Proċedura : 2014/0287(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0056/2014

Testi mressqa :

A8-0056/2014

Dibattiti :

PV 16/12/2014 - 17
CRE 16/12/2014 - 17

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0087

RAPPORT     ***I
PDF 554kWORD 255k
8.12.2014
PE 541.333v02-00 A8-0056/2014

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina mill-Ekwador

(COM(2014)0585 – C8-0172/2014 – 2014/0287(COD))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Helmut Scholz

ERRATA/ADDENDA
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina mill-Ekwador

(COM(2014)0585 – C8-0172/2014 – 2014/0287(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0585),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0172/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0056/2014),

1.      Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


NOTA SPJEGATTIVA

Fis-17 ta’ Lulju 2014 ġew konklużi n-negozjati mal-Ekwador għall-adeżjoni tiegħu mal-Ftehim Kummerċjali konkluż bejn l-UE u l-Kolombja/il-Perù. Il-gvern tal-Ekwador wasal għal din id-deċiżjoni wara li sab ruħu taħt pressjoni kbira, peress li wħud mill-prodotti ewlenin ta' esportazzjoni tal-pajjiż esperjenzaw żvantaġġ kbir rigward il-kompetittività tagħhom fis-suq tal-UE meta mqabbla mal-istess prodotti li joriġinaw mill-Kolombja u l-Perù. Barra minn hekk, l-Ekwador aktarx jitlef l-istatus tiegħu ta' SĠP+ fl-1 ta' Jannar 2015, wara bidliet fir-regolament tal-UE rispettiv. Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles multipartitiku se jipprovdi qafas ġuridiku ġdid għar-relazzjonijiet kummerċjali UE-Ekwador.

Sabiex ikun evitat tfixkil żejjed fil-kummerċ sal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ekwador, u sabiex jittaffa l-piż għall-importaturi tal-UE tal-prodotti għall-esportazzjoni tal-Ekwador, fl-1 ta' Ottubru 2014 il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta li tiżgura li d-dazji doganali applikati fid-data tal-inizjalar tal-Protokoll ta' Adeżjoni tal-Ekwador lill-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Kolombja/Perù ma jiżdidux u li ma jiġi applikat l-ebda dazju doganali ġdid fuq prodotti li joriġinaw mill-Ekwador. Għal dan l-għan, ir-Regolament propost jipprevedi li jinżamm il-livell tar-rati tad-dazju li kien applikabbli għall-Ekwador u applikat minnu stess fid-data ta’ meta ġie inizjalat il-Protokoll ta' Adeżjoni. B'hekk il-leġiżlazzjoni proposta se testendi b'mod effettiv il-preferenzi kummerċjali mogħtija lill-Ekwador skont ir-regolament SĠP+, li nkella se jiskadu fl-1 ta' Jannar 2015 minħabba li l-Ekwador ġie klassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż b'introjtu medju superjuri matul tliet snin konsekuttivi qabel l-aġġornament tal-lista tal-pajjiżi benefiċjarji. Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi element ta' reċiproċità hekk kif l-Ekwador ikun obbligat ukoll li jżomm il-livell attwali ta' dazji għall-importazzjonijiet tal-UE sa ma jiġi applikat il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles b'mod proviżorju.

L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li r-regolament propost se japplika mill-1 ta' Jannar 2015 u sa sitt xhur wara li l-Protokoll ta' Adeżjoni jidħol fis-seħħ (jew, fejn xieraq, huwa applikat proviżorjament), jew sal-31 ta' Diċembru 2016, skont liem iseħħ l-ewwel. Għaldaqstant, ir-regolament propost huwa intiż b'mod ċar li jkun miżura transizzjonali li tħejji lill-Ekwador u lill-UE għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Ekwador.

Fir-rigward tad-data proposta għad-dħul fis-seħħ mill-Kummissjoni tal-miżura transizzjonali, ma jidhirx fattibbli li l-leġiżlazzjoni se tkun adottata miż-żewġ koleġiżlaturi, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u tidħol fis-seħħ qabel tmiem din is-sena, minħabba l-adozzjoni tard tal-proposta mill-Kummissjoni u r-rekwiżiti proċedurali ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sabiex jonqsu l-effetti negattivi fuq l-operaturi ekonomiċi involuti fil-kummerċ UE-Ekwador, ir-rapporteur huwa marbut li jadotta proċedura malajr fil-Parlament, li għandha tirrispetta kompletament id-drittijiet, il-prerogattivi u l-proċeduri tal-Parlament fil-kuntest ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja. Għalhekk, ir-rapporteur ressaq skeda ta' żmien ambizzjuża għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-Parlament.

Il-perjodu ta' żmien transizzjonali sal-31 ta' Diċembru 2016 l-aktar tard jidher meħtieġ sabiex jagħti biżżejjed żmien biex isiru l-proċeduri interni meħtieġa kollha fl-UE, iżda anke fl-Ekwador, għall-applikazzjoni tal-Protokoll ta' Adeżjoni. Jista' jkun hemm dewmien addizzjonali minħabba l-konsultazzjoni u l-approvazzjoni meħtieġa tal-Protokoll ta' Adeżjoni mill-Kolombja u l-Perù qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja u dwar il-konklużjoni tal-Protokoll ta' Adeżjoni. Is-sitt xhur ta' sovrapożizzjoni potenzjali ta’ dan ir-Regolament u tal-applikazzjoni tal-Protokoll ta' Adeżjoni huma meqjusa neċessarji sabiex jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jaġġustaw għall-proċeduri doganali l-ġodda.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li din l-estensjoni tal-preferenzi kummerċjali attwali tkun tiddependi fuq ħames elementi li l-Ekwador għandu jkun konformi magħhom: (1) il-konformità mar-regoli tal-oriġini (2) l-astensjoni mill-Ekwador milli jimponi dazji ġodda jew restrizzjonijiet għal importazzjonijiet mill-UE (3) iż-żamma tar-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva ta' għadd ta' konvenzjonijiet rilevanti tal-SĠP+ (4) il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tat-talba għal informazzjoni dwar il-konformità tagħhom ma' dawn il-konvenzjonijiet u, fl-aħħar nett, (5) sforzi kontinwi mill-Ekwador biex jiffirma u jirratifika l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-UE.

Huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li timmonitorja li dawn il-kundizzjonijiet huma rispettati mill-Ekwador. Il-proposta tipprevedi li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni permezz ta' att ta' implimentazzjoni biex tissospendi dan it-trattament tariffarju, jekk issib biżżejjed evidenza li l-Ekwador qiegħed jonqos milli jkun konformi ma' dawn il-kundizzjonijiet.

Il-miżuri ta' salvagwardja rispettivi mill-Unjoni Ewropea u mill-Ekwador ikomplu japplikaw irrispettivament mill-applikazzjoni ta' dan ir-regolament.

Ir-rapporteur jappoġġja l-iskop tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li tiġi evitata d-devjazzjoni fil-kummerċ minħabba rati ta' dazju ogħla, kif ukoll l-approċċ tal-Kummissjoni li testendi t-trattament tariffarju attwali fuq bażi reċiproka u skont ċerti kundizzjonijiet. Dan, madankollu, ma jfissirx li l-Ekwador huwa mitlub ibaxxi t-tariffi u l-miżuri attwali tiegħu biex jipproteġi ċerti setturi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Ekwador. Minkejja dan, ir-rapporteur jixtieq jindirizza erba' kwistjonijiet fl-abbozz ta' rapport tiegħu permezz ta' emendi għall-premessi u l-artikoli biex jitjieb ir-regolament propost:

(1) F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jinnota li l-Ekwador m'għandux jinħeles mill-obbligi tiegħu skont ir-regolament SĠP. Għalhekk, ir-rapporteur jissuġġerixxi li tkun introdotta wkoll referenza għal raġunijiet ġenerali għas-sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali skont is-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi. Barra minn dan, l-Ekwador għandu jastjeni wkoll milli jbiddel il-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq għall-UE.

(2) Huwa l-kompitu tal-Kummissjoni Ewropea li timmonitorja l-konformità ta' dawn il-kundizzjonijiet mill-Ekwador, u tirrapporta dwar dan lill-Parlament, li, fil-fehma tar-rapporteur, jeħtieġ li jkun stabbilit b'mod ċar fir-regolament.

(3) Ir-rapporteur, madankollu, jinsab xi ftit imħasseb fir-rigward tad-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni Ewropea. Minħabba l-importanza u l-konsegwenzi għall-importaturi u l-investituri tal-UE ta' deċiżjoni eventwali biex ikunu sospiżi l-preferenzi kummerċjali attwali għall-Ekwador, f'każ li l-Ekwador ikun akkużat li mhuwiex jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-regolament, il-koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri, għandu jkollhom l-possibbiltà li joġġezzjonaw għal miżura li tipproponi s-sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali. Għaldaqstant, bi spunt mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 fir-regolament SĠP, ir-rapporteur iqis li att delegat huwa aktar xieraq bħala mezz kif tiġi adottata sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali u għalhekk, il-Parlament Ewropew għandu rwol fil-valutazzjoni dwar jekk l-Ekwador huwiex jirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament. Għalhekk, ir-rapporteur jipproponi li jemenda d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-abbozz tar-regolament f'dan ir-rigward.

(4) Kwistjoni oħra hija marbuta mal-possibbiltà li jkunu applikati miżuri ta' salvagwardja: Filwaqt li r-regolament jirreferi biss għad-dritt tal-UE li tapplika l-miżuri rilevanti ta' salvagwardja, ir-rapporteur jemmen li għandu jkun stipulat b'mod ċar fil-leġiżlazzjoni li dan ir-regolament ma jillimitax il-possibbiltà tal-Ekwador li japplika salvagwardji kontra importazzjonijiet mill-UE abbażi tal-fatt li huwa stat firmatarju għall-Ftehim ta' Salvagwardja tad-WTO.

B'dawn iż-żidiet, ir-rapporteur jissuġġerixxi li l-proposta tal-Kummissjoni tkun appoġġjata u li tkun possibbli l-adozzjoni rapida tagħha mill-koleġiżlaturi.


PROĊEDURA

Titolu

Trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina mill-Ekwador

Referenzi

COM(2014)0585 – C8-0172/2014 – 2014/0287(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

1.10.2014

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

20.10.2014

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

20.10.2014

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

DEVE

11.11.2014

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Helmut Scholz

20.10.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

5.11.2014

3.12.2014

 

 

Data tal-adozzjoni

4.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Arena, Tiziana Beghin, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Yannick Jadot, Jude Kirton-Darling, Alexander Graf Lambsdorff, Gabrielius Landsbergis, Bernd Lange, Jörg Leichtfried, Marine Le Pen, David Martin, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Fabio Massimo Castaldo, Dita Charanzová, Georgios Epitideios, Seán Kelly, Sander Loones, Fernando Ruas, József Szájer, Ramon Tremosa i Balcells, Marita Ulvskog, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tunne Kelam, Judith Sargentini

Data tat-tressiq

8.12.2014

Avviż legali