Veuillez remplir ce champ

Il-Konferenza taċ-Chairmen tad-Delegazzjonijiet

Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet (KPD) hija l-korp politiku fil-Parlament Ewropew li jikkoordina x-xogħol ta' 44 delegazzjoni permanenti tal-Parlament.

Il-Konferenza tiżgura li d-delegazzjonijiet jaħdmu b'mod effiċjenti u f'koordinament mal-istrutturi l-oħra tal-Parlament. Il-laqgħat regolari tagħha jipprovdu forum sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet u sfidi komuni għad-delegazzjonijiet.

Kompożizzjoni u presidenza

Il-membri tal-Konferenza huma l-presidenti tal-44 delegazzjoni tal-Parlament u tat-3 kumitati li jaħdmu f'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

Wieħed mill-44 president parteċipanti fil-grupp jiġi elett bħala l-President tal-Konferenza. It-terminu tal-mandat tiegħu huwa ta' sentejn u nofs, jiġifieri nofs il-leġiżlatura ta' ħames snin tal-Parlament Ewropew.

Attwalment, il-President tal-Konferenza tal-Presedenti tad-Delegazzjonijiet hija Inés Ayala Sender. Il-mandat tagħha se jiskadi fi tmiem it-tmien leġiżlatura tal-Parlament, fl-2019.

Membru Spanjola tal-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, is-Sa Ayala Sender hija wkoll il-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Magreb u l-Unjoni tal-Magreb Għarbi, kif ukoll membru tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran.

Programmazzjoni

Il-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet normalment isiru nhar ta' Tlieta tas-sessjonijiet ta' Strasburgu. Dan ifisser li jkun hemm 12-il laqgħa fis-sena.

Darbtejn fis-sena, il-Konferenza tippjana s-sitt xhur ta' kalendarju ta' laqgħat tad-delegazzjoni li jmiss. L-abbozz ta' kalendarju jiġi ppreżentatat lill-Kumitati għall-Affarijiet Barranin, għall-Kummerċ Internazzjonali u għall-Iżvilupp. Wara dan, il-kalendarju jgħaddi għand il-"Konferenza tal-Presidenti", il-korp tal-Parlament Ewropew li jħaddan fih il-President tal-Parlament u l-presidenti tal-gruppi politiċi.

Il-Konferenza tal-Presidenti hija responsabbli biex tapprova l-kalendarju tad-delegazzjonijiet.

Rakkomandazzjonijiet lil u minn korpi politiċi oħra

Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet tippreżenta wkoll xi drabi proposti dwar il-ħidma tad-delegazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti.

Il-Konferenza tal-Presidenti u l-Bureau tal-Parlament Ewropew - korp politiku ieħor, magħmul mill-President u l-Viċi Presidenti tal-Parlament - jistgħu jiddelegaw kompiti speċifiċi lill-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet.

Kooperazzjoni fost id-delegazzjonijiet u bejn id-delegazzjonijiet u l-kumitati

Permezz tal-adozzjoni ta' approċċi u linji gwida komuni għall-attivitajiet tad-delegazzjonijiet, il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet issostni l-aħjar prattiki.

Hija taħdem ukoll mal-"Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati" - korp politiku parallel li jikkoordina x-xogħol tal-kumitati.

B'dan il-mod, il-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament jibqgħu koordinati ma' xulxin,

u dan, min-naħa tiegħu, isaħħaħ l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew fir-relazzjonijiet barranin tal-UE.

Qafas

Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet hija deskritta fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.

Fil-verżjoni attwali tar-Regoli, l-Artikolu 30 ikopri l-Konferenza ma' dawn l-erba' klawsoli li ġejjin:

1. Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet għandha tkun magħmula mill-presidenti tad-delegazzjonijiet interparlamentari permanenti kollha. Hija għandha teleġġi l-president tagħha.

2. Fl-assenza tal-president, il-laqgħa tal-Konferenza għandha tiġi ppreseduta mill-Membru preżenti li jkun l-akbar fl-età.

3. Il-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti dwar ix-xogħol tad-delegazzjonijiet.

4. Il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet sabiex twettaq kompiti speċifiċi.