Proċedura : 2014/2041(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0003/2014

Testi mressqa :

A8-0003/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/09/2014 - 9.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0016

RAPPORT     
PDF 201kWORD 130k
11.9.2014
PE 536.167v01-00 A8-0003/2014

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2014 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(COM(2014)0366 – C8‑0031/2014 – 2014/2041(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Liadh Ni Riada

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2014 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(COM(2014)0366 – C8‑0031/2014 – 2014/2041(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0366 – C8‑0031/2014),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar Patt għal Tkabbir u Impjiegi tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0003/2014),

A.     billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, aggravati mill-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali, u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.     billi l-ammont ta' EUR 330 000 propost li jkun mobilizzat mill-Kummissjoni għal għajnuna teknika fl-2014 huwa inqas mill-massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG (EUR 150 miljun bil-prezzijiet tal-2011) kif stipulat fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG;

C.     billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lil ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun adegwata u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG;

D.     billi s-sejbiet tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni jissuġġerixxu titjib u żgurar tal-funzjonalitajiet tad-database tal-FEG, li jeħtieġu għarfien espert estern;

E.     billi mhux aktar minn 0,5 % tal-ammont annwali tal-FEG jista' jkun disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' verifika, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG, kif stipulat fl-Artikolu 11(1) ta' tali Regolament; billi l-għajnuna teknika għandha tinkludi wkoll il-provvediment ta' tagħrif u gwida rigward l-użu, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-FEG kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-sħab soċjali Ewropej u nazzjonali, kif stipulat fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG;

F.     billi l-infiq fir-rigward tal-għajnuna teknika fis-sena 2014 qed jitnaqqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mas-sena preċedenti, anke minħabba l-fatt li m'hemm l-ebda valutazzjoni li għandha tkun iffinanzjata;

G.     billi, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG, il-Kummissjoni obbligata toħloq sit tal-internet, disponibbli bil-lingwi kollha tal-Unjoni, biex tipprovdi u xxerred informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u tagħmel enfasi fuq ir-rwol tal-awtorità baġitarja;

H.     billi l-fażi finali tal-valutazzjoni ex post tal-FEG (2007-2013) saret fl-2013;

I.      billi, abbażi ta' tali artikoli, il-Kummissjoni talbet li l-FEG jiġi mmobilizzat bil-għan li jkopri l-infiq relatat mal-għajnuna teknika meħtieġa biex isir monitoraġġ tal-applikazzjonijiet riċevuti u mħallsa u tal-miżuri proposti u implimentati, biex is-sit tal-internet jibqa' jikber u l-elementi ġodda jiġu tradotti bil-lingwi kollha tal-Unjoni, biex tiżdied il-viżibbiltà tal-FEG, biex jinħarġu pubblikazzjonijiet u għodod awdjoviżivi, biex tinħoloq bażi ta' għarfien kif ukoll biex jiġi fornut appoġġ amministrattiv u tekniku lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali, mingħajr ma jintalbu fondi għall-evalwazzjonijiet fl-2014;

J.      billi l-għadd ta' każijiet tal-FEG li ġew stralċati s'issa jipprevedu għadd konsiderevoli ta' data kwalitattiva u kwantitattiva fir-rigward tal-influwenza tal-FEG dwar l-impjegabbiltà ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-effetti tal-globalizzazzjoni u tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

K.     billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

L.     billi l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni fl-2014 tnaqqset b'mod sinifikanti;

M.    billi l-Gruppi ta' Ħidma tal-FEG spiss enfasizzaw il-ħtieġa ta' viżibbiltà aħjar tal-FEG bħala strument komunitarju ta' solidarjetà mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

N.     billi attwalment għaddejjin preparazzjonijiet bil-għan li l-FEG ikun integrat fis-sistema tal-iskambju tad-data elettronika (SFC2014);

O.     billi l-għajnuna teknika mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tappoġġa u ssaħħaħ l-użu tal-FEG billi tipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u billi twassal l-aħjar prattika fost l-Istati Membri;

1.      Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li għandhom jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.      Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG; jappoġġa, għalhekk, il-finanzjament tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt tal-FEG kif ukoll ta' attivitajiet ta' netwerking oħra fost l-Istati Membri inkluż is-seminar ta' din is-sena għal dawk involuti fil-ħidma ta' implimentazzjoni tal-FEG; jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-ogħla għadd ta' sinerġiji possibbli;

3.      Jinnota li l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni fl-2014 tnaqqset b'mod sinifikanti; jenfasizza l-importanza li dan ma jkollux effett negattiv fuq il-produzzjoni u fuq id-distribuzzjoni suffiċjenti ta' materjal ta' informazzjoni u ta' gwida meħtieġa dwar ir-Regolament tal-FEG il-ġdid fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tiegħu;

4.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha rigward l-istabbiliment ta' proċeduri standardizzati sabiex l-applikazzjonijiet ikunu ssemplifikati, l-ipproċessar tagħhom jitħaffef u jitjieb ir-rappurtaġġ bil-għan li jittaffa l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-viżibbiltà tal-FEG f'aktar azzjonijiet;

5.      Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali fil-mira, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG;

6.      Jinnota l-fatt li l-Kummissjoni se tagħmel disponibbli għadd limitat ta' kopji stampati tal-evalwazzjoni ex post tal-FEG flimkien ma' pubblikazzjoni fuq l-internet;

7.      Jilqa' l-fatt li l-fażi finali tal-valutazzjoni ex post tal-FEG (2007-2013) saret fl-2013; jitlob għall-pubblikazzjoni fil-ħin tal-valutazzjoni finali skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-FEG preċedenti (Regolament (KE) Nru 1927/2006);

8.      Jistieden lill-koleġiżlaturi jintroduċu dispożizzjonijiet speċjali li jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG fl-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u finanzjarji partikolarment serji;

9.      Jinnota li fl-2011, il-Kummissjoni kienet diġà bdiet taħdem fuq il-formola tal-applikazzjoni elettronika u l-proċeduri standardizzati għal applikazzjonijiet simplifikati, ipproċessar imħaffef tal-applikazzjonijiet u rappurtar aħjar; jinnota barra minn hekk il-preparamenti biex il-FEG ikun integrat fis-sistema tal-iskambju tad-data elettronika (SFC2014); jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress li sar wara l-użu tal-għajnuna teknika bejn l-2011 u l-2013;

10.    Jiddispjaċih ħafna li sa issa l-Kummissjoni għadha ma analizzatx debitament l-effikaċja tal-użu tal-kriterju tad-deroga marbuta mal-kriżi, speċjalment meta jitqies li dawn il-każijiet tal-FEG ma ġewx ikkunsidrati kif xieraq fir-rieżami tal-qafas tal-FEG; jiddispjaċih, madankollu, li r-riżultati ma waslux fil-ħin biex jiddaħħlu fid-diskussjoni dwar ir-regolament il-ġdid għall-FEG fl-2014-2020, speċjalment rigward l-effikaċja tal-użu tal-kriterju tad-deroga marbuta mal-kriżi; xorta jemmen li dan għandu jiġi kkunsidrat għall-evalwazzjoni futura tal-FEG; jistieden lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw l-introduzzjoni mill-ġdid ta' din il-miżura mingħajr dewmien, speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza soċjali f'diversi Stati Membri;

11.    Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, partikolarment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG il-ġdid; jappoġġa, għaldaqstant, il-finanzjament tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt tal-FEG; jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Parlament għal-laqgħat u s-seminars tal-grupp ta' esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(4); jenfasizza barra minn hekk l-importanza tal-koordinazzjoni ma' dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali;

12.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jibbenefikaw mill-possibilitajiet ta' skambju tal-aħjar prattiki u jitgħallmu b'mod partikolari minn dawk l-Istati Membri u minn dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li diġà stabbilew netwerks nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-FEG bil-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali bil-għan li jkollhom struttura tajba għall-għajnuna fis-seħħ fil-każ li tinqala' sitwazzjoni li taqa' fl-ambitu tal-FEG; jirrimarka l-ħtieġa li titħeġġeġ l-għajnuna b'awtonomija u b'aċċess faċli fil-livell reġjonali sabiex tiġi implimentata etika minn isfel għal fuq, filwaqt li jiġu ffavoriti soluzzjonijiet lokali fuq livell reġjonali, fejn taf tokkorri kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fl-ambitu tal-FEG;

13.    Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; jinnota, f'dan is-sens, il-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bil-għan li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà ta' applikazzjoni tal-FEG tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG; jieħu nota tal-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar il-FEG li se jippermetti livell ogħla ta' effiċjenza, trasparenza, responsabbiltà u viżibbiltà tal-FEG;

14.    Jemmen bis-sħiħ li huwa essenzjali li l-infiq tal-Unjoni jkun skrutinizzat mill-qrib abbażi tal-valur għall-flus; jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi biċ-ċar il-valur miżjud f'dak li huma eżiti tanġibbli tal-ħolqien ta' linja baġitarja separata għall-FEG;

15.    Jilqa' b'sodisfazzjon it-twessigħ tal-objettivi u tal-kriterji tar-Regolament dwar il-FEG introdott f'Diċembru 2013, sabiex jiġu integrati u ffaċilitati l-applikazzjonijiet minn reġjuni u pajjiżi b'densità demografika iżgħar; jiddispjaċih ħafna li dan huwa ta' natura eċċezzjonali u huwa limitat għal livell limitu massimu ta' 15 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG, filwaqt li dawn ir-reġjuni qegħdin isofru impatt ferm akbar tal-kriżi globali soċjali, ekonomika u finanzjarja;

16.    Jilqa' b'sodisfazzjon it-twessigħ tal-ambitu tal-Fond rigward il-benefiċjarji eliġibbli, jiġifieri persuni li jaħdmu għal rashom, u l-għoti ta' servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil numru ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) taħt l-età ta' 25 sena, jew taħt l-età ta' 30 sena meta l-Istati Membri jiddeċiedu hekk; madankollu, jemmen li l-fond iżid l-effikaċja tiegħu u jkollu impatt ferm akbar li kieku l-livell limitu ġenerali kellu jkun ta' 200 ħaddiem, minflok ta' 500;

17.    Insegwitu tat-twessigħ tal-objettivi, il-kriterji u l-benefiċjarji eliġibbli tal-FEG, jinsisti fuq il-bżonn li l-livell ta' approprjazzjonijiet disponibbli għall-FEG kemm f'impenji kif ukoll f'pagamenti jogħla tal-anqas għal-livell tal-2013, jiġifieri, tal-anqas għal EUR 500 miljun, f'allinjament sħiħ mal-prijoritajiet ta' politika stabbiliti mill-Unjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-investiment għat-tkabbir u l-impjiegi; barra minn hekk, ifakkar lill-Kunsill fil-pożizzjoni tal-Parlament biex jikkunsidra l-integrazzjoni tal-FEG fil-baġit tal-Unjoni fil-qafas tar-rieżami tal-QFP 2014-2020, skont il-prinċipju tal-unità baġitarja;

18.    Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (EGF/2014/000 TA 2014 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit sabiex isostni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom u li jkunu waqqfu l-attività tagħhom b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009(4), jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG m'għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)      Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jipprevedi li fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni kull sena jista' jintuża 0,5 % tal-ammont massimu annwali għall-għajnuna teknika. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mmobilizzat l-ammont ta' EUR 330 000.

(4)      Il-FEG għandu, għaldaqstant, jiġi mmobilizzat biex jipprovdi għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 330 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

              ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

             ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest ġenerali

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba(1) (issa sostitwit mill-FII tat-2 ta' Diċembru 2013) u tal-Artikolu  12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2) (issa sostitwit mir-Regolament Nru 1309/2013), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont massimu ta' EUR 500 miljun, meħud minn kwalunkwe marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa globali mis-sena preċedenti, u/jew mill-approprjazzjonijiet ta' impenn ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, bl-esklużjoni ta' dawk relatati mal-Intestatura 1b.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(4), il-Fond issa ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(5), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. Il-proposta tal-Kummissjoni

Fl-24 ta' Ġunju 2014 il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.

Din tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta' EUR 330 000 mill-Fond, li jkopru l-għajnuna teknika għall-Kummissjoni. L-għan tal-għajnuna teknika huwa dak li jiġu ffinanzjati l-monitoraġġ u l-informazzjoni, li tinħoloq bażi / interfaċċa ta' għarfien u li jingħataw pariri lill-Istati Membri dwar l-użu, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-FEG. Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG, 0,5 % tal-ammont annwali massimu tal-FEG (jiġifieri EUR 750 000 fi prezzijiet tal-2011) jista' jkun disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, fl-2014 l-ammont rikjest hu maħsub biex ikopri l-attivitajiet li ġejjin:

Monitoraġġ: Il-Kummissjoni se tkompli tiġbor id-data dwar l-applikazzjonijiet riċevuti u mħallsa u dwar il-miżuri proposti u implimentati, u se taġġorna l-Istampa tal-Istatistika tal-FEG. Filwaqt li tkompli tibni fuq il-ħidma preparatorja ta' dawn l-aħħar snin, il-biċċa l-kbira ta' dan se jsir bir-riżorsi amministrattivi normali tal-Kummissjoni. Madankollu, biex jitjiebu u jiġu żgurati l-funzjonalitajiet tal-bażi tad-data tal-FEG skont is-sejbiet tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni se jkun meħtieġ xi ftit tal-għarfien espert estern. Hu stmat li l-ispiża għal dawn l-attivitajiet kollha tkun ta' EUR 20 000.

Informazzjoni: Is-sit tal-internet dwar il-FEG(6), li l-Kummissjoni waqqfet fi ħdan il-qasam tagħha tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u li hija qed iżżomm skont kif meħtieġ mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, se jkun aġġornat b'mod regolari, il-kontenut tiegħu se jiżdied u kull element ġdid se jkun tradott ukoll bil-lingwi kollha tal-UE. Se tinħareġ informazzjoni dwar ir-Regolament il-ġdid dwar il-FEG u se jiġi stampat għadd limitat ta' kopji tal-evalwazzjoni ex post flimkien ma' pubblikazzjoni fuq l-internet. Se jiġu inkoraġġiti l-għarfien ġenerali tal-FEG u l-viżibbiltà tiegħu. Il-FEG se jkun is-suġġett ta' pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi varji tal-Kummissjoni. Huwa stmat li l-ispiża għal dawn l-azzjonijiet kollha se tkun ta' EUR 20 000.

Il-ħolqien ta' bażi tal-għarfien: Il-Kummissjoni għadha għaddejja bil-ħidma tagħha bil-ħsieb li toħloq formola elettronika għall-applikazzjoni u tistabbilixxi proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG; dan se jippermetti li l-applikazzjonijiet fil-kuntest tar-Regolament il-ġdid ikunu ssemplifikati, li l-ipproċessar tagħhom jitħaffef u li r-rapporti jinħarġu aktar faċilment skont il-bżonnijiet varji. L-istandardizzazzjoni tal-formoli ta' rapporti finali għadha għaddejja wkoll, bil-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv tal-Istati Membri. Hu stmat li l-ispiża għal dawn l-azzjonijiet se tkun ta' EUR 100 000.

Appoġġ amministrattiv u tekniku: Il-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG, b'membru wieħed minn kull Stat Membru, se jsejjaħ żewġ laqgħat, li huwa stmat li flimkien se jammontaw għal EUR 70 000.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza netwerking fost l-Istati Membri, b'żewġ seminars ta' korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG fl-Istati Membri bejn wieħed u ieħor fl-istess dati, u fejn se tkun qed tiffoka fuq kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar il-FEG, b'mod partikolari rigward l-inklużjoni possibbli ta' NEETs fil-miżuri. Huwa stmat li l-ispiża għal dawn l-azzjonijiet se tkun ta' EUR 120 000.

Evalwazzjoni: Mhux se jkun hemm għalfejn jingħataw fondi għall-evalwazzjonijiet fl-2014. L-akkwist pubbliku għall-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu se jitnieda fl-2015, bil-ħsieb li l-evalwazzjoni titlesta sat-30 ta' Ġunju 2017, kif mitlub mill-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament (UE) 1309/2013

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba ta' trasferiment għal ammont globali ta' EUR 330 000 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) u approprjazzjonjijiet ta' pagament (04 04 01) fil-linja baġitarja tal-FEG (04 01 04 04).

Sal-lum, din hija l-ħames proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2014.

Għandha tinbeda proċedura ta' trilogu f'każ ta' nuqqas ta' qbil, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG. Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

V. Opinjoni tar-rapporteur

Ir-rapporteur taqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li għandhom jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika u temmen li se jgħinu biex jissemplifikaw il-proċedura ta' applikazzjoni u jippermettu aċċess aħjar għad-data relevanti.

Tappoġġa b'mod partikolari l-miżuri proposti għal skambju ta' għarfien u informazzjoni permezz tas-sit tal-internet tal-FEG u permezz tal-gruppi ta' esperti u netwerks fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali li flimkien ma' perspettiva ġenerali aħjar tal-funzjonament tal-FEG iwasslu għal implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-miżuri tal-FEG fil-futur.

Ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon kbir it-twessigħ tal-ambitu tal-FEG rigward il-benefiċjarji eliġibbli, jiġifieri persuni li jaħdmu għal rashom, u l-għoti ta' servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil numru ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) taħt l-età ta' 25 sena, jew taħt l-età ta' 30 sena meta l-Istati Membri jiddeċiedu hekk; dan, barra minn hekk, jiġġustifika l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-FEG.

Ir-rapporteur tinkoraġġixxi t-tisħiħ ta' għajnuna ulterjuri, b'awtonomija u b'aċċess faċli fil-livell reġjonali, filwaqt li jiġu ffavoriti soluzzjonijiet lokali fuq livell lokali u reġjonali fejn taf tokkorri kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fl-ambitu tal-FEG.

Ir-rapporteur tilqa' b'sodisfazzjon it-twessigħ tal-objettivi u tal-kriterji tal-FEG, sabiex jintegraw u jiffaċilitaw l-applikazzjonijiet minn reġjuni u pajjiżi b'densità demografika iżgħar; madankollu, ir-rapporteur jiddispjaċiha għan-natura eċċezzjonali ta' din il-miżura u temmen li għandu jiġi stabbilit livell limitu annwali ogħla. Temmen ukoll li l-livell ta' 500 ħaddiem għandu jitbaxxa għal 200 ħaddiem, sabiex jiġi promoss l-aċċess għall-Fond.

Ir-rapporteur tinsisti fuq il-ħtieġa li tal-anqas nerġgħu lura għal-livell preċedenti ta' approprjazzjonijiet tal-FEG ta' EUR 500 miljun, speċjalment meta jitqies it-twessigħ tal-ambitu tal-Fond insegwitu tal-prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-UE. Barra minn hekk u skont il-prinċipju tal-unità baġitarja, ir-rapporteur tqis li għal raġunijiet ta' trasparenza u responsabbiltà, huwa tal-ogħla importanza li tiġi promossa l-integrazzjoni tal-FEG fil-baġit tal-UE.

Ir-rapporteur tinsisti b'mod partikolari fuq il-bżonn urġenti biex il-kriterju tad-"deroga marbuta mal-kriżi" jiġi integrat mill-ġdid u biex jiġu introdotti dispożizzjonijiet speċjali li jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni tal-fondi tal-FEG għall-Istati Membri li jħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u finanzjarji partikolarment serji.

Ir-rapporteur tirrakkomanda t-tisħiħ tal-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG u tistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ġabra ta' miżuri komplementari fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex jiġi żgurat li, minn naħa waħda, jingħata appoġġ adegwat lill-ħaddiema filwaqt li, min-naħa l-oħra, ikun hemm fis-seħħ dispożizzjonijiet legali adegwati biex b'hekk jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin tal-fondi tal-FEG.

(1)

 ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

           ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

           ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)

           ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.

(5)

            ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(6)

http://ec.europa.eu/egf


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)39257

M. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għall-Każ EGF/2014/000 Għajnuna Teknika 2014 (COM(2014)366 finali)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2014/000 Għajnuna Teknika 2014 u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta’ din ir-rikjesta. F’dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqiegħed f'dubju it-trasferiment tal-pagamenti.

Il-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  billi l-ammont ta' EUR 330 000 propost li jkun mobilizzat mill-Kummissjoni għal għajnuna teknika fl-2014 huwa inqas mill-massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG (EUR 150 miljun bil-prezzijiet tal-2011) kif stipulat fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG);

B)  billi s-sejbiet tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni jissuġġerixxu titjib u żgurar tal-funzjonalitajiet tad-database tal-FEG, li jeħtieġu għarfien espert estern;

C)  billi l-infiq fir-rigward tal-għajnuna teknika fis-sena 2014 qed jitnaqqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mas-sena preċedenti, anke minħabba l-fatt li m'hemm l-ebda valutazzjoni li għandha tkun iffinanzjata;

D)  billi l-fażi finali tal-valutazzjoni ex post tal-FEG (2007-2013) saret fl-2013;

E)  billi l-għadd ta' każijiet tal-FEG li ġew stralċati s'issa jipprevedu għadd konsiderevoli ta' data kwalitattiva u kwantitattiva fir-rigward tal-influwenza tal-FEG dwar l-impjegabbiltà ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-effetti tal-globalizzazzjoni jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

F)  billi l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni fl-2014 tnaqqset b'mod sinifikanti;

G)  billi l-Grupp ta' Ħidma tal-FEG spiss enfasizza l-ħtieġa ta' viżibbiltà aħjar tal-FEG bħala strument komunitarju ta' solidarjetà mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

H)  billi attwalment għaddejjin preparazzjonijiet bil-għan li l-FEG ikun integrat fis-sistema tal-iskambju tad-data elettronika (SFC2014);

I)  billi l-għajnuna teknika mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tappoġġa u ssaħħaħ l-użu tal-FEG billi tipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u billi twassal l-aħjar prattika fost l-Istati Membri;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-fond għal għajnuna teknika tal-Kummissjoni:

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li għandhom jiġu ffinanzjati bħala Għajnuna Teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Jinnota li l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni fl-2014 tnaqqset b'mod sinifikanti; jenfasizza l-importanza li dan ma jkollux effett negattiv fuq il-produzzjoni u fuq id-distribuzzjoni suffiċjenti ta' materjal ta' informazzjoni u ta' gwida meħtieġa fir-rigward tar-Regolament dwar il-FEG il-ġdid fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tiegħu;

3.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali fil-mira, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament;

4.  Jilqa' l-fatt li l-fażi finali tal-valutazzjoni ex post tal-FEG (2007-2013) saret fl-2013; jitlob il-pubblikazzjoni fil-ħin tal-valutazzjoni finali skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-FEG preċedenti (KE) Nru 1927/2006);

5.  Jinnota li fl-2011, il-Kummissjoni kienet diġà bdiet taħdem fuq il-formola tal-applikazzjoni elettronika u l-proċeduri standardizzati għal applikazzjonijiet semplifikati, ipproċessar imħaffef tal-applikazzjonijiet u rappurtar aħjar; jinnota barra minn hekk il-preparamenti biex il-FEG ikun integrat fis-sistema tal-iskambju tad-data elettronika (SFC2014); jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress li sar wara l-użu tal-għajnuna teknika bejn l-2011 u l-2013;

6.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, partikolarment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament il-ġdid; jappoġġa, għaldaqstant, il-finanzjament tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt tal-FEG; jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Parlament għal-laqgħat u s-seminars tal-grupp ta' esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1); jenfasizza barra minn hekk l-importanza tal-koordinazzjoni ma' dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President

(1)

Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 304/47 20.11.2010


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.9.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Heidi Hautala, Iris Hoffmann, Kaja Kallas, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Jan Marian Olbrycht, Pina Picierno, Pedro Silva Pereira, Patricija Šulin, Paul Tang, Indrek Tarand, Marco Valli, Monika Vana, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Kyrtsos, Giovanni La Via, Janusz Lewandowski, Ivan Štefanec, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Albert Deß

Avviż legali