Proċedura : 2014/2181(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0062/2014

Testi mressqa :

A8-0062/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2014 - 5.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0081

RAPPORT     
PDF 230kWORD 125k
11.12.2014
PE 541.648v02-00 A8-0062/2014

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2013/006 PL/Fiat Auto Poland S.A. mill-Polonja)

(COM(2014)0699 – C8‑0243/2014 – 2014/2181(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Jan Olbrycht

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2013/006 PL/Fiat Auto Poland S.A. mill-Polonja)

(COM(2014)0699 – C8‑0243/2014 – 2014/2181(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0699 – C8-0243/2014),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (Regolament tal-FEG),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0062/2014),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 309/2013(4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiddaħħal il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f''każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni jitqassar, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estizi billi jiġu inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u li jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozju proprju;

D. billi l-Polonja ressqet l-applikazzjoni FEG/2013/006 PL/Fiat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 1079 sensja, 829 minn Fiat Auto Poland u 250 mill-21 fornitur u produttur fl-istadju aħħari tal-produzzjoni, b'777 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri FEG, marbuta ma' tnaqqis fil-produzzjoni fl-impjant Tychy ta' Fiat Auto Poland S.A. ("l-impjant Tychy tal-Fiat") li jinsab fil-provinċja ta' Slaskie, fil-Polonja, matul il-perjodu ta' referenza mill-21 ta' Jannar 2013 sal-21 ta' Mejju 2013;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Polonja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Pollakki ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-29 ta' Lulju 2013, akkumpanjata minn informazzjoni addizzjonali sas-16 ta' Ġunju 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fl-10 ta' Novembru 2014;

3.  Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Pollakki ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-21 ta' Jannar 2013, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

4.   Jinnota li l-industrija awtomobilistika Ewropea tilfet sehem mis-suq mill-2007 'l hawn, meta l-produzzjoni Ewropea tal-karozzi tal-passiġġieri ammontat għal 32,2 % tal-produzzjoni globali, persentaġġ li waqa' għal 23,2 % fl-2012; barra minn hekk, jenfasizza li l-produzzjoni tal-UE-27 naqset b'7 % mill-2011 għall-2012, filwaqt li l-livelli ta' produzzjoni dinjija żdiedu b'5,3 % fl-istess perjodu; jenfasizza li s-sitwazzjoni kienet saħansitra agħar fil-livell nazzjonali fejn il-volum tal-produzzjoni naqas bi kważi terz fl-2012 meta mqabbel mal-livelli tal-2011;

5.   Konsegwentement, jaqbel mal-Kummissjoni li s-sensji fl-impjant Tychy tal-Fiat u l-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni tiegħu huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni; jissottolinja li l-impatt tal-globalizzazzjoni mar għall-agħar bl-effett tal-kriżi finanzjarja li naqqas il-bejgħ ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri fl-Unjoni għal-livell l-aktar baxx minn mindu bdiet tinżamm l-istatistika;

6.  Jinnota li s-sensji fl-impjant Tychy tal-Fiat mistennija jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun, hekk kif l-ex ħaddiema tal-Fiat Auto Poland, il-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni jirrappreżentaw 10 %tal-persuni qiegħda kollha li jgħixu fiż-żona;

7.   Jirrimarka li r-rata tal-qgħad fir-reġjun ta' Slaskie żdiedet mill-2011; barra minn hekk, jinnota żieda ta' sensji kollettivi fir-reġjun li kważi rduppjaw bejn l-2011 u l-2012;

8.  Jinnota li, sal-lum il-ġurnata, is-settur awtomobilistiku kien suġġett ta' 21 applikazzjoni FEG, li 12 minnhom huma bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ, filwaqt li d-disgħa l-oħra huma bbażati fuq il-kriterju ta' kriżi;

9.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għar-riintegrazzjoni fl-impjieg tat-777 ħaddiem li ngħataw is-sensja: taħriġ u spejjeż relatati mat-taħriġ, taħriġ intraprenditorjali, boroż ta' studju għat-taħriġ, boroż ta' studju għall-apprendistat, spejjeż tal-apprendistat, xogħlijiet ta' intervent, għotjiet għal impjieg indipendenti, inċentivi għar-reklutaġġ;

10. Jinnota li l-ħruġ ta' għotjiet għall-impjieg indipendenti (sa EUR 4 995 kull ħaddiem) huwa kondizzjonali u marbut mas-suċċess tal-attività ta' impjieg indipendenti; jirrimarka li din il-kondizzjonalità m'għandhiex tiskoraġġixxi lill-parteċipanti milli japplikaw għal din il-miżura ta' appoġġ;

11. Jinnota li l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati tlestiet fi tmiem l-2013 u li, skont id-data provviżorja, 269 persuna ħadu sehem fi 313-il attività differenti fil-kuntest tal-pakkett, li minnhom 219-il  persuna sabu x-xogħol bħala riżultat tal-appoġġ li ngħata;

12.   Jinnota li, skont id-data provviżorja, l-ispiża totali għall-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati kienet aktar baxxa, b'mod sinifikanti, minn dik stmata minħabba l-għadd aktar baxx ta' ħaddiema li pparteċipaw fis-servizzi;

13. Jenfasizza li, minkejja li l-għadd ta' ħaddiema li pparteċipaw fl-azzjonijiet kien anqas mill-istima inizjali, skont id-data provviżorja, l-għadd ta' ħaddiema qiegħda koperti bil-pakkett u li għadhom irreġistrati fl-Uffiċċju tax-Xogħol jammonta għal 85, b'tali mod li jagħti prova li l-maġġoranza tal-ħaddiema milquta mis-sensji fil-Fiat Auto Poland sabu x-xogħol;

14. Jilqa' l-fatt li l-Kunsill Reġjonali tal-Impjiegi kien involut fit-tħejjija tal-applikazzjoni FEG u r-rwol tiegħu fid-deċiżjoni tal-pakkett ta' attivitajiet għall-proġett;

15. Ifakkar fl-importanza li l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha tittejjeb permezz ta ' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent reali tan-negozju; jemmen li d-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

16. Jenfasizza li, bi qbil mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-riintegrazzjoni tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja f'impjieg stabbli; jisħaqfuq il-fatt li, barra minn hekk, l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dejjiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

17. Jilqa' l-fatt li, fost miżuri oħra, il-ħidma ta' intervent hija speċifikament immirata lejn il-grupp ta' ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena, grupp li jikkostitwixxi proporzjon sinifikanti tal-benefeċjarji; jinnota li dan il-grupp ta' età huwa f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

18. Jissottolinja l-livell għoli ta' persuni aktar avvanzati fl-età u persuni b'inqas kwalifiki affettwati mis-sensji, li jirrappreżentaw 18,7 % u 62,6 % rispettivament tal-ħaddiema kollha affettwati; jitlob li dawk iż-żewġ gruppi u l-miżuri FEG speċjali mmirati lejhom jingħataw attenzjoni speċjali;

19. Iqis li s-sitt ħaddiema bi problemi tas-saħħa jew diżabilitajiet fit-tul jista' jkollhom ħtiġijiet speċjali f'dak li jirrigwarda approċċ personalizzat;

20. Jilqa' l-fatt li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll dak tan-nondiskriminazzjoni kien u se jibqa' jiġi applikat matul id-diversi stadji ta' implimentazzjoni tal-miżuri FEG u l-aċċess għalihom;

21. Jinnota li fl-20 ta' Diċembru 2012, Fiat Auto Poland laħqet qbil mat-trade unions, skont liema qbil kienu definiti l-kriterji għall-għażla tal-ħaddiema li kellhom jingħataw is-sensja kif ukoll l-inċentivi li kellhom jingħataw lil dawk il-ħaddiema li jaqblu li jititlqu mill-azjenda volontarjament;

22. Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jenfasizza li l-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva dwar dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

23. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2013/006 PL/Fiat Auto Poland S.A. mill-Polonja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 23, it-tieni subparagrafu tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni u sabiex jgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)      Fid-29 ta' Ġunju 2013, il-Polonja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża Fiat Auto Poland S.A. u 21 fornitur u produttur fl-istadju aħħari tal-produzzjoni u ssupplimentatha b'tagħrif addizzjonali sas-16 ta' Ġunju 2014. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti sabiex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li timmobilizza l-ammont ta' EUR 1 259 610.

(4)       Il-FEG għandu, għaldaqstant, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Polonja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2014, għandha tiġi mobilizzata somma ta' EUR 1 259 610 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament taħt l-intestatura tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                              Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

(1)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' Fiat Poland u l-proposta tal-Kummissjoni

Fl-10 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Polonja bħala appoġġ għall-integrazzjoi fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja fl-impjant ta' produzzjoni Tychy tal-Fiat Auto Poland S.A. li jinsab fir-reġjun ta' Slaskie fil-Polonja, kawża ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija d-dsatax-il applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-baġit 2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont globali ta' EUR 1 259 610 mill-FEG għall-Polonja. Tirrigwarda 829 sensja fl-impjant ta' produzzjoni ta' Fiat Tychy u 250 mill-21 fornitur u produttur fl-istadju aħħari tal-produzzjoni matul il-perjodu ta' referenza mill-21 ta' Jannar 2013 sal-21 ta' Mejju 2013. L-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament FEG, li jeħtieġ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni nhar id-29 ta' Lulju 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stipulat fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Skont id-data msemmija mill-awtoritajiet Pollakki, l-industrija awtomobilistika Ewropea tilfet sehem mis-suq mill-2007 'l hawn. Dik is-sena il-produzzjoni Ewropea tal-karozzi tal-passiġġieri ammontat għal 32,2 % tal-produzzjoni globali filwaqt li fl-2012 ammontat għal 23,2 %. L-applikant iżid li filwaqt li l-livelli ta' produzzjoni dinjija żdiedu b'5,3 % mill-2011 għall-2012, il-produzzjoni tal-UE-27 naqset b'7 % fl-istess perjodu. Skont l-awtoritajiet Pollakki, is-sitwazzjoni kienet saħansitra agħar fil-livell nazzjonali fejn il-volum tal-produzzjoni naqas bi kważi terz fl-2012 meta mqabbel mal-livelli tal-2011.

L-awtoritajiet Pollakki jargumentaw barra minn hekk li l-impatt tal-globalizzazzjoni mar għall-agħar bl-effett tal-kriżi finanzjarja li naqqas il-bejgħ fl-Unjoni ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri għal-livell l-aktar baxx minn mindu bdiet tinżamm l-istatistika. Filwaqt li d-domanda għal karozzi ġodda naqset bi 8,7 % fl-UE-27, il-bejgħ globali tal-karozzi rreġistra tnaqqis ta' 5,1 % fl-2012.

L-applikant juri l-korrelazzjoni bejn il-produzzjoni tal-karozzi li qiegħda tonqos u l-livelli ta' impjiegi f'Fiat Auto Poland. L-impjant f'Tychy irrekluta 6 422 ħaddiem fl-2009 sabiex jipproduċi 606 000 karozza, filwaqt li fl-2012, il-produzzjoni ammontat għal 361 000 unità b'4 882 ħaddiem. Matul il-perjodu 2009-2013, filwaqt li l-produzzjoni naqset b'56 %, l-impjiegi naqsu biss b'46 %. F'Fiat Auto Poland, it-tnaqqis fl-impjiegi għalhekk kien inqas qawwi mit-tnaqqis fil-produzzjoni. Dan intlaħaq billi l-fabbrika operat bażi ta' żewġ xiftijiet minflok il-prattika regolari ta' tliet xiftijiet. L-awtoritajiet Pollakki jipprovdu wkoll data tal-Eurostat dwar is-sitwazzjoni tal-impjiegi fis-settur awtomobilistiku, fejn intwera tnaqqis kontinwu.

L-impjiegi fl-industrija awtomobilistika fl-UE-27 fi tmiem l-2009 kienu 12 % inqas milli fil-bidu tal-2008.

Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għar-riintegrazzjoni tas-777 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'impjieg: Taħriġ u spejjeż relatati mat-taħriġ, taħriġ intraprenditorjali, boroż ta' studju għat-taħriġ, boroż ta' studju għall-apprendistat, xogħlijiet ta' intervent, għotjiet għal impjieg indipendenti, inċentiv għar-reklutaġġ.

Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-miżuri mibdija fil-21 ta' Jannar 2013 flimkien jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi għas-suq tax-xogħol bil-għan li jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Pollakki fl-applikazzjoni tagħhom ikkonfermaw li:

•   il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tieħu post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-intrapriżi skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

•   il-miżuri jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma jintużawx għar-ristrutturar tal-intrapriżi jew tas-setturi;

•   il-miżuri mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni

Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet bħall-FSE. L-Awtorità Maniġerjali, responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEG, se tkun il-Ministeru tal-Infrastruttura u l-Iżvilupp, u b'mod speċifiku d-Dipartiment għall-Fond Soċjali Ewropew. L-Awtorità Maniġerjali se tittrasferixxi xi wħud mill-kompiti lill-Korp Intermedjarju, l-Uffiċċju Provinċjali tal-Impjiegi f'Katowice.

L-Awtorità tal-Ħlas se tkun id-Dipartiment tal-Awtorità tal-Ħlas tal-Ministeru tal-Finanzi.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 259 610 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 51).

Din hija d-dsatax-il proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ġiet trażmessa s'issa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2014.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu sura semplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)56461

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-każ FEG/2013/006 PL/Fiat Auto Poland S.A. (COM(2014) 699 final)

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ FEG/2013/006 PL/Fiat Auto Poland S.A. u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (Regolament FEG) u hija relatata ma' 829 ħaddiem fil-kumpanija Fiat Auto Poland li topera fl-industrija awtomobilistika u fil-21 fornitur tagħha, fir-reġjun ta' Sileżja, li ngħataw is-sensja fil-perjodu referenzjarju bejn il-21 ta' Jannar 2013 u l-21 ta' Mejju 2013;

B)  Billi l-awtoritajiet Pollakki jargumentaw li s-sensji huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, li l-industrija awtomobilistika Ewropea tilfet is-sehem mis-suq mill-2007 'l hawn (fl-2007 il-produzzjoni Ewropea tal-karozzi tal-passiġġieri ammontat għal 32,2 % tal-produzzjoni globali, fl-2012 ammontat għal 23,2 %);

C)  Billi l-grupp iddeċieda li jitrasferixxi l-produzzjoni tal-mudell Panda Classic u l-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Panda għar-reġjun tal Campania fl-Italja minn Jannar 2013 biex jiġġenera impjiegi fil-pajjiż ta' oriġini;

D)  Billi 77,5 % tal-ħaddiema li l-miżuri huma indirizzati lejhom huma rġiel u 22,5 % nisa; kollha kemm huma ċittadini tal-UE; billi 78,9 % tal-ħaddiema huma bejn il-25 u l-54 sena u t-tieni l-ikbar grupp ta' ħaddiema (18,7 %) huma bejn il-55 u l-64 sena;

E)  Billi se jipparteċipaw fil-miżuri sitt ħaddiema li ilhom bi problemi tas-saħħa jew diżabilitajiet;

F)  Billi l-awtoritajiet Pollakki jenfasizzaw l-impatt negattiv tas-sensji minn Fiat Auto Poland fiż-żona ta' Tychy, fejn l-ex ħaddiema tal-Fiat Auto Poland u l-fornituri jirrappreżentaw 10 % tal-persuni kollha qiegħda li jgħixu f'dik iż-żona.

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu rigward l-applikazzjoni Pollakka:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) Nru 1927/2006 huma sodisfatti u li, għaldaqstant, il-Polonja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jilqa' l-fatt li fost miżuri oħra, il-ħidma ta' intervent timmira speċifikament lejn il-grupp ta' ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena u li jikkostitwixxu proporzjon sinifikanti tal-benefiċjarji; jinnota li dan il-grupp ta' età huwa f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u esklużjoni mis-suq tax-xogħol;

3.  Jinnota li l-għoti ta' sussidji għal impjieg indipendenti (sa EUR 4 995) jiddependi u huwa marbut mas-suċċess tal-attività tal-impjieg indipendenti; jirrimarka li din il-kundizzjonalità m'għandhiex tiskoraġġixxi lill-parteċipanti milli japplikaw għal din il-miżura ta' appoġġ;

4.  Iqis li s-sitt ħaddiema bi problemi tas-saħħa fit-tul jew diżabilitajiet jistgħu jirrikjedu ħtiġijiet speċifiċi meta jkunu pprovduti approċċ personalizzat;

5.  Jinnota li fl-20 ta' Diċembru 2012, Fiat Auto Poland laħqet ftehim mat-trejdjunjins li permezz tiegħu stabbilixxew il-kriterji li kienu se jintużaw biex jintgħażlu l-ħaddiema li kellhom jingħataw is-sensja u qablet dwar l-inċentivi li kienu se jingħataw lill-ħaddiema li qablu li jitilqu mid-ditta volontarjament.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-ewwel Viċi President


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

1047 Brussell

Għażiż Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni:

Tliet proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hu previst li r-rapporti dwar kull proposta għandhom jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits tul waħda mil-laqgħat tiegħu li ġejjin.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006; u fil-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba.

-          COM(2014)0630 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1 426 800 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 634 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'STX Finland Oy f'Rauma, fil-Finlandja.

-          COM(2014)0630 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 918 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 760 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'GAD société anonyme simplifiée, fi Franza.

-          COM(2014)0672 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1 890 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 608 ħaddiem li ngħataw is-sensja Whirlpool Europe S.r.l. u ħames fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjon, fl-Italja.

-          COM(2014)0699 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1,259,610 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 1 079 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-Fiat Auto Poland u 21 fornitur tagħha, fil-Polonja.

-          COM(2014)0701 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 25 937 813 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 5 213 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Air France, fi Franza.

-          COM(2014)0701 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 6 444 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 600 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Odyssefs Fokas S.A., fil-Greċja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li dan il-Kumitat m'għandu l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Vladimír Maňka, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Jan Olbrycht, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Echenique, Ernest Maragall, Andrey Novakov, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Kostas Chrysogonos, Isabella De Monte, Sylvie Guillaume

Avviż legali