Proċedura : 2014/0218(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0001/2015

Testi mressqa :

A8-0001/2015

Dibattiti :

PV 10/02/2015 - 7
CRE 10/02/2015 - 7

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.15
CRE 11/02/2015 - 9.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0029

RAPPORT     ***I
PDF 688kWORD 268k
7.1.2015
PE 539.855v02-00 A8-0001/2015

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

(COM(2014)0476 – C8‑0113/2014 – 2014/0218(COD))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Inés Ayala Sender

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

(COM(2014)0476 – C8‑0113/2014 – 2014/0218(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

––     wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0476,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 91(1)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0113/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Ottubru 2014(1),

–       wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0001/2015),

1.      Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Premessa 21a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(21a) Fil-qafas tad-Deċiżjonijiet ta' Prüm, l-ipproċessar ta' VRD li tinkludi data personali hu soġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fil-Kapitolu VI tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom ukoll ikollhom il-possibbiltà li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi li data oħra dwar il-persunal, li hija pproċessata għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, bil-kondizzjoni li huma jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data relatata mar-reati kollha elenkati fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva tikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda timxi fuq it-test tal-Kunsill u fuq is-suġġeriment magħmul mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Għandha l-għan li tiċċara l-arraġamenti l-ġodda għall-protezzjoni tad-data li għandom jiġu applikati fir-rigward tar-reati koperti minn din id-Direttiva.

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Artikolu 12 – paragrafu 1 – subparagrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq jistgħu jestendu l-iskadenza msemmija f'dan is-subparagrafu sa'…*.

 

_____________

 

* ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data ta’ sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tagħti t-tliet Stati Membri li għamlu użu mid-deroga tad-Direttiva, żmien raġonevoli biex ikunu jistgħu jittrasponu fil-liġi nazzjonali b’kont meħud ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni implimentattiva, amministrattivi jew arranġamenti teknoloġiċi, filwaqt li jipprovdu biżżejjed żmien biex il-Kummissjoni tippreżenta sa Novembru 2016 ir-rapport previst u jiġi evitat kull dewmien potenzjali fuq proposti futuri biex jissaħħaħ l-infurzar ta’ reati tat-traffiku transkonfinali u t-titjib tas-sikurezza fit-toroq fl-Istati Membri kollha

(1)

Għadha mhux ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.


NOTA SPJEGATTIVA

Bl-eċċezzjoni ta' żewġ bidliet kwalitattivi sinifikanti, din il-proposta tuża t-test tad-Direttiva 2011/82/UE li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, approvata fl-2011 b'maġġoranza kbira mill-Parlament u b'unanimità min-naħa tal-Kunsill. Dawn huma l-bdil tal-bażi ġuridika u l-modifiki tekniċi sussegwenti u, (b'konsegwenza ta' din il-bażi ġuridika ġdida ta' trasport), it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni biex jiġu inklużi t-tliet Stati Membri li kienu esklużi fid-Direttiva preċedenti.

Dawn il-modifiki jirriflettu s-sentenza tas-6 ta' Mejju li għadda tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, fejn il-Qorti ddeċidiet li d-Direttiva 2011/82/UE ġiet adottata fuq bażi ġuridika żbaljata (koperazzjoni tal-pulizija (Artikolu 87(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)). Il-Qorti ddeċidiet li s-sikurezza fit-trasport kienet il-bażi ġuridika l-korretta: l-eżami tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva wera li s-sistema tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li kienet ibbażata fuqha d-Direttiva kienet il-mezz, u mhux l-objettiv, tad-Direttiva. L-objettiv kien it-titjib is-sikurezza tat-toroq. Il-PE qabel mill-bidu nett li l-bażi ġuridika korretta kienet it-trasport.

Minkejja li l-Qorti annullat id-Direttiva, irrikonoxxiet li l-għanijiet tagħha kienu importanti u sabiex ma tinħoloqx lakuna ġuridika, iddikjarat li d-Direttiva kellha tibqa' fis-seħħ għal perjodu ta' tnax-il xahar, biex il-Parlament u l-Kunsill ikunu jistgħu jikkoreġu t-test u jadottaw verżjoni ġdida li fiha l-bażi ġuridika tkun it-trasport.

U issa għandna proposta ġdida ta' direttiva min-naħa tal-Kummissjoni, li minkejja li kienet hi li annulat id-direttiva, stinkat biex ippreżentat lill-PE b'test li fih l-uniku tibdil huwa dak meħtieġ minħabba d-deċiżjoni tal-Qorti (il-bażi ġuridika u l-ambitu territorjali.)

L-oriġini tad-Direttiva 2011/82

L-oriġini tal-proposta jmur lura għall-istudji mwettqa mill-Kummissjoni fl-2007. L-istudju dwar id-data ta' reati tat-traffiku fit-toroq tal-UE wera li l-perċentwal ta' sewwieqa mhux residenti involuti kien ogħla meta mqabbel ma' dak nazzjonali, speċjalment fir-rigward ta' veloċità eċċessiva. Waħda mir-raġunijiet prinċipali għalfejn vetturi barranin iwettqu għadd akbar ta' reati hi li l-awtoritajiet, minħabba li ma jkunux jafu l-indirizz ta' sid il-vettura, ma jistgħux jinnotifikawh dwar il-penali, speċjalment meta r-reat jinqabad permezz ta' kameras awtomatiċi. Minkejja li kien hemm tentattiv biex din il-problema tissolva permezz ta' diskussjonijiet bilaterali, l-esperjenza wriet li dan ħoloq aktar kunflitti u frustrazzjonijiet bejn l-awtoritajiet tat-traffiku. Mill-perspettiva taċ-ċittadini Ewropej, din l-impunità relattiva tas-sewwieqa barranin iddgħajjef l-għan tas-sikurezza tat-toroq u l-leġittimità tal-kontrolli, għax is-sewwieq li jsuq bi pjanċa ta' reġistrazzjoni nazzjonali jistenna li r-reati kollha jiġu trattati bl-istess mod. L-għan aħħari tal-proposta hu preċiżament li tintemm l-impunità tal-vetturi barranin fit-toroq tal-Unjoni.

Il-proposta għal direttiva tagħti lok li din il-lakuna tingħalaq u li l-awtoritajiet fil-qasam tat-traffiku u tas-sikurezza tat-toroq tal-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu informazzjoni dwar is-sidien ta' vettura bi pjanċi ta' reġistrazzjoni barranin involuti f'reati li jipperikolaw is-sikurezza tat-toroq, bl-għan li jkunu jistgħu jinnotifikawhom, bil-lingwa tal-Istat ta' residenza tagħhom, dwar ir-reat imwettaq.

Waqt l-analiżi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tal-2008, il-PE ippropona li s-sistema tissaħħaħ biex is-sidien tal-vetturi li jwettqu reat mhux biss jiġu notifikati dwar, iżda li jkun possibbli wkoll li jiġu imposti penali bħalma jiġri fil-każ ta' reati mwettqa mir-residenti. Il-Parlament, fl-ewwel qari appoġġa t-trasport bħala bażi ġuridika, saħħaħ l-elementi dwar il-protezzjoni tad-data skont is-suġġerimenti tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data, tejjeb id-dispożizzjonijiet relatati mal-informazzjoni liċ-ċittadin u inkluda l-ħtieġa li jittejbu l-istandards tat-tagħmir ta' kameras awtomatiċi u l-possibilità ta' armonizzazzjoni tar-regoli tat-traffiku.

L-appoġġ tal-Parlament għal din il-proposta waqa' fuq widnejn torox, għax il-veto tal-Kunsill waqqaf kollox, waqt li beda dibattitu sterili dwar il-bażi ġuridika. Kien biss waqt il-Presidenza Belġjana fl-2010, tliet snin wara u fuq talba tal-Parlament, li l-proposta rnexxielha tinqala' mill-istaġnar li wassal biex damet ma ġiet indirizzata l-kwistjoni urġenti tar-reati tat-traffiku transfruntiera. L-opportunità li l-proċess jitkompla nħolqot meta ġiet aċċettata l-bidla fil-bażi ġuridika għal kooperazzjoni tal-pulizija, bidla li ġabet magħha żewġ modifiki importanti: limitazzjoni tal-proċedura tal-iskambju ta' data dwar is-sidien tal-vetturi u tnaqqis fl-ambitu territorjali ta' implimentazzjoni - ir-Renju Unit, id-Danimarka u l-Irlanda baqgħu barra minnha minħabba l-prerogattivi tagħhom rikonoxxuti fit-Trattati.

Quddiem din l-opportunità, il-Parlament, li dejjem sostna li l-bażi ġuridika għandha tkun it-trasport skont l-Artikolu 11, għażel li jkun prattiku u jistudja l-possibiltà ta' bidla tal-bażi ġuridika biex ikun jista' jittieħed l-ewwel pass u jiġi stabbilit strument li jindirizza t-tema tal-multi transfruntiera. Bħala kontroparti l-Parlament irnexxielu jimponi klawżola ta' reviżjoni soda li permezz tagħha l-Kummissjoni hija obbligata tippreżenta rapport li jevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva f'Novembru 2016. Abbażi ta' dan ir-rapport, u jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti leġiżlattivi biex ikun possibbli li s-sewwieqa jiġu segwiti indipendentement mill-pajjiż ta' reġistrazzjoni tal-vettura, u b'hekk ikun komplut għalkollox il-mekkaniżmiu ta' skambju ta' informazzjoni li kien sar ftehim dwaru.

Minħabba l-avvanzi tekniċi fid-detezzjoni ta' ċerti reati bħas-sewqan taħt l-effetti tad-drogi, il-Parlament u l-Kunsill qablu fit-tieni qari li jinkludu fl-ambitu tad-direttiva erba' oqsma ġodda li sa dak iż-żmien kienu saru maturi biżżejjed bħala reati, filwaqt li huma wkoll reati li jipperikolaw is-sikurezza tas-sewwieq u ta' utenti oħra tat-toroq (is-sewqan taħt l-effetti tad-drogi, l-użu tal-ħelmet għas-sewwieqa tal-muturi, l-użu ta' telefowns ċellulari waqt is-sewqan u l-użu ta' korsija projbita).

Wara proċess diffiċli, id-Direttiva 2011/82/UE finalment daħlet fis-seħħ fil-11 ta' Novembru 2013, u mill-bidu nett uriet il-potenzjal tagħha, billi ġie osservat tnaqqis fl-għadd ta' reati kommessi minn sewwieqa barranin. Id-direttiva introduċiet element ta' deterrent għas-sewwieqa barranin, li llum huma konxji tal-fatt li kwalunkwe reat kommess f'pajjiż barrani jista' jiġi notifikat lilhom bis-saħħa ta' dan il-mekkaniżmu ġdid. Tul din l-aħħa sena ta kontribut għall-objettiv tal-UE li l-għadd ta' vittmi fit-toroq jonqos b'50% sal-2020, waqt li l-għadd ta' persuni feruti jonqos b'40%.

Il-Pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur tixtieq, l-ewwel nett, turi apprezzament lill-Kummissjoni għall-ħeffa li biha ppreżentat proposta ġdida li tillimita ruħha għal aġġustamenti b'riżultat tas-sentenza tal-Qorti u t-twettiq tal-bidliet meħtieġa; tintroduċi l-bażi ġuridika tas-sikurezza tat-trasport, tinkorpora lid-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda fl-ambitu territorjali tal-applikazzjoni tagħha u twettaq xi aġġustamenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, skont il-bażi ġuridika l-ġdida.

Il-Kunsill mexa 'l quddiem fl-analiżi tal-proposta, u hemm kunsens bejn l-Istati Membri dwar il-ħtieġa li tiġi adottata d-direttiva l-ġdida, li għandha tiġi adottata mill-aktar fis possibbli. S'issa, 20 mill-25 Stat Membru li tapplika għalihom id-direttiva ttrasponewha fid-dritt nazzjonali, u l-ewwel indikaturi juru li s-sistema li nħolqot qed tħalli l-ewwel frott. Id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda, li qabel kienu ddeċidew jibqgħu barra, illum il-ġurnata jaċċettawha bla riżervi, u qed jitolbu biss perjodu tranżotorju simili għal dak li gawdew l-istati l-oħra, filwaqt li diġà qed jaħsbu kif jistgħu jikkontribwixxu u jtejbu s-sistema meta terġa' tiġi riveduta.

Dan il-Parlament għaldaqstant għandu jadotta direttiva ġdida qabel is-6 ta' Mejju 2015 biex jevita limbu ġuridiku għall-Istati Membri li diġà inkorporaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva annullata fid-dritt nazzjonali. Bħala leġiżlatur, il-Parlament għandu kompitu meħtieġ, sensittiv u urġenti, f'qasam li l-Parlament dejjem qies bħala prijorità politika: il-garanzija tal-ogħla sikurezza tat-toroq.

Min-naħa l-oħra, l-assoċjazzjonijiet tal-vittmi tat-toroq, l-awtoritajiet tat-traffiku, il-prosekuturi tar-reati tat-traffiku u, b'mod ġenerali, l-assoċjazzjonijiet li jaħdmu għas-sikurezza tat-toroq, li faħħru l-adozzjoni tad-Direttiva, mhumiex se jaċċettaw li dan il-Parlament ma jkun għamel xejn biex jevita lakuna ġuridika. Iċ-ċittadini, minkejja li ma jieħdux gost jiġu notifikati dwar reati tat-traffiku, jaqblu wkoll li l-Ewropej kollha, indipendentement mill-pjanċi ta' reġistrazzjoni tal-vettura tagħhom, għandhom jiġu trattati bl-istess mod.

Barra minn hekk, din id-direttiva waslet f'waqt kritiku. Minkejja li l-UE reġgħet tinsab fi triqtha biex tilħaq il-mira tagħha ta' tnaqqis ta' 50% fl-imwiet fit-toroq sal-2020, ġiet osservata żieda fl-għadd ta' vittmi ta' aċċidenti tat-traffiku, għal diversi raġunijiet: ħafna karozzi li qdiemu, tnaqqis drammatiku fl-infiq għall-manutensjoni tal-infrastrutturi minħabba l-kriżi ekonomika, nuqqas ta' finanzjament għal infrastrutturi ġodda u innovazzjoni għat-titjib tas-sikurezza tat-toroq, fost l-oħrajn. Għaldaqstant ir-rapporteur tixtieq li din id-Direttiva tiġi adottata qabel l-iskadenza stabbilita mill-Qorti bl-għan li jkun evitat li tinħoloq lakuna ġuridika li tgħin biex tiġi kkonfermata din it-tendenza allarmanti. Ir-rapporteur tqis li d-Direttiva dwar is-sanzjonijiet tat-traffiku transfruntiera ppermettiet li jiġi introdott element ta' deterrent mhux diskriminatorju biex tiġi miġġielda l-impunità fit-toroq tal-UE, u jkun żball kieku dan l-element kellu jitneħħa.

Ir-rapporteur tixtieq ukoll tikseb garanziji li l-bidliet introdotti fir-rigward tad-Direttiva 95/46 mhumiex se jippreġudikaw il-livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali li min-naħa tal-Parlament kien element tal-proċess tal-proposta sa mill-2008. Għaldaqstant ir-Rapporteur qieset ħafna, kif għamlet fil-każ tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data. Is-servizzi legali tat-tliet istituzzjonijiet u l-Kontrollur innifsu huma tal-fehma li l-modifiki tekniċi introdotti fil-proposta tal-Kummissjoni huma xierqa, u għaldaqstant ir-Rapporteur ma tixtieq tbiddel xejn mis-sostanza.

Ir-rapporteur tixtieq biss tagħmel kjarifika f'dan l-abbozz ta' rapport biex jinbdew in-negozjati mal-Kunsill. Għaldaqstant tipproponi li tiġi aċċettata premessa ġdida li tinkludi fiha ġabra tal-kjarifiki magħmula mill-Kunsill u s-suġġeriment magħmul mill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data.


PROĊEDURA

Titolu

L-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

Referenzi

COM(2014)0476 – C8-0113/2014 – 2014/0218(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

18.7.2014

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

15.9.2014

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

15.9.2014

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

LIBE

6.10.2014

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Inés Ayala Sender

3.9.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

3.11.2014

1.12.2014

 

 

Data tal-adozzjoni

2.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Jens Nilsson, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Claudia Tapardel, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Matthijs van Miltenburg, Elissavet Vozemberg, Roberts Zīle, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Ivo Belet, Markus Ferber, Theresa Griffin, Massimo Paolucci

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georgios Katrougkalos

Data tat-tressiq

7.1.2015

Avviż legali