Proċedura : 2014/2036(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0069/2014

Testi mressqa :

A8-0069/2014

Dibattiti :

PV 16/12/2014 - 14
CRE 16/12/2014 - 14

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0089

RAPPORT     
PDF 186kWORD 107k
15.12.2014
PE 541.347v03-00 A8-0069/2014

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni

(16740/2014 – C8‑0289/2014 – 2014/2036(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Gérard Deprez

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 ANNESS I: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
 ANNESS II: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP
 ANNESS III: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL
 ANNESS IV: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru  3/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni

(16740/2014 – C8‑0289/2014 – 2014/2036(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, adottat b'mod definittiv fl-20 ta' Novembru 2013(2),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2013), kif miftiehma fil-konklużjonijiet konġunti tat-12 ta' Novembru 2013(3), kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament, kif miftiehma fl-istess konklużjonijiet konġunti,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4) (ir-Regolament QFP'),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(5) (FII),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–       wara li kkunsidra l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2014, adottat mill-Kummissjoni fit-28 ta' Mejju 2014(COM(2014)0329),

–        wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2014, adottata fit-28 ta' Mejju 2014 (COM(2014)0328),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti approvati mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju ('ABE') Nru 3/2014 adottata mill-Kunsill fit-12 ta' Diċembru 2014 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (16740/2014 – C8-0289/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0069/2014),

A.     billi l-abbozz ta' baġit emendatorju (ABE) Nru 3/2014 għall-baġit ġenerali tal-2014 kif preżentat oriġinarjament mill-Kummissjoni jipproponi li jiżdiedu kemm il-previżjoni tad-dħul li jirriżulta minn multi u penali, u dħul ieħor b'EUR 1 568 miljun u kemm l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 4 738 biljun fl-intestaturi 1a, 1b, 2 u 4 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), bil-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' pagament sal-aħħar tas-sena billi jiġu koperti l-obbligi li jirriżultaw minn impenji passati u attwali;

B.     billi l-implimentazzjoni tal-QFP 2014-2020 bdiet b'ammont enormi ta' pagamenti arretrati, b'kontijiet mhux imħallsa li kienu jammontaw għal madwar EUR 23,4 biljun fi tmiem l-2013 għall-Politika ta' Koeżjoni waħedha u livell ta' impenji pendenti (RAL) li laħaq il-EUR 221,7 biljun fl-aħħar tal-2013, i.e. EUR 41 biljun aktar mill-ammont li ġie previst oriġinalment meta ntlaħaq il-qbil dwar il-QFP 2007-2013;

C.     billi, mit-total tal-ABE Nru 3/2014, EUR 99 miljun biss huma intenzjonati biex ikopru l-programmi għall-2014-2020 taħt il-politika ta' koeżjoni, il-bqija għandha x'taqsam mal-għeluq tal-programmi tal-2007-2013 (EUR 3 296 biljun) u l-ħtiġijiet ta' pagament li joħorġu minn intestaturi oħra (EUR 1,34 biljun);

D.     billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom permezz tad-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2013 li jiżguraw li l-Unjoni jkollha l-mezzi finanzjarji disponibbli biex tkopri l-obbligi ġuridiċi tagħha fl-2014 billi tissalvagwardja progressjoni b'ordni tal-pagamenti u billi tirrikorri għal diversi mekkaniżmi ta' flessibilità inklużi fir-Regolament QFP, inkluż l-Artikolu 13 (il-marġni ta' kontinġenza);

E.     billi xi delegazzjonijiet fil-Kunsill esprimew riżervi rigward l-użu tal-marġni ta' kontinġenza fl-ABE Nru 3/2014, li l-Parlament jikkunsidra tħassib mhux ġustifikat u li jmur kontra l-ispirtu tar-Regolament QFP u l-FII;

1.      Jieħu nota tal-ABE Nru 3/2014 kif propost mill-Kummissjoni;

2.      Japprova l-konklużjonijiet konġunti miftiehma mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014 bl-għan li jiġi previst tisħiħ fil-pagamenti, fil-baġit tal-2014, fuq għadd ta' intestatur baġitarja sal-livell ta' EUR4 246 miljun, li minnhom EUR 3 168 miljun se jkunu mobilizzati permezz tal-Marġni ta' Kontinġenza għall-2014;

3.      Jilqa', b'mod partikolari, iż-żidiet fl-approprjazzjoni ta' pagament għall-Intestatura 1a u l-Intestatura 4, li b'mod ġenerali inżammu fil-kompromess finali deskritt fil-konklużjonijiet konġunti tat-8 ta' Diċembru 2014;

4.      Jilqa' ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Intestatur 1b li hi l-qasam ewlieni effettwat min-nuqqas ta' pagamenti fil-baġit tal-Unjoni b'mod ġenerali; jikkunsidra, mandankollu, li dan huwa l-minimu assolut biex jiġu koperti l-ħtiġijiet effettivi sa tmiem l-2014 u mhux se jkunu biżżejjed biex ikopru l-effett ta' valanga rikorrenti tal-kontijiet mhux imħallsa li ilu jespandi mill-baġit tal-2010; ifakkar, b'mod partikolari, li l-maġġoranza tal-fatturi taħt l-intestatura 1b tradizzjonalment mressqa mill-Istati Membri lejn l-aħħar ta' kull sena finanzjarja bil-ħsieb li jiġu evitati diżimpenji possibbli minħabba l-applikazzjoni tar-regoli N+2 u N+3;

5.      Jappoġġa l-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza u jissottolinja l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament QFP li l-pagamenti marbutin mal-istrumenti speċjali jridu jingħaddu oltre limiti massimi; jemmen li kwalunkwe interpretazzjoni oħra ddgħajjef il-bażi għall-qbil politiku dwar il-QFP 2014-2020, speċifikament il-fehim li għandha tiġi implimentata flessibilità speċifika u massima li tippermetti li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi tagħha;

6.        Ifakkar li l-adozzjoni tal-ABE Nru 3/2014, l-ABE Nru 4/2014, l-ABE Nru 6/2014, u l-ABE Nru 8/2014 se tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjoni ING mill-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni b'total ta' EUR 8 688 miljun, u għalqdaqstant se tikkumpensa kompletament il-ħtiġijiet ta' pagament addizzjonali rikjesti fl-ABE Nru 3/2014, kif maqbul fil-konklużjonijiet konġunti tat-8 ta' Diċembru 2014;

7.      Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2014;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-Baġit Emendatorju Nru 2/2014 ġie adottat b'mod definittiv u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)

ĠU L 51, 20.2.2014, p. 1.

(3)

Testi adottati tal-20 ta' Novembru 2013, P7_TA(2013)0472.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(5)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(6)

ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (24.9.2014)

għall-Kumitat għall-Baġits

dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2014: Dħul mill-multi u l-pagamenti tal-imgħax - dħul mir-rimborżi u r-ripagamenti lill-FEMIP (Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija) - Riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet lill-Fond Ewropew għas-Sajd - Żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament għal impenji li jikkorrispondu għal baġits annwali preċedenti - Azzjonijiet mhux previsti b'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament QFP - Persunal tal-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċji, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2014/2036(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Jan Marian Olbrycht

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jikkunsidra li l-pagamenti pendenti fl-intestatura 1b, li fis-snin li għaddew komplew jiżdiedu b'mod kostanti, huma inaċċettabbli u laħqu l-ammont ta' EUR 23,4 biljun fi tmiem l-2013; ifakkar li dan l-ammont qabeż sew il-previżjonijiet tal-Kummissjoni għall-istess perjodu u mistenni li jkun saħansitra ogħla fi tmiem din is-sena;

2. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-ABE 3/2014, li tirrikjedi tisħiħ fil-pagamenti u tipproponi l-użu tal-istrumenti disponibbli kollha sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' pagamenti fl-intestaturi kollha; jilqa' b'mod partikolari l-allokazzjoni ta' iktar minn 70 % tal-ammont mitlub għall-intestatura 1b li hija l-qasam prinċipali affettwat min-nuqqas ta' pagamenti fil-baġit tal-UE inġenerali;

3. Jikkunsidra li huwa importanti ħafna li l-ABE 3/2014 jiġi adottat inkondizzjonalment u kemm jista' jkun malajr bla modifiki, peress li l-adozzjoni tiegħu għandha wkoll impatt sinifikanti fuq il-Baġit 2015;

4. Huwa tal-fehma li l-ABE 3/2014 propost jikkontribwixxi sa ċertu punt biss għat-tnaqqis fil-pagamenti pendenti fil-baġit tal-UE u jenfasizza li ma jsolvix il-problema li hija waħda ta' natura strutturali u politika; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ b'soluzzjoni fit-tul f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex japplikaw l-istrumenti ta' flessibbiltà kollha fil-QFP sabiex fil-frattemp ikomplu jnaqqsu l-problema;

5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni sħiħa u f'waqtha tas-sitwazzjoni tal-pagamenti taħt l-intestatura 1b, u biex tirrapporta lura lill-Parlament b'mod regolari dwar l-evoluzzjoni mistennija tal-pagamenti taħt din l-intestatura, b'mod partikolari rigward l-applikazzjoni effikaċi min-naħa tal-Kummissjoni tal-iskadenza ta' 60 jum għat-talbiet għall-pagamenti li jsiru.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.9.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Bill Etheridge, Raffaele Fitto, Michela Giuffrida, Anna Hedh, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Younous Omarjee, Stanislav Polčák, Julia Reid, Liliana Rodrigues, Monika Smolková, Maria Spyraki, Olaf Stuger, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Salvatore Cicu, Andor Deli, James Nicholson, Jan Marian Olbrycht, Davor Škrlec, Iuliu Winkler, Milan Zver


ANNESS I: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Suġġett:  Abbozz ta’ Baġit Emendatorju Nru 3

Għażiż Kollega,

L-ewwel nett, nifraħlek għall-ħatra tiegħek bħala President tal-Kumitat għall-Baġits, u nistenna bil-ħerqa l-possibbiltà li nikkooperaw flimkien. Qiegħed niktiblek fir-rigward tal-proposta reċenti tat-tielet abbozz ta' baġit emendatorju għall-2014 sabiex nesprimi l-appoġġ tiegħi għall-proposti li saru mill-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti addizzjonali għall-IcSP u għall-ENI, u nipproponi adattament wieħed fiċ-ċifri.

F'April, il-Kummissjoni pproponiet trasferiment ta' fondi fi ħdan l-Intestatura 4 imma ma inkludietx tisħiħ ta' pagamenti għall-IcSP fil-proposta tagħha. Dan issa sar permezz tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3 b'tisħiħ ta' EUR 51 miljun. Madankollu, EUR 15-il miljun minn dawn il-EUR 51 miljun se jintużaw immedjatament biex ikopru t-trasferiment temporanju mill-baġit PESK (dawn il-flus intużaw għall-osservazzjoni tal-elezzjoni fl-Ukraina minħabba nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament xierqa għall-IcSP) u li għalhekk jibqa' biss EUR 36 miljun bħala riżorsi ġodda. Sfortunatament dan mhux biżżejjed biex ikopri l-ispiża meħtieġa taħt l-IcSP għal din is-sena. Aħna għalhekk qed nipproponu tisħiħ ta' EUR 70 miljun għall-IcSP. Inħeġġek tassigura li dawn il-fondi jiġu provduti mingħajr dewmien żejjed minħabba li s-sitwazzjoni attwalment hi ferm kritika partikolarment għal strument li hu vitali biex titwettaq il-politika barranija tal-UE, speċjalment il-miżuri urġenti bħala rispons għall-kriżijiet fl-Ukraina, is-Sirja, l-Iraq, il-Palestina, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u s-Sudan t'Isfel.

F'dan il-kuntest, nixtieq nesprimi l-appoġġ tiegħi dwar l-użu tal-marġni ta' kontinġenza biex ikunu ffinanzjati l-ispejjeż bil-quddiem meħtieġa biex ikun hemm sostenn baġitarju xieraq lill-Ukraina taħt l-ENI. Sinċerament nittama li l-Kumitat għall-Baġits jagħmel dak kollu li jista' biex jiżgura li jkun provdut il-finanzjament xieraq għal seħibna f'dan il-mument kritiku. Is-sitwazzjoni fl-Ukraina ċertament tikkwalifika bħala ċirkustanza mhux prevista u mhux ippjanata fil-baġit taħt il-QFP.

Dejjem tiegħek,

Elmar Brok


ANNESS II: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP

Is-Sur Jean ARTHUIS

President tal-Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 9G205

Brussell

Suġġett: Il-kriżi tal-pagamenti għall-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja

Għażiż Sur Arthuis,

Kif ċertament tinsab konxju, in-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Kunsill li japprova l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) Nru 3 għall-baġit tal-2014 qed jagħmilha dejjem aktar diffiċli għall-uffiċċju tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni ECHO li jevita tħarbit, tnaqqis u kanċellazzjoni tal-attivitajiet ta' għajnuna. Qiegħed niktiblek biex ninfurmak dwar it-tħassib serju tal-Kumitat tiegħi rigward din is-sitwazzjoni, tħassib li nemmen għandu jkun kondiviż minn kulħadd.

Il-konsegwenzi ta' tħarbit fit-twassil tal-għajnuna umanitarja ma jistgħux ikunu mqabbla ma' tħarbit f'attivitajiet oħra tal-UE: l-għajnuna umanitarja hi ta' spiss litteralment kwistjoni ta' ħajja jew mewt. Id-deċiżjonijiet dwar il-baġit għall-għajnuna umanitarja għalhekk m'għandhomx ikunu posposti imma għandhom jingħataw trattament speċjali meta meħtieġ.

Il-fatt li l-Kunsill għadu ma tax ir-risposta tiegħu għall-proposta għal ABE 3 mressqa mill-Kummissjoni f'Mejju juri li, għal darb'oħra, il-fondi kruċjali għall-għajnuna umanitarja effettivament qed ikunu kkundizzjonati mill-ftehim dwar il-baġit kollu tal-UE għas-sena li jmiss. Dan la hu mod responsabbli kif tiġi ttrattata l-għajnuna umanitarja u lanqas ma hu mod korrett biex ikunu mmaniġġjati riżorsi skarsi. Dan qed iżid b'mod sinifikanti l-piż tal-ħidma amministrattiva ta' ECHO u jikkostrinġih jagħmel użu din is-sena minn madwar EUR 600 000 fi ħlasijiet għal pagamenti tard, għaliex ma għandux flus biex iħallas il-kontijiet fil-ħin.

Bil-kriżijiet fis-Sirja, l-Iraq, is-Sudan t'Isfel, ir-Repubblika Ċentrali-Afrikana u bnadi oħra, il-ħtiġijiet umanitarji globali issa laħqu livell bla preċedent. F'din is-sitwazzjoni, u bl-iżviluppi attwali fl-Ukraina, għandha tkun ċara biżżejjed li l-ECHO jeħtieġ jingħata l-approprjazzjonijiet ta' pagament li għandu bżonn biex iwettaq l-impenji tiegħu.

Fl-interess tat-tfal, in-nisa u l-irġiel li jiddependu fuq l-għajnuna umanitarja tal-UE u fuq il-kapaċità tal-ECHO u tas-sħab eżekuttivi tiegħu li jiffokaw direttament fuq il-forniment ta' din l-għajnuna, il-Parlament irid jinsisti fuq soluzzjoni rapida għall-kriżi ta' pagamenti tal-ECHO li qed tiggrava. Napprezza d-diffikultajiet, imma nixtieq ninkoraġġixxi lir-rappreżentanti tal-Kumitat tiegħek u tal-Parlament fin-negozjati dwar il-baġit mal-Kunsill biex jagħmlu ħilithom kollha sabiex tinstab soluzzjoni, inkluż billi japplikaw il-pressjoni morali xierqa.

Nixtieq ukoll nuża din l-opportunità biex nenfasizza l-importanza li l-approprjazzjonijiet għall-għajnuna umanitarja u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (EAR) fil-baġit 2015 ikunu stabbiliti f'livelli raġonevoli u realistiċi. Ovvjament hu wkoll meħtieġ li jitneħħew il-pagamenti arretrati u li jkun żgurat li l-istess problema ma terġax tokkorri fil-futur. Il-Kumitat tiegħi adotta emendi li jġibu lura l-ammonti tal-Abbozz ta' Baġit fl-intestatura tal-għajnuna umanitarja u li jżidu l-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-EAR b'mod sostanzjali. Hi verament ix-xewqa tiegħi li l-Kumitat tiegħek ikun dispost japprova dawn l-emendi.

Il-Kumitat DEVE jirringrazzjak tal-isforzi li qed tagħmel u jinsab lest li jagħti l-appoġġ kif u fejn ikun meħtieġ.

Dejjem tiegħek,

Linda McAvan


ANNESS III: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Sur President,

Qiegħed niktiblek din l-ittra dwar il-Baġit Emendatorju Nru 3/2014 li kien fuq l-aġenda tat-3 ta' Settembru 2014 tal-Kumitat għall-Baġits. (Rapporteur: is-Sur Gérard Deprez).

Nixtieq ukoll b'mod partikolari niġbed l-attenzjoni tiegħek għall-artiklu tal-Baġit 34 02 01 fejn il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi żieda (ta' EUR 6 miljun) tal-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programm LIFE.

Probabbli tinsab konxju mill-fatt li LIFE, li hu strument ewlieni tal-UE biex tkun implimentata l-politika tagħha dwar l-ambjent u l-klima, jinsab fiċ-ċentru tat-tħassib tal-Kumitat ENVI u aħna nagħtu importanza kbira lill-funzjonament tiegħu.

Għalkemm il-Kumitat ENVI ddeċieda li ma jagħtix opinjoni għar-rapport tas-Sur Deprez dwar il-Baġit Emendatorju Nru 3/2014, il-koordinaturi tal-ENVI talbuni niktiblek biex ninsisti li ż-żieda proposta ta' EUR 6 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament għal-artiklu tal-baġit 34 02 01għandha tinżamm.

Iż-żieda hi fil-fatt meħtieġa biss minħabba t-tnedija aktar bikrija milli mistenni tal-iskema dwar il-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika li l-ħidma għalija mxiet b'ritmu rapidu u għalhekk uħud mill-pagamenti se jkunu meħtieġa diġà fl-2014.

Hi t-tama tal-Kumitat ENVI li din it-talba tingħata l-kunsiderazzjoni xierqa mill-Kumitat BUDG u li l-ammont li l-Kummissjoni pproponiet ma jinbidilx.

Dejjem tiegħek,

Giovanni La Via

Kopja: Is-Sur G. Deprez, rapporteur


ANNESS IV: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President tal-Kumitat għall-Baġits

Suġġett: Il-pożizzjoni tal-Kumitat CULT dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 3/2014

Għażiż Sur Arthuis,

Bħala parti mill-proċedura dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) 3/2014, il-kumitati speċjalizzati ntalbu jikkontribwixxu għar-rapport dwar l-ABE 3/2014. Meta jitqies il-kalendarju intern tal-Kumitat CULT u l-iskadenzi stabbiliti, il-kumitat tagħna mhux se jkun jista' jipprovdilek opinjoni formali. Nitolbok għalhekk tikkunsidra din id-deskrizzjoni ħafifa tal-opinjonijiet tagħna dwar l-ABE 3/2014.

Bħala President u rapporteur dwar il-Baġit 2015, jien ikkonsultajt lill-Kumitat CULT dwar din l-ittra, li tirrifletti l-opinjonijiet li l-CULT esprima b'mod konsistenti matul il-proċeduri baġitarji għall-Baġit 2014 u l-Baġit 2015.

Fir-rigward ta' Erasmus+, il-livelli ta' pagament insuffiċjenti saru problema strutturali kruċjali matul dawn l-aħħar ftit snin: sa mill-2011, il-livelli ta' pagament fil-baġits annwali ma kkorrispondewx għall-ħtiġijiet attwali ta' pagament u dan wassal għal baġits emendatorji. Minħabba l-viżibbiltà u l-popolarità kbira tal-programm (u tal-predeċessur tiegħu, il-programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja) hemm riskju ta' ħsara kbira għar-reputazzjoni tiegħu. In-nuqqas ta' fondi xierqa jista' eventwalment iwassal għal problemi rigward l-implimentazzjoni tal-programm, meta tqis li ċ-ċikli proġettwali għall-mobbiltà individwali sostnuti mill-programm huma qosra u l-proporzjon bejn l-impenji u l-pagamenti għandu tal-inqas ikun ta' 85 %.

Barra minn hekk, l-għoti minn qabel ta' EUR 130 miljun għall-approprjazzjonijiet ta' impenn f'Erasmus+ u ta' EUR 200 miljun f'Orizzont 2020 (għall-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka) fil-baġit 2014 kellhom l-għan li dawn il-programmi jkollhom bidu mingħajr xkiel b'approprjazzjonijiet suffiċjenti u, fil-każ ta' Erasmus+, li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ. Madankollu, dawn l-impenji addizzjonali ma kienux sostnuti minn approprjazzjonijiet ta' pagament korrispondenti fil-baġit 2014.

Mingħajr l-approprjazzjonijiet ta' pagament korrispondenti mill-marġni ta' kontinġenza proposti fl-ABE 3/2014 – EUR 117 miljun għal Erasmus + u EUR 90 miljun għall-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie – l-impenji addizzjonali ma jistgħux ikunu implimentati, u b'hekk qed jintbagħat sinjal politiku żbaljat liċ-ċittadini Ewropej.

L-adozzjoni bla dewmien tal-ABE 3/2014 hi għalhekk kruċjali biex titranġa s-sitwazzjoni għall-2014 u tkun żgurata implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programm fl-2014 billi jiġi kkumpensat in-nuqqas ta' pagamenti għal total ta' EUR 202 miljun għall-Erasmus+ u ta' EUR 90 miljun għall-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie. Madankollu, fil-futur il-kawża fundamentali tal-problema – livelli ta' pagament li jkunu insuffiċjenti biex jilħqu l-impenji – għandha tkun indirizzata fil-proċedura baġitarja annwali regolari.

Il-Kumitat CULT għalhekk jaqbel ma adozzjoni bla dewmien tal-ABE 3/2014, bil-livell ta' pagamenti previst mill-Kummissjoni.

Aħna nittamaw li l-Kumitat għall-Baġits u r-Rapporteur tiegħu, is-Sur Gérard Deprez, se japprovaw dawn l-opinjonijiet u jkunu jistgħu jinkluduhom fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-ABE 3/2014.

Dejjem tiegħek,

Silvia Costa

President

Kopja: Is-Sur Gérard DEPREZ, rapporteur fil-Kumitat BUDG dwar il-Baġit Emendatorju 3/2014


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Sophie Montel, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Pina Picierno, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tamás Deutsch, Pablo Echenique, Ernest Maragall, Andrej Plenković, Sergei Stanishev, Nils Torvalds

Avviż legali