Veuillez remplir ce champ

Tipi ta' delegazzjonijiet

Id-delegazzjonijiet kollha tal-Parlament Ewropew inissġu relazzjonijiet mal-parlamentari f'pajjiżi, reġjuni u organizzazzjonijiet oħra. Iżda kif u fejn jiltaqgħu jiddependi mit-tip ta' delegazzjoni tagħhom.

Assemblej parlamentari

Wieħed mill-gruppi tad-delegazzjonijiet jipparteċipa fl-"assemblej parlamentari" - laqgħat regolari u formali li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti eletti minn diversi parlamenti. Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew hija biss waħda minn diversi f'dawn l-assemblej.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew hija l-akbar delegazzjoni unika fl-assemblea, b'għadd ta' Membri tal-Parlament Ewropew li jammontaw għal madwar nofs in-numru totali tad-delegati. F'xi każijiet, ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew huma minoranza tad-delegati totali.

Bħalissa, 5 mill-44 delegazzjoni tal-Parlament Ewropew jipparteċipaw f'assemblej parlamentari. Fost l-eżempji nsibu d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO (DNAT) u d-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Amerika Latina (DLAT).

Kumitati interparlamentari

Id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil"kumitati" interparlamentari jiltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom b'mod regolari, f'laqgħat formali. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-kumitati interparlamentari huma bilaterali: dawn jinvolvu lill-Parlament Ewropew u delegazzjoni oħra, normalment minn pajjiż wieħed.

Il-kumitati interparlamentari jistgħu jissejħu "Kumitati Parlamentari ta' Assoċjazzjoni", "Kumitati Parlamentari ta' Kooperazzjoni", "Kumitati Parlamentari Konġunti" jew "Kumitati Parlamentari ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni", skont għadd ta' fatturi.

Dawn il-kumitati kollha nħolqu permezz ta' ftehimiet bilaterali bejn l-UE u s-sieħeb. Il-laqgħat isegwu "regoli ta' proċedura" stretti.

Il-Parlament Ewropew attwalment għandu 15-il delegazzjoni li jipparteċipaw fi 23 kumitat parlamentari. Fost l-eżempji nsibu d-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Messiku (D-MX) u d-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna (D-UA).

Delegazzjonijiet interparlamentari oħrajn

L-akbar grupp ta' delegazzjonijiet jiffoka fuq "relazzjonijiet ma'" pajjiż ieħor, jew xi kultant ma' grupp ta' pajjiżi.

Dawn id-delegazzjonijiet jiltaqgħu mal-leġiżlaturi sħabhom f'"laqgħat interparlamentari" ordinarji. Il-frekwenza ta' dawn il-laqgħat tista' tvarja skont l-impenji u d-disponibbiltà ta' dawn iż-żewġ sħab. Dawn il-laqgħat m'għandhomx ir-regoli tagħhom stess, għalkemm jibqgħu jaderixxu mad-"dispożizzjonijiet" ġenerali għal delegazzjonijiet stabbiliti mill-Parlament Ewropew.

Il-biċċa l-kbira tad-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew - madwar 25 minn total ta' 44 - jaqgħu taħt din il-kategorija ta' delegazzjonijiet interparlamentari. Żewġ eżempji huma d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Ġappun (D-JP) u d-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kanada (D-CA).