Il-Parlament Ewropew żamm kuntatti mill-qrib mal-Parlament Pan-Afrikan (PAP) minn meta dan tal-aħħar ġie mwaqqaf fl-2004. Fl-2006, il-PE waqqaf l-ewwel delegazzjoni ad-hoc għall-PAP. Fil-bidu ta’ dan is-seba’ terminu parlamentari, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jwaqqaf delegazzjoni interparlamentari permanenti.
Dawn iż-żewġ parlamenti għandhom ir-responsabilità li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE li ġiet adottata fl-2007 f’Liżbona. L-għan tal-Istrateġija huwa li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE, biex flimkien ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi globali. F’Diċembru 2007 l-PE u l-PAP organizzaw presamit parlamentari f’Liżbona jum qabel is-Samit bejn l-UE u l-Afrika u l-Presidenti tagħhom ġew mistiedna jindirizzaw lill-Kapijiet tal-Istat u lill-Gvern. Iż-żewġ delegazzjonijiet iltaqgħu regolarment fi Brussell u fi Strażburgu kif ukoll f’Midrand (l-Afrika ta’ Isfel), fejn il-PAP għandu s-sede tiegħu.