.com/kentro.agrou?fref=ts

Aktar informazzjoni dwar Infoactualidad: http://www.ccinf.es/infoactualidad/index.php/carlomagno

Il-websajt awdjoviżiv b’materjal miċ-ċerimonja: http://audiovisual.europarl.europa.eu/


Għal iżjed informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:

Armin Wisdorff: (+32) (0)498 98 13 45  - armin.wisdorff@europarl.europa.eu