Għażiż viżitatur,
Merħba fis-sit tal-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew.
Is-setgħat baġitarji kienu fost l-ewwel setgħat miksuba mill-Parlament. Dawn issaħħu aktar mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Il-Parlament Ewropew issa japprova, fuq l-istess livell mal-Kunsill, in-nefqa kollha tal-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea.
Bi 43 membru u l-istess numru ta’ membri sostituti, il-Kumitat għall-Baġits huwa prinċipalment responsabbli mill-abbozzar tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-baġit annwali tal-UE (EUR 147.2 biljun f’impenji u EUR 129.1 biljun fi ħlasijiet għas-sena finanzjarja 2012).
Barra minn dan, il-Kumitat għall-Baġits huwa responsabbli wkoll mit-tħejjija tan-negozjati tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (jew il-perspettiva finanzjarja) li jiddetermina l-qafas għall-proċeduri baġitarji annwali għal perjodu ta' 7 snin. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fejn għal darb’oħra ġie mtenni li l-Baġit tal-UE irid jiġi ffinanzjat għalkollox mir-riżorsi tiegħu stess, il-Kumitat għall-Baġits issa qed jaħdem fuq xi proposti leġiżlattivi importanti li għandhom il-għan li jintroduċu mill-ġdid id-dħul ġenwin fit-teżor pubbliku tal-UE.
F‘dawn il-paġni għandek issib informazzjoni utli u aġġornata regolarment dwar il-ħidma tal-Kumitat għall-Baġits. Inti mistieden ukoll issegwi l-laqgħat tagħna fuq EP live.
Nixtieqlek żjara pjaċevoli.
Alain Lamassoure