Merħba fis-sit tal-Kumitat ITRE.
Sal-elezzjonijiet li jmiss, il-Membri tal-Kumitat ITRE se jkomplu jagħtu kontribut għad-definizzjoni ta' politiki u qafas leġiżlattiv fuq żmien fit-tul maħsub biex ikun hemm Ewropa aħjar u aktar kompetittiva.
Il-Kumitat ITRE se jeżamina l-proposti leġiżlattivi dwar ir-Riċerka; il-politika tal-UE dwar ir-riċerka għas-snin li ġejjin trid tiġi ridefinita sabiex tkun tista' tiffaċċja sfidi ġodda. L-industrija tat-telekomunikazzjonijiet se ssir aktar kompetittiva u l-prezzijiet għall-konsumaturi se jorħsu.
Fil-qasam importanti tal-enerġija, l-Ewropa trid tindirizza d-dgħufijiet tagħha u tipprovdi soluzzjonijiet. Ammonti kbar ta' flus jintefqu fuq l-importazzjoni taż-żejt u tal-gass. Huwa importanti li ċ-ċittadini u l-industrija jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom enerġija bi prezzijiet raġonevoli. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u emissjonijiet aktar baxxi tal-gassijiet serra huma wkoll kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.
L-iżviluppi ġodda u l-innovazzjonijiet, ukoll fil-qasam tal-internet u tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, jista' jkollhom rwol importanti għaċ-ċittadini u l-industrija.
Jekk irridu nkunu effettivi u nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għall-ħajjiet taċ-ċittadini, neħtieġu l-għajnuna taċ-ċittadini u li niskambjaw informazzjoni mal-atturi tas-soċjetà ċivili. Djalogu kostanti biss jippermetti li nsibu l-aħjar bilanċ bejn id-diversi pożizzjonijiet. L-għan ta' dan is-sit huwa li jagħti informazzjoni dwar il-ħidma tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.
Amalia Sartori