Proċedura : 2014/2072(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0073/2014

Testi mressqa :

A8-0073/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0091

RAPPORT     
PDF 285kWORD 103k
15.12.2014
PE 539.615v03-00 A8-0073/2014

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (għargħar fl-Italja, terremot fil-Greċja, silġ fis-Slovenja u silġ u għargħar fil-Kroazja)

(COM(2014)0565 – C8‑0137/2014 – 2014/2072(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Patricija Šulin

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS – ITTRA MILL- KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (għargħar fl-Italja, terremot fil-Greċja, silġ fis-Slovenja u silġ u għargħar fil-Kroazja)

(COM(2014)0565 – C8‑0137/2014 – 2014/2072(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0565 – C8-0137/2014),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b' mod partikolari tal-punt 11 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti approvati mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0073/2014),

1.      Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea,

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b' mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)         L-Unjoni Ewropea ħolqot Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-"Fond") biex tesprimi s-solidarjetà tagħha fir-rigward tal-popolazzjoni ta’ reġjuni milquta minn diżastri.

(2)         L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun (bil-prezzijiet tal-2011).

(3)         Ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 fih id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(4)         L-Italja ppreżentat talba biex timmobilizza l-Fond, rigward għargħar.

(5)         Il-Greċja ppreżentat talba biex timmobilizza l-Fond, rigward terremot.

(6)         Is-Slovenja ppreżentat talba biex timmobilizza l-Fond, rigward maltempati bis-silġ.

(7)         Il-Kroazja ppreżentat talba biex timmobilizza l-Fond, rigward maltempati bis-silġ segwiti minn għargħar.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi s-somma ta’ EUR 46 998 528 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn.

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2015, għandu jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea sabiex jipprovdi s-somma ta' EUR 46 998 528 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU L 311, 14.11.2002, p.3.

(2)

              ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

             Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzajrju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 minħabba għargħar fl-Italja (Sardenja) matul Novembru 2013, terremot fil-Greċja (Kefalonia), maltempati bis-silġ fis-Slovenja, u l-istess maltempati bis-silġ segwiti minn għargħar fil-Kroazja fi tmiem Jannar/ bidu ta' Frar 2014.

Tipi differenti ta' diżastri naturali (għargħar, terremoti u maltempati bis-silġ) ikkawżaw danni kunsiderevoli lill-Istati Membri tal-UE applikanti, filwaqt li l-Italja u l-Greċja ġew affettwati minn tipi ta' diżastri differenti u mhux relatati. Waħda fost l-agħar maltempati bis-silġ fl-Ewropa kkawżat danni f'bosta pajjiżi, b'effetti partikolarment dannużi fis-Slovenja u l-Kroazja.

Filwaqt li fit-28 ta' Ġunju 2014 daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jiġu applikati regoli sostantivi b'mod retroattiv. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li twettaq eżamijiet bir-reqqa tat-talbiet skont id-dispożizzjonijiet oriġinali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu.

Sardenja (l-Italja) intlaqtet minn xita kbira fit-18 u d-19 ta' Novembru 2013, li wasslet sabiex bosta xmajjar faqgħu d-diegi tagħhom u kien hemm għargħar f'bosta postijiet. Bejn is-26 ta' Jannar 2014 u t-3 ta' Frar 2014, Kefalonja (il-Greċja) intlaqtet minn terremot qawwi bi grad ta' 5.8 fuq l-iskala Richter, segwit minn għexieren ta' theżżiżiet gravi oħra fil-Grigal tal-gżira, li wasslu sabiex 3 000 persuna spiċċaw bla dar u kien hemm bosta midruba.

L-istima li taw l-awtoritajiet Taljani għall-ħsara totali diretta kienet ta' EUR 652 418 691, li hija anqas mil-limitu ta' EUR 3,8 biljun għad-diżastri maġġuri applikabbli għall-Italja fl-2014 (jiġifieri EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2002); l-istima li taw l-awtoritajiet Griegi għall-ħsara totali diretta kienet ta' EUR 147 332 790, li hija anqas mil-limitu ta' EUR 1,2 biljun għad-diżastri maġġuri applikabbli għall-Greċja fl-2014 (jiġifieri 0,6 % tal-ING abbażi ta' data tal-2012). Għalhekk skont ir-Regolament dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-ebda wieħed minn dawn id-diżastri ma jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri”.

Peress li l-ħsara totali diretta tinsab taħt il-limitu għad-diżastri maġġuri sabiex jiġi attivat il-Fond ta’ Soldarjetà, it-talba ġiet eżaminata abbażi tal-kriterji għal “diżastri reġjonali straordinarji”, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) l-aħħar subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà “taħt ċirkostanzi eċċezzjonali”. Fl-ambitu ta’ dawn il-kriterji, reġjun jista' eċċezzjonalment jibbenefika minn assistenza mill-Fond f'każ li r-reġjun ikun intlaqat minn diżastru straordinarju, prinċipalment wieħed naturali, li jaffettwa l-parti l-kbira tal-popolazzjoni tiegħu, b’riperkussjonijiet serji u dejjiema fuq il-kundizzjonijiet ta' għajxien u l-istabbiltà ekonomika tar-reġjun. Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-kundizzjonijiet ġusti biex tikkwalifika ż-żewġ diżastri li ssemmew bħala “diżastri reġjonali straordinarji”.

Is-Slovenja ntlaqtet minn uħud fost l-agħar tempesti tas-silġ tul deċennji li laqtu partijiet mill-Ewropa u li affettwaw bosta pajjiżi. Is-Slovenja kienet affettwata l-aktar bejn it-30 ta' Jannar u s-27 ta' Frar 2014, u s-silġ ikkawża danni lil kważi n-nofs tal-foresti li jinsabu fin-nazzjon, filwaqt li waħda minn kull erbat idjar spiċċat mingħajr elettriku għaliex it-toqol tal-borra waqqa' siġar u linji tal-elettriku. Lill-Kroazja affettwaha l-istess fenomenu meteoroloġiku li wassal lis-Slovenja sabiex tapplika għall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE. B'mod partikolari, kienu affettwati r-reġjuni tal-Majjistral u l-parti tat-Tramuntana tal-Adrijatiku. Barra minn hekk mit-12 ta' Frar, is-silġ u l-borra li bdew idubu wasslu għal għargħar li kkawża dannu addizzjonali lil infrastrutturi bażiċi pubbliċi importanti u lil proprjetà privata u pubblika.

L-istima li taw l-awtoritajiet Sloveni għall-ħsara totali diretta kienet ta' EUR 428 733 722. Dan l-ammont jirrappreżenta 1,23% tal-ING tas-Slovenja u jaqbeż il-limitu ta' EUR 209,6 miljun għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà applikabbli għas-Slovenja fl-2014 (jiġifieri 0,6 % tal-ING abbażi ta' data tal-2012); l-istima li taw l-awtoritajiet Kroati għall-ħsara totali diretta kienet ta' EUR 291 904 630. Dan l-ammont jirrappreżenta 0,69% tal-ING tal-Kroazja u jaqbeż il-limitu ta' EUR 254,2 miljun għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà applikabbli għall-Kroazja fl-2014 (jiġifieri 0,6 % tal-ING abbażi ta' data tal-2012). Billi l-istima tal-ħsara totali diretta taqbeż il-limitu għat-tnejn li huma, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri”. Il-ħsara totali diretta hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont ta' għajnuna finanzjarja. L-għajnuna finanzjarja tista’ tintuża biss għal ħidmiet ta’ emerġenza essenzjali, kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

Wara li vverifikat li din it-talba tikkonforma mal-kriterji ta' eliġibilità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002, il-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-UE għall-ammont totali ta' EUR 46 998 528.

Il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna tal-Fond ta’ Solidarjetà ġiet stabbilita fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar il-Fond ta’ Solidarjetà u ġiet aċċettata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Qed jiġi propost li jiġu applikati l-istess persentaġġi u li jingħataw l-ammonti ta’ għajnuna li ġejjin:

Diżastru

Ħsara diretta

(EUR)

Limitu (f'miljuni ta' euro)

Ammont ibbażat fuq 2,5 %

(EUR)

Ammont ibbażat fuq 6 %

(EUR)

Ammont totali propost ta' għajnuna

(EUR)

Għargħar fl-Italja

652 418 691

3 752,330

16 310 467

~

16 310 467

Terremot fil-Greċja

147 332 790

1 168,231

3 683 320

~

3 683 320

Silġ / tempesta fis-Slovenja

428 733 722

209,587

5 239 675

13 148 803

18 388 478

Silġ / għargħar fil-Kroazja

291 904 630

254,229

6 355 725

2 260 538

8 616 263

TOTAL

46 998 528

Billi din hija l-ewwel deċiżjoni għal mobilizzazzjoni għall-2014, l-ammont totali propost ta' għajnuna li jidher hawn fuq jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar il-limitu massimu tar-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, li huwa ta' EUR 530,6 miljun (EUR 500 miljun bil-prezzijiet tal-2011), u huwa żgurat ukoll li l-ewwel kwart meħtieġ ta' dan l-ammont se jkun disponibbli fl-1 ta' Ottubru 2014 sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem is-sena.

B’mod parallel mal-proposta sabiex jiġi mobilizzat il-Fond ta’ Solidarjetà, il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta’ baġit emendatorju (ABE Nru 5/2014 tat-8 ta' Settembru 2014), sabiex fil-baġit tal-2014 jiddaħħal l-impenn korrispondenti kif previst fil-punt 26 tal-FII u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament korrispondenti jiġu trasferiti fil-baġit tal-2015. Il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-ABE Nru 5/2014, fir-rigward tal-finanzjament ta' din id-deċiżjoni, timmodifika l-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Il-pożizzjoni tal-Parlament se tkun stabbilita meta jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-ABE Nru 5/2014.

Skont il-punt 26 tal-FII tas-17 ta’ Mejju 2006, meta tkun qed tippreżenta din il-proposta biex tuża l-Fond, il-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċedura ssemplifikata ta’ trilogu bil-għan li tiżgura l-qbil taż-żewġ fergħat tal-Awtorità Baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-Fond u dwar l-ammont meħtieġ.

Skont ftehim intern mal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (REGI), dan il-kumitat għandu jkun assoċjat mal-proċess, sabiex jingħata appoġġ u kontribut kostruttivi għall-implimentazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE. Wara l-valutazzjoni tat-talbiet, il-kumitat REGI tal-Parlament Ewropew ta l-opinjonijiet tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif espress fl-ittra ta' opinjoni mehmuża ma' dan ir-rapport.

Ir-Rapporteur tirrakkomanda l-approvazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni annessa ma' dan ir-rapport.


ANNESS – ITTRA MILL- KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09G2051047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea favur l-Italja, il-Greċja, is-Slovenja u l-Kroazja

Il-Kummissjoni Ewropea għaddiet lill-Parlament Ewropew il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (COM(2014)0565), abbażi tat-talbiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li tressqu mill-Italja, il-Greċja, is-Slovenja u l-Kroazja. It-talbiet imressqa jirreferu għal għargħar li kien hemm f'Sardenja (l-Italja) f'Novembru 2013, terremot f'Kefalonia (il-Greċja) f'Jannar 2014, u għal maltempati bis-silġ li seħħew f'Jannar u Frar 2014 fis-Slovenja u l-Kroazja, u li fil-Kroazja kienu segwiti minn għargħar.

Il-Kummissjoni tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, bl-istima tal-ħsara kkawżata minn kull diżastru kif tidher hawn taħt u mqassma skont il-pajjiż:

Diżastru

Ħsara diretta

(EUR)

Limitu (f'miljuni ta' euro)

Ammont ibbażat fuq 2.5 %

(EUR)

Ammont ibbażat fuq 6 %

(EUR)

Ammont totali propost ta' għajnuna

(EUR)

Għargħar fl-Italja

652 418 691

3 752,330

16 310 467

~

16 310 467

Terremot fil-Greċja

147 332 790

1 168,231

3 683 320

~

3 683 320

Silġ / tempesta fis-Slovenja

428 733 722

209,587

5 239 675

13 148 803

18 388 478

Silġ / għargħar fil-Kroazja

291 904 630

254,229

6 355 725

2 260 538

8 616 263

TOTAL

46 998 528

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll l-abbozz ta’ baġit emendatorju (ABE) Nru 5 għas-sena 2014 (COM(2014)0564), bil-ħsieb li tiġi koperta l-mobilizzazzjoni proposta u msemmija hawn fuq tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE għall-ammont ta' EUR 46 998 52, u dan billi jiddaħħlu l-approprjazzjonijiet korrispondenti kemm ta’ impenn u kemm ta’ pagament fi ħdan il-baġit 2014, fil-partita tal-baġit 13 06 01.

Il-koordinaturi tal-Kumitat REGI ddiskutew dawn il-proposti waqt il-laqgħa tagħhom tat-22 ta' Settembru 2014. Huma talbuni niktiblek biex ngħidlek li dan il-Kumitat ma jsib l-ebda oġġezzjoni sabiex jimmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, u jappoġġa l-ABE korrispondenti Nru 5 propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Sophie Montel, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Pina Picierno, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tamás Deutsch, Pablo Echenique, Ernest Maragall, Andrej Plenković, Sergei Stanishev, Nils Torvalds

Avviż legali