skip to content

Cookies on the EU website

We use cookies to give the best experience on our site. Continue without changing your settings, and you'll receive cookies, or change your cookie settings at any time.

Continue
 
 
 

Regoli tal-Kompetizzjoni

Artikolu 1: Tema tal-kompetizzjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen jistiednu liż-żgħażagħ mill-Istati Membri kollha tal-UE jipparteċipaw f'kompetizzjoni dwar l-iżvilupp tal-UE, l-integrazzjoni u kwistjonijiet ta' identità Ewropea.

Il-"Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej" jingħata għal proġetti li:

• jippromwovu l-komprensjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali,
• irawmu sens komuni ta' identità Ewropea u integrazzjoni,
• iservu ta' mudell għaż-żgħażagħ li jgħixu fl-Ewropa u joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda.

Il-proġetti jistgħu jiffukaw fuq l-organizzazzjoni ta' diversi avvenimenti għaż-żgħażagħ, skambji taż-żgħażagħ jew proġetti online b'dimensjoni Ewropea.

Artikolu 2: Skadenza għall-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta' Jannar 2020 f'00:00 CET. L-applikazzjoni trid timtela online fuq is-sit tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej (www.charlemagneyouthprize.eu).

Għal aktar informazzjoni tista' tibgħat email fuq ECYP2020@ep.europa.eu.

Artikolu 3: Kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni

L-applikanti jrid ikollhom bejn is-16 u t-30 sena u jridu jkunu ċittadini jew residenti ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-parteċipanti jistgħu japplikaw individwalment jew fi gruppi; proġett magħmul fi grupp jew li jinvolvi pajjiżi differenti jrid jiġi ppreżentat f'pajjiż wieħed biss li jkun marbut mill-qrib mal-proġett.

Il-proġetti jistgħu jiġu ppreżentati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-proġetti ppreżentati għall-kompetizzjoni jridu jkunu nbdew u:

a) ikunu ntemmu bejn l-1 ta' Jannar 2019 u l-31 ta' Jannar 2020 jew
b) ikunu għadhom għaddejjin.

L-applikazzjonijiet kollha jrid ikun fihom l-informazzjoni li ġejja:

• Isem u kunjom l-applikant (jew isem u kunjom il-persuna li għandha tiġi kkuntattjata f'każ ta' grupp jew organizzazzjoni)
• Pajjiż tar-residenza
• Nazzjonalità
• Data tat-twelid
• Indirizz tal-email
• Numru tat-telefon
• Sit web (jekk applikabbli)
• Titlu tal-proġett
• Taqsira bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż
• Deskrizzjoni sħiħa tal-proġett
• Dikjarazzjoni dwar fondi mill-UE

Jiġu aċċettati biss il-proġetti mressqa permezz tal-formola online.

Artikolu 4: Esklużjoni mill-kompetizzjoni

Il-proġetti li ġejjin mhumiex eliġibbli:

• proġetti ppjanati iżda li jkunu għadhom ma bdewx;
• proġetti mressqa minn individwi li jaħdmu ma' xi istituzzjoni Ewropea jew mal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen;
• teżijiet u pubblikazzjonijiet akkademiċi;
• proġetti li jkunu diġà ngħataw premju minn xi istituzzjoni tal-UE jew finanzjament ta' aktar minn 75% f'fondi Ewropej (pereżempju fil-qafas ta' Orizzont 2020, Erasmus+, Jean Monnet jew programmi oħra tal-UE);
• it-tliet rebbieħa finali tal-edizzjonijiet preċedenti tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej.

Artikolu 5: Evalwazzjoni tal-proġetti

Il-proġetti jiġu evalwati skont il-prinċipji li ġejjin:

• iridu jissodisfaw l-objettivi tal-kompetizzjoni: jippromwovu l-komprensjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali; irawmu l-iżvilupp ta' sens komuni ta' identità Ewropea u joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda;
• tingħata prijorità lil proġetti li jkunu nħolqu konġuntament minn żgħażagħ li jirrappreżentaw Stati Membri differenti;
• tingħata attenzjoni partikolari lil proġetti mwettqa fuq bażi volontarja.

Artikolu 6: Proċess tal-għażla

Ir-rebbieħa tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ Ewropej jintgħażlu fi proċess b'żewġ fażijiet.
L-ewwel fażi: sal-20 ta' Marzu 2020, ġuriji nazzjonali magħmula minn tal-anqas żewġ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) u rappreżentant ta' organizzazzjoni taż-żgħażagħ iridu jagħżlu rebbieħ nazzjonali minn kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE.

It-tieni fażi: sa April 2020, il-ġurija Ewropea magħmula minn tliet MEPs u l-President tal-Parlament Ewropew – kif ukoll erba' rappreżentanti tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen – trid tagħżel ir-rebbieħ minn fost il-proġetti mressqa mill-ġuriji nazzjonali.

Id-deċiżjoni tal-ġurija Ewropea hija finali. Il-ġurija tirriżerva d-dritt li tirrifjuta kwalunkwe proġett li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

Artikolu 7: Premju

L-ewwel premju hu ta' €7,500, filwaqt li t-tieni u t-tielet premju huma ta' €5,000 u €2,500 rispettivament.
Rappreżentant minn kull proġett rebbieħ fil-livell nazzjonali jiġi mistieden iqatta' xi jiem f'Aachen (il-Ġermanja) u jattendi għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fid-19 ta' Mejju 2020.

Il-premjijiet għall-aqwa tliet proġetti jiġu ppreżentati mill-President tal-Parlament Ewropew u minn rappreżentanti tal-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen.

Bħala parti mill-premju, ir-rebbieħa jiġu mistiedna jżuru l-Parlament Ewropew (fi Brussell jew Strasburgu).

Artikolu 8: Drittijiet tal-awtur

Il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen jirriżervaw id-dritt li jużaw il-materjal għal finijiet ta' preżentazzjoni kif ukoll għal skopijiet medjatiċi u promozzjonali.

Artikolu 9: Responsabbiltà

L-organizzaturi ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-annullament, il-posponiment jew il-modifika tal-kompetizzjoni minħabba ċirkustanzi imprevisti.

Artikolu 10: Aċċettazzjoni tar-regoli

Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni timplika l-aċċettazzjoni sħiha ta' dawn ir-regoli.