Proċedura : 2014/2055(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0005/2014

Testi mressqa :

A8-0005/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/09/2014 - 9.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0020

RAPPORT     
PDF 221kWORD 125k
12.9.2014
PE 536.185v02-00 A8-0005/2014

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/002 NL/Gelderland-Overijssel construction)

(COM(2014)0455 – C8-0100/2014 – 2014/2055(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Paul Tang

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/002 NL/Gelderland-Overijssel construction)

(COM(2014)0455 – C8-0100/2014 – 2014/2055(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0455 – C8-0100/2014),

–   wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (Regolament FEG)

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0005/2014),

A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

C.  billi n-numru ta' benefiċjarji li mistennijin jipparteċipaw huwa 475 minn total ta' 562 ħaddiem eleġibbli;

D. billi l-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-applikazzjoni EGF/2014/002 NL/Gelderland-Overijssel construction għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara l-għoti tas-sensji f'89 impriża li joperaw fin-NACE Rev.2 diviżjoni 41 ('Kostruzzjoni ta' bini')(4) fir-reġjuni kontigwi tal-livell NUTS 2 ta' Gelderland u Overijssel li fiha 475 ħaddiem huma fil-mira ta' miżuri ta' kofinanzjament FEG, matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Marzu 2013 sal-1 ta' Diċembru 2013,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

F.   billi l-maġġoranza assoluta (92,6 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 7,4 % huma nisa; billi 65,3 % tal-ħaddiema għandhom età bejn 30 u 54 sena; billi 21,9 % tal-ħaddiema għandhom età bejn 55 u 64 sena;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jikkonstata li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fl-20 ta' Frar 2014, ikkomplementawha b'informazzjoni addizzjonali sas-17 ta' April 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2014; jilqa' favorevolment l-evalwazzjoni rapida ta' ħames xhur;

3.  Iqis li s-sensji f'89 impriża li joperaw fin-NACE Rev.2 diviżjoni 41 ('Kostruzzjoni ta' bini')(5) fir-reġjuni kontigwi tal-livell NUTS 2 ta' Gelderland u Overijssel huma marbuta mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, b'riferiment għall-osservazzjoni li l-politika tal-banek li jimplimentaw regoli aktar stretti għall-għoti ta' mutwi ipotekarji u krediti naqqset konsiderevolment l-għoti ta' mutwi ipotekarji u krediti, filwaqt li l-miżuri ta' awsterità li adotta l-gvern intiżi biex inaqqas id-dejn nazzjonali u d-defiċit baġitarju naqqsu l-infiq pubbliku u t-tnaqqis drastiku tal-prezzijiet u tal-valuri fis-suq immobiljari jagħmel il-bejgħ u x-xiri ta' djar diffiċli;

4.  Josserva li 562 sensja se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad f'Gelderland u f'Overijssel fil-kunsiderazzjoni tal-fatt li żieda sostanzjali fis-sensji fis-settur tal-kostruzzjoni huwa osservat u, meta mqabbel maċ-ċifri nazzjonali, in-numru ta' persuni qiegħda fiż-żewġ provinċji jikkostitwixxi 39 % tan-numru totali tas-sensji fl-2012.

5.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Frar 2014, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

6.   Josserva li l-applikazzjoni ma fihiex allowances jew inċentivi fil-miżuri proposti;

7.  Josserva li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati suġġett għall-kofinanzjament jinkludi miżuri favur il-ħaddiema li ngħataw s-sensja bħal għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u miżuri ta' ammissjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid, għajnuna għar-rikollokament, programm ta' mobilità;

8.   Josserva li t-tneħħija tal-asbestos hija elenkata fost l-opportunitajiet ta' taħriġ offrut lill-parteċipanti għall-okkupazzjonijiet barra mis-settur tal-kostruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jiggarantixxu li l-ħaddiema parteċipanti f'dan it-taħriġ speċifiku jridu jkunu informati b'mod eżawrjenti bir-riskji marbuta mas-saħħa u s-sigurtà relatati max-xogħlijiet li għandhom x'jaqsmu mal-asbestos;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mat-trade unions u mal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, mas-sħab soċjali fis-settur tal-kostruzzjoni u mal-istituti edukattivi, u li matul id-diversi fażijiet ta' implimentazzjoni tal-FEG u l-aċċess għalih ġiet applikata politika ta' parità bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' inizjattivi transfruntieri futuri bħala uffiċċji mal-fruntieri jew l-allinjament tar-regoli bil-għan li jiżdied l-iskamju tal-informazzjoni u tiġi stimolata l-mobilità transfruntiera tal-ħaddiema;

10.   Jilqa' favorevolment l-idea li jinħoloq programm ta' mobilità, li se jipprevedi kollokament flessibbli tal-ħaddiema bil-għan li jiksbu esperjenza ta' xogħol u jsibu xogħol permezz ta' dan l-istrument; jistenna li l-parteċipanti se jsibu impjieg mhux temporanju;

11. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ekonomija fl-assjem tagħha;

12. Ifakkar li f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament FEG, it-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għat-taħriġ u għat-taħriġ mill-ġdid għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u jintegra l-bidla lejn ekonomija li hi effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

13. Jirrimarka li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

14. Jikkonstata l-ispejjeż totali għall-azzjonijiet ta' tagħrif u ta' pubbliċità huma stmati li jammontaw għal EUR 27 096; ifakkar fl-importanza ta' sensibilizzazzjoni aħjar dwar il-kontribuzzjoni tal-FEG kif ukoll aktar viżibilità għar-rwol tal-Unjoni fiha;

15. Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fil-konċessjoni tal-għotjiet; josserva li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji fi żmien 12-il ġimgħa minn meta waslet l-applikazzjoni kompluta;

16. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament FEG, għandu jiġi żgurat li l-assistenza FEG tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex tipprovdi solidarjetà u appoġġ ta' darba, b'mod temporanju, għall-benefiċjarji speċifikati, m'għandhiex, barra minn hekk, tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

17. Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tar-Regolament FEG il-ġdid li jirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, għaż-żieda tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż stmati totali tal-miżuri proposti, għaż-żieda tal-effiċjenza għat-trattament ta' applikazzjoni FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, għall-estensjoni tal-azzjonijiet u tal-benefiċjarji eleġibbli billi jintroduċu persuni li jaħdmu għal rashom u żgħażagħ, u għall-finanzjament ta' inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi tagħhom stess;

18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/002 NL/Gelderland-Overijssel construction)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet b'konsegwenza ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni u biex jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)      Il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw applikazzjoni biex jimmobilizzaw il-FEG, fir-rigward ta' sensji f'89 impriża li joperaw fin-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 41 (Kostruzzjoni ta' bini)(4) fir-reġjuni kontigwi ta' Gelderland u Overijssel fil-livell NUTS 2, fl-20 ta' Frar 2014 u kkomplementawha b'informazzjoni addizzjonali kif previst fl-Artikolu 8.3 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013.

(4)      Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja f'ammont ta' EUR 1 625 781 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Pajjiżi l-Baxxi,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mobilizzat biex jagġti s-somma ta' EUR 1 625 781 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

   Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali ta' massimu EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti adatti jiddaħħlu bħala proviżjonament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni "Gelderland-Overijssel construction" u l-proposta tal-Kummissjoni

Fl-10 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Pajjiżi l-Baxxi bħala appoġġ għar-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw s-sensja f'89 impriża li joperaw fin-NACE Rev.2 diviżjoni 41 ('Kostruzzjoni ta' bini')(4) fir-reġjuni kontigwi tal-livell NUTS 2 ta' Gelderland u Overijssel minħabba tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Din hi s-seba' applikazzjoni li se tiġi eżaminata fl-ambitu tal-baġit 2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 625 781 mill-FEG għal-Pajjiżi l-Baxxi. Tirrigwarda 475 ħaddiem minn fost il-562 li ngħataw is-sensja f'89 impriża li joperaw fin-NACE Rev.2 diviżjoni 41 ('Kostruzzjoni ta' bini')(5) fir-reġjuni kontigwi tal-livell NUTS 2 ta' Gelderland u Overijssel. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-2 ta' Frar 2014 u ġiet kompementata b'informazzjoni addizzjonali sas-17 ta' April 2014. Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jaffermaw li s-settur finanzjarju tal-pajjiż huwa settur globali internazzjonali, li għall-investimenti, l-għoti ta' krediti u mutwi ipotekarji jiddependi ħafna fuq is-swieq tal-kapital internazzjonali. Il-banek tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom possibilitajiet limitati biex jattiraw kapital ta' tfaddil mis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi u konsegwentement ma jistgħux jiffinanzjaw mutwi ipotekarji tal-Pajjiżi l-Baxxi minn kapital tal-pajjiż biss. Il-banek tal-Pajjiżi l-Baxxi għaldaqstant huma dipendenti fuq is-swieq kapitali globali. Ikomplu jsostnu li madwar 98 % tal-kumpaniji tal-kostruzzjoni tal-pajjiż huma kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u dawn il-kumpaniji jsofru min-nuqqas ta' krediti, fatt li jirriżulta f'ħafna fallimenti li jwasslu għall-għoti tas-sensja.

L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li matul il-perjodu 2008-2013, il-produzzjoni totali ta' djar ġodda naqset b'61 014-il unità fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għal Overijssel, il-produzzjoni ta' djar ġodda naqset b'2 625 u f'Gelderland b'7 941. It-tnaqqis fil-prezzijiet u tal-produzzjoni ta' djar ġodda kien devastanti għall-impjieg fis-settur tal-kostruzzjoni. B'konsegwenza ta' dan, ħafna kumpaniji fallew u ħafna ħaddiema fil-kostruzzjoni tilfu l-impjieg tagħhom.

Is-servizzi personalizzati li se jingħataw lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin, li flimkien jifformaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati: għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, miżuri ta' ammissjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid, għajnuna għar-rikollokament, programm ta' mobilità.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attiv fil-qasam tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi pprovdew l-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

· il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

· ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti;

· meta l-impriżi li jkunu taw is-sensja jkomplu l-attivitajiet tagħhom wara t-tkeċċijiet, huma jkunu kkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw l-għotjiet tas-sensja u jkunu pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq;

· l-azzjonijiet proposti jagħtu appoġġ lill-ħaddiema individwali u mhumiex se jintużaw għal kumpaniji jew setturi li qegħdin jiġu ristrutturati;

· l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhux se jitħalla jsir ebda finanzjament doppju;

· l-azzjonijiet proposti jkunu komplementari ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

· il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jmexxu u jikkontrollaw il-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-awtorità baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 625 781 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 51).

Sal-lum, din hija s-sitt proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-awtorità baġitarja matul l-2014.

Se jingħata bidu lill-proċedura ta' trilogu fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

  ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855).

(3)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)

  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)39262

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2014/002 NL/Gelderland-Overijssel construction mill-Pajjiżi l-Baxxi (COM(2014)455 final)

Sur Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL), kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG, eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2014/002 NL/Gelderland-Overijssel construction u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqiegħed f'dubju it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament FEG u tirreferi għall-562 ħaddiem f'89 impriża li joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni fir-reġjuni ta' Gelderland u ta' Overijssel fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ngħataw is-sensja jew li l-attivitajiet tagħhom waqfu matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Marzu 2013 sal-1 ta' Diċembru 2013;

B) billi n-numru ta' benefiċjarji li mistennijin jipparteċipaw huwa 475 minn total ta' 562 ħaddiem eleġibbli;

C) billi l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-avvenimenti li kkaġunaw is-sensji kienu l-andament negattiv fis-settur tal-kostruzzjoni minħabba t-tnaqqis tal-infiq pubbliku, il-waqgħa tal-prezzijiet tad-djar u t-tnaqqis sinifikanti fl-għoti ta' krediti u mutwi ipotekarji mill-banek, fatt li wassal għal tnaqqis drammatiku fis-settur tal-kostruzzjoni f'dawn iż-żewġ reġjuni;

D) billi l-maġġoranza assoluta (92,6 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 7,4 % huma nisa; billi 65.3 % tal-ħaddiema għandhom età bejn 30 u 54 sena; billi 21,9 % tal-ħaddiema għandhom età bejn 55 u 64 sena;

E) billi s-sensji ngħataw fir-reġjuni ta' Gelderland u ta' Overijssel, fejn is-sensji fis-settur tal-kostruzzjoni jikkostitwixxu 39 % tas-sensji totali fiż-żewġ provinċji;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti u li, għalhekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jikkonstata li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fl-20 ta' Frar 2014 u kkomplementawha b'informazzjoni addizzjonali sas-17 ta' April 2014;

3.  Josserva li mill-562 benefiċjarju eleġibbli, 475 huma mistennija li jipparteċipaw fl-azzjonijiet proposti;

4.   Jilqa' pożittivament il-fatt li fl-1 ta' Frar 2014 l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi bdew ifornu s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira;

5.   Josserva li l-applikazzjoni ma fihiex allowances jew inċentivi fil-miżuri proposti;

6.   Josserva li t-tneħħija tal-asbestos hija elenkata fost l-opportunitajiet ta' taħriġ offrut lill-parteċipanti għall-okkupazzjonijiet barra mis-settur tal-kostruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jiggarantixxu li l-ħaddiema parteċipanti f'dan it-taħriġ speċifiku jridu jkunu informati b'mod eżawrjenti bir-riskji marbuta mas-saħħa u s-sigurtà relatati max-xogħlijiet li għandhom x'jaqsmu mal-asbestos;

7.   Jilqa' favorevolment l-idea li jinħoloq programm ta' mobilità, li se jipprevedi kollokament flessibbli tal-ħaddiema bil-għan li jiksbu esperjenza ta' xogħol u jsibu xogħol permezz ta' dan l-istrument; jistenna li l-parteċipanti se jsibu impjieg mhux temporanju;

8.   Ifakkar li f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, it-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għat-taħriġ u għat-taħriġ mill-ġdid għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u jintegra l-bidla lejn ekonomija li hi effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

9.   Jikkonstata l-ispejjeż tota li għall-azzjonijiet ta' tagħrif u ta' pubbliċità huma stmati li jammontaw għal EUR 27 096; ifakkar fl-importanza li jkun hemm aktar sensibilizzazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-FEG u aktar viżibilità tar-rwol tal-Komunità fiha;

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-ewwel Viċi President


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Onor. Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Asp 09g205

B-1047 Brussell

Onor. President Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Erba' proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Jien nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits nhar il-11 ta' Settembru.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006; u fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,

-          COM(2014)0376 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 6 096 000 għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 508 ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Nutriart S.A. u 25 fornitur u produttur aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni: AR.ZIGAS & SIA u 24 persuna li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom li kienet dipendenti fuq l-impriża ewlenija; u 505 żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) taħt it-tletin sena, fir-reġjuni tal-Maċedonja Ċentrali u fl-Attika fil-Greċja.

-          COM(2014)0255 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 3 571 150 għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 1 000 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'SC Mechel Campia Turzii SA u fi produttur wieed aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni (SC Mechel Reparatii Targoviste SRL) fir-Rumanija.

-          COM(2014)0456 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 960 000 għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 280 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn 661 impriża li joperaw fid-Diviżjoni 56 ta' NACE Rev. 2 (Attivitajiet ta' servizzi ta' ikel u ta' xorb) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Aragona (ES24) fi Spanja.

-          COM(2014)0455 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 625 781 għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 475 ħaddiema li ngħataw is-sensja minn 89 impriża li joperaw fid-diviżjoni 41 ta' NACE Rev.2 ('Kostruzzjoni ta' bini') fir-reġjuni kontigwi fil-livell NUTS 2 ta' Gelderland u Overijssel fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-koordinaturi tal-Kumitat iddiskutew dawn il-proposti waqt il-laqgħa tagħhom tat-23 ta' Lulju. Talbuni niktiblek biex niddikjara li dan il-Kumitat m'għandu l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.9.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Heidi Hautala, Iris Hoffmann, Kaja Kallas, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Jan Marian Olbrycht, Pina Picierno, Pedro Silva Pereira, Patricija Šulin, Eleytherios Synadinos, Paul Tang, Marco Valli, Monika Vana, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Kyrtsos, Giovanni La Via, Janusz Lewandowski, Ivan Štefanec, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Albert Deß

Avviż legali