Proċedura : 2014/2185(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0065/2014

Testi mressqa :

A8-0065/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2014 - 5.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0083

RAPPORT     
PDF 211kWORD 276k
11.12.2014
PE 541.647 A8-0065/2014

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France, minn Franza)

(COM(2014)0701 – C8-0247/2014 – 2014/2185(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Marco Zanni

PR_BUD_Funds

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 taDiċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France, minn Franza)

(COM(2014)0701 – C8-0247/2014 2014/2185(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0701 – C8-0247/2014),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (Regolament dwar il-FEG),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0065/2014),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu introdotti dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;

D. billi Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 5213-il sensja, bi 3886 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri, matul u wara l-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Lulju 2013 sal-31 ta' Ottubru 2013, b'rabta mat-tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-Unjoni fit-trasport bl-ajru,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati; għaldaqstant jaqbel mal-Kummissjoni li Franza hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fl-20 ta' Diċembru 2013, issupplementata b'informazzjoni addizzjonali sal-24 ta' Lulju 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fil-11 ta' Novembru 2014;

3.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fis-6 ta' Novembru 2012, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

4.  Iqis li s-sensji fi ħdan Air France huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, hekk kif is-sehem tas-suq tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru sejjer lura partikolarment fid-dawl tat-tkabbir spettakolari ta' tliet kumpaniji ewlenin fil-Golf Persjan, xejra li qed tkompli taggrava minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

5.  Jinnota li s-sensji f'Air France mistennija jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun ta' Île-de-France, li qed iħabbat wiċċu wkoll ma' sensja oħra tal-massa hekk kif l-impjant tal-produzzjoni Peugeot Citroën Automobile (PSA) f'Aulnay se jingħalaq kompletament fl-2014;

6.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg tat-3886 ħaddiem li ngħataw is-sensja: servizzi ta' konsulenza u gwida vokazzjonali għall-ħaddiema, taħriġ, kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni regolari, allowance għal bidla fl-impjieg u benefiċċju ta' mobilità;

7.   Jilqa' l-ammont ta' EUR 21 580 020 ddedikat lill-allowance għal bidla fl-impjieg li se jitħallas sal-aħħar tal-congé de reclassement u li jammonta għal 70 % tal-aħħar salarju gross tal-ħaddiem; jinnota l-fatt li r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jillimita s-sehem ta' tali allowance għal 35 % tal-ammont totali mobilizzat tal-FEG f'każ partikolari iżda jenfasizza li Franza ressqet l-applikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 546/2009(5), li japplika għal applikazzjonijiet imressqa sal-aħħar tal-2013, u li jippermetti użu ferm aktar ġeneruż ta' fondi għal allowances speċifiċi, bħalma huma l-allowance għal bidla fl-impjieg u l-kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju;

8.   Jopponi l-użu tal-FEG bħala mezz ta' finanzjament għas-sensji; jippromwovi l-fatt li dan il-fond jintuża biex jgħin fir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol;

9.   Ifakkar li l-fondi għandhom jgħinu fir-riintegrazzjoni tal-benefiċjarji fis-suq tax-xogħol minflok ma jipprovdulhom sostituzzjoni għas-salarju wara li jingħataw is-sensja; jinnota li dan l-għan jista' jintlaħaq aħjar permezz ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 attwalment fis-seħħ;

10. Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u s-sħab soċjali: taħriġ, servizzi ta’ konsulenza għall-ħaddiema. kontribuzzjonijiet għall-ħolqien ta' negozju, allowances għal bidla fl-impjieg, benefiċċji ta' mobilità;

11. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

12. Jinnota b'dispjaċir li l-maġġoranza tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom bejn il-55 u l-64 sena; jilqa' l-inċentivi differenzjati fi ħdan il-miżura ta' kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju għar-reklutaġġ ta' ħaddiema li għandhom aktar minn 55 sena;

13. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dejjiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

14. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG ma tinkludix informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, iżda tirreferi għal ftehim bil-miktub mal-intrapriża li qed tagħti s-sensji dwar il-fatt li bl-implimentazzjoni tal-miżuri deskritti hawn fuq, din mhijiex se tirċievi kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni għall-istess miżuri; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

15. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 taDiċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/014 FR/Air France, minn Franza)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(7),

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(9), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni u sabiex jgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG m'għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (bi prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)      Fl-20 ta’ Diċembru 2013, Franza ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG fir-rigward ta' sensji fl-intrapriża Air France u ssupplementatha b'informazzjoni addizzjonali sal-24 ta' Lulju 2014. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 25 937 813.

(4)      Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Franza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2014, għandha tiġi mobilizzata somma ta' EUR 25 937 813 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament taħt l-intestatura tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(10) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(11), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(12), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni Air France u l-proposta tal-Kummissjoni

Fil-11 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Franza biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija l-20 applikazzjoni li trid tiġi eżaminata fil-qafas tal-baġit għall-2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta’ ammont totali ta' EUR 25 937 813 mill-FEG għal Franza. Tikkonċerna total ta' 3886 benefiċjarju fil-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Lulju 2013 sal-31 ta' Ottubru 2013 u fil-perjodu ta' wara, iżda fi ħdan il-qafas tal-istess proċedura ta' sensji kollettivi. L-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fl-20 ta' Diċembru 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stipulat fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Skont data li saret referenza għaliha mill-awtoritajiet Franċiżi, it-trasport internazzjonali bl-ajru għadda minn tħarbit ekonomiku serju, b'mod partikolari minħabba t-tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-UE. Matul il-perjodu 2008-2012, it-traffiku globali żdied b'4,6 % fis-sena, bħala parti minn xejra ta' tkabbir fit-tul osservat mill-1970 'l hawn. Madankollu t-traffiku tal-ajru bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja qed jikber b'pass aktar kajman (2,4 %) li wassal għal tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-UE-27 fit-trasport bl-ajru, mkejjel bħala dħul f'kilometri għal kull passiġġier (RPK).

Data disponibbli għall-2013(13) turi li x-xejra li dehret għall-perjodu 2008-2012 għadha għaddejja. L-Ewropa kibret bi 3,8 % fl-2013 meta mqabbla mal-2012, taħt il-medja dinjija (5,2 %), u tirrappreżenta 38 % tat-traffiku dinji (imkejjel f’RPK), punt perċentwali wieħed inqas milli fl-2012. Ir-reġjun tal-Lvant Nofsani jibqa' r-reġjun li l-aktar qed jikber b’mod mgħaġġel fid-dinja, b’espansjoni ta’ 10,9 % fl-2013 u jirrappreżenta 9 % tat-traffiku dinji.

L-effetti ta' dan it-tibdil fix-xejriet kummerċjali ggravaw minħabba fatturi oħra bħat-tnaqqis fid-domanda minħabba l-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt (xi drabi l-fjuwil jirrappreżenta kważi terz tal-ispejjeż tas-sit/kilometru).

Fl-aħħar nett l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li t-tkabbir tal-flotta għal titjiriet twal ta’ tliet kumpaniji ewlenin fir-reġjun tal-Golf Persjan ma kienx mistenni u kien wieħed spettakolari.

Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg tat-3886 ħaddiem li ngħataw is-sensja: Servizzi ta' konsulenza u gwida vokazzjonali għall-ħaddiema, taħriġ, kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni regolari, gratifika għal bidla fl-impjieg u benefiċċju ta' mobilità;

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-miżuri li nbdew fis-6 ta' Novembru 2012 flimkien jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi għas-suq tax-xogħol bil-għan li jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Franċiżi fl-applikazzjoni tagħhom ikkonfermaw li:

•   il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tieħu post miżuri li huma r-responsabbiltà tal-intrapriżi skont id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

•   il-miżuri jipprovdu appoġġ lil ħaddiema individwali u mhumiex utilizzati għar-ristrutturar tal-intrapriżi jew tas-setturi;

•   il-miżuri mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

B'rabta mas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mid-Délégation générale à l’emploi et à la formation professionnelle (DGEFP, id-Delegazzjoni Ġenerali għall-Impjiegi u t-Taħriġ Vokazzjonali) tal-Ministeru tax-Xogħol, l-Impjiegi u s-Saħħa. Il-pagamenti se jiġu ġestiti fi ħdan l-istess ministeru mid-Département Financiement, Dialogue et Contrôle de Gestion - Mission du financement, du budget et du dialogue de gestion (DGEFP-MFBDG, Missjoni għall-finanzjament, il-baġit u d-djalogu tal-ġestjoni). Iċ-ċertifikazzjoni se tingħata mill-Pôle de Certification (iċ-Ċentru taċ-Ċertifikazzjoni) tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi f'Nantes.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-awtorità baġitarja talba ta' trasferiment għal ammont globali ta' EUR 25 937 813 mir-riżerva tal-FEG (40.02.43) għall-intestatura baġitarja tal-FEG (04.04.51).

Sal-lum, din hija l-għoxrin proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2014.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma ssemplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, ħlief jekk ma jkun intlaħaq l-ebda qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)56456

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fil-każ EGF/2013/014 FR/Air France minn Franza (COM(2014)701)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta’ Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2013/014 FR/Air France u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u tirrigwarda 5 213-il ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Air France fi Franza fi ħdan il-perjodu ta' referenza bejn l-1 ta' Lulju 2013 u l-31 ta' Ottubru 2013;

B) Billi l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li t-trasport internazzjonali bl-ajru għadda minn tħarbit ekonomiku serju, b'mod partikolari minħabba t-tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-UE;

C) Billi l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-effetti tal-bidliet fix-xejriet kummerċjali li wasslu għal pożizzjoni mdgħajfa tal-Air France fis-suq, iggravaw minħabba fatturi oħra, bħat-tnaqqis fid-domanda minħabba l-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt;

D) Billi 59,75 % tal-ħaddiema koperti mill-miżuri huma rġiel u 40,25 % huma nisa; billi 68,94% tal-ħaddiema għandhom bejn it-30 u l-64 sena u 31,03% tal-ħaddiema għandhom bejn il-25 u d-29 sena;

E) Billi l-maġġoranza (72,13%) tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja jagħmlu parti minn kategorija ta' tekniċi u superviżuri, 15,62 % jagħmlu parti mill-kategorija ta' eżekuttivi tan-nofs, 10,47 % huma impjegati u ħaddiema u 1,78 % jagħmlu parti mill-kategorija ta' eżekuttivi għoljin;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Franċiża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huma ssodisfati u li, għalhekk, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament; madankollu jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li dan l-ammont hu għoli ħafna; jifhem li l-bażi legali ma tippermettix lill-Kummissjoni tnaqqas l-ammont mitlub;

2.  Jinnota li din l-applikazzjoni hi l-akbar waħda f'termini tal-ammont ta' finanzjament mitlub minn meta ġie mniedi l-FEG;

3.  Iqis li għadd ta' applikazzjonijiet ta' dan id-daqs għandhom ir-riskju li jnaqqsu l-fond b'tali mod li ma jkunx għad fadal biżżejjed finanzjament għal applikazzjonijiet ta' dimensjonijiet raġonevoli; jinnota li s'issa r-riżervi qatt ma ġew kompletament ikkonsmati;

4.   Jinnota li t-tressiq ta' din l-applikazzjoni waqa' taħt ir-Regolament dwar il-FEG preċedenti u b'hekk kien possibbli użu abbundanti ta' fondi għal allowances speċifiċi, bħalma huma r-riallokazzjoni u l-kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju;

5.  Jinnota li minħabba s-sitwazzjoni speċifika tal-kumpanija kkonċernata, hija responsabbiltà tal-impjegatur li jħallas l-ispejjeż kollha tal-miżuri li jakkumpanjaw biex tkun żgurata r-riallokazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja; jinnota għaldaqstant li ma hemm l-ebda intervent pubbliku previst bħala appoġġ għall-ħaddiema li kienu impjegati mal-Air France;

6.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni li jintnefqu 6,28 % biss mill-EUR 51 8 miljun f'appoġġ (li minnhom EUR 26 miljun finanzjament mill-UE) għat-taħriġ u għaldaqstant għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol; jemmen li dan jiddevja mill-prinċipji li għalihom il-Fond għall-Globalizzazzjoni ġie stabbilit; jinnota li l-ammont kbir ta' allowances previst taħt is-servizzi personalizzati (42 %) f'din l-applikazzjoni ma jkunx konformi mar-Regolament attwali (limitu massimu ta' 35 %);

7.  Ifakkar li l-fondi għandhom jgħinu fir-riintegrazzjoni tal-benefiċjarji fis-suq tax-xogħol minflok ma jipprovdulhom sostituzzjoni għas-salarju wara li jingħatw is-sensja; jinnota li dan l-għan jista' jintlaħaq aħjar permezz ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament attwalment fis-seħħ;

8.  Jinnota b'dispjaċir li l-maġġoranza tal-ħaddiema ssensjati għandhom bejn il-55 u l-64 sena; jilqa' l-inċentivi differenzjati fi ħdan il-miżura ta' kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju għar-reklutaġġ ta' ħaddiema li għandhom aktar minn 55 sena;

9.  Jinnota li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hu proporzjonalment baxx meta mqabbel mal-ammont mitlub għas-servizzi personalizzati; jiddeplora l-fatt li l-ebda nefqa ma twarrbet għat-tagħrif u l-pubbliċità, li tista' tkun partikolarment meħtieġa u ppreferuta għall-komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati ta' din l-applikazzjoni speċifika.

Dejjem tiegħek,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Tliet proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li l-ħsieb hu li r-rapporti dwar kull wieħed minn dawn huma jiġu adottati fil-Kummitat għall-Baġits matul waħda mil-laqgħat tiegħu li jmiss.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006; u fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

           COM(2014)0630 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1 426 800 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 634 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'STX Finland Oy f'Rauma, fil-Finlandja.

          COM(2014)0630 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 918 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 760 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'GAD société anonyme simplifiée, fi Franza.

-          COM(2014)0672 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 1 890 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 608 ħaddiema u ħames fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni li ngħataw is-sensja f’Whirlpool Europe S.r.l., fl-Italja

-          COM(2014)0699 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 1 259 610 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 1 079 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Fiat Auto Poland u 21 fornitur tagħha, fil-Polonja.

-          COM(2014)0701 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta' EUR 25 937 813 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol immirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 5 213-il ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Air France, fi Franza.

-          COM(2014)0702 tipproponi kontribuzzjoni tal-FEG ta’ EUR 6 444 000 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol mmirati għar-riintegrazzjoni fl-impjieg ta' 600 ħaddiema li ngħataw is-sensja f’Odyssefs Fokas S.A., fil-Greċja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li dan il-Kumitat m'għandu l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Richard Ashworth, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Vladimír Maňka, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Jan Olbrycht, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Echenique, Charles Goerens, Ernest Maragall, Andrey Novakov, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Kostas Chrysogonos, Isabella De Monte, Sylvie Guillaume

(1)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

(5)

Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.

(6)

             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(7)

             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(8)

            ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(9)

             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(10)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(11)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. 1.

(12)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(13)

           http://www.icao.int/Newsroom/News%20Doc%202013/COM.43.13.ECON-RESULTS.Final-2.en.pdf

Avviż legali