Proċedura : 2014/0238(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0010/2015

Testi mressqa :

A8-0010/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0030

RAKKOMANDAZZJONI     ***
PDF 214kWORD 236k
26.1.2015
PE 541.517 A8-0010/2015

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u r-Repubblika tas-Senegal u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

(12812/14 – C8-0276/2014 – 2014/0238(NLE))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Norica Nicolai

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u r-Repubblika tas-Senegal u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

(12812/14 – C8-0276/2014 2014/0238(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (12812/14),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal (12830/14),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) u l-Artikolu 218(7), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0276/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0010/2015),

1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.      Jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt li jiddisponi għalihom l-Artikolu 7 tal-Ftehim, kif ukoll il-programm settorjali pluriennali li jiddisponi għalih l-Artikolu 4 tal-Protokoll il-ġdid;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt;

4.      Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament u lill-Kunsill, qabel ma jiskadi l-Ftehim preżenti u hekk kif ikunu qed jinbdew negozjati għal wieħed futur, tagħrif iddettaljat fis-sura ta' rapport ex-post dwar il-kosti u l-benefiċċji tal-Ftehim;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni tressaq lill-Parlament rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim, rigward b'mod partikolari l-programm pluriennali msemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim, kif ukoll tagħti fid-dettall kif il-fondi mogħtija skont il-Ftehim jiġu użati;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat rispettivi tagħhom, iżommu lill-Parlament mgħarraf immedjatament u b’kollox fl-istadji kollha tal-proċeduri relatati mal-protokoll u t-tiġdid tiegħu, skont it-termini tal-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka b'mod partikolari fuq il-promozzjoni tal-ġestjoni lokali u l-obbligu ta' għoti ta' rendikont, kif ukoll tiffaċilita d-dispożizzjoni ta' tagħrif adegwat lill-atturi lokali kollha li huma interessati fil-Ftehim u l-implimentazzjoni tiegħu;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Senegal.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Introduzzjoni

Ir-Repubblika tas-Senegal hija stat kostali fl-Afrika tal-Punent u jaqsam il-fruntieir marittimi tiegħu mar-Repubblika tal-Guinea-Bissaw, ir-Repubblika tal-Gambja, il-gżejjer tal-Kap Verde u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja. Minbarra l-fruntieri marittimi mal-Mawritanja fit-Tramuntana u mal-Ginea-Bissaw fin-Nofsinhar, il-fruntieri marittimi tar-Repubblika tas-Senegal huma definiti u miftiehma.

Is-Senegal għandu popolazzjoni ta' 12-il miljun ruħ, b'konsum stmat ta' madwar 25kg per capita fis-sena. Il-port ta' Dakar huwa l-port kummerċjali tas-Senegal u huwa ta' sinifikat internazzjonali minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu. L-ekonomija tas-Senegal irreġistrat tkabbir kostanti ta' 4% tul is-sena 2012, appoġġjata mis-setturi primarji tagħha tal-isfruttar tal-minjieri u tal-estrazzjoni, u s-settur kummerċjali, dak tal-lukandi u tal-forniment tal-ikel, filwaqt li l-industrija tas-sajd kienet responsabbli għal madwar 1.3% tal-PDG. Għalkemm il-pajjiż kellu tnaqqis fid-dejn pubbliku fis-sena 2000 taħt l-Inizjattiva tal-Pajjiżi Fqar b'Ħafna Dejn (HIPC), programm li ngħata bidu b'mod konġunt mill-FMI u l-Bank Dinji, għad għandu defiċit tal-baġit sinifikanti ta' EUR 670 miljun li jifforma madwar 6.5% tal-PDG. Għalkemm il-pajjiż irnexxielu jżid l-esportazzjonijiet tiegħu fl-2011 b'16.4% meta mqabbel mal-2010, u l-esportazzjonijiet tas-sajd żdiedu bi 13.5%, il-bilanċ kummerċjali tas-Senegal għadu negattiv minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-petroleum, ir-ross, iż-żjut tal-annimali u l-qamħ, li żied l-importazzjonijiet bi 15.8% meta mqabbel mal-2010.

Ir-relazzjonijiet fil-qasam tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal bdew fl-1 ta' Ġunju 1981 u protokolli mġedda ġew iffirmati fl-2002 u skadew fl-2006, li rriżulta fi tnaqqis qawwi fil-għadd ta' bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jistadu għat-tonn fl-ilmijiet tas-Senegal, fejn 2 minn 18-il-bastimenti tas-sajd bil-purse seine tal-UE kienu jistgħu jkomplu jistadu fiż-żona. F'dan il-kuntest, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tinnegozja tiġdid tal-Ftehim ta' bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Komunità Ekonomika Ewropea, li rriżulta fi Proposta ta' Ftehim ta' Sħubija Ġdid ta' Sajd Sostenibbli (Ftehim u Protokoll ġodda).

Il-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill jikkonkludi l-Ftehim u l-Protokoll (COM (2014) 518), li għandhom il-għan li joħolqu qafas ġdid ta' kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal. Wieħed mill-prinċipji tal-Ftehim jiddisponi li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għall-flotot tal-UE billi jiddikjara li n-naħa tas-Senegal jimpenjaw ruħhom li ma jagħtux lil flotot oħra kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti fil-Ftehim, sakemm il-bastimenti jkollhom l-istess karatteristiċi u jimmiraw għall-istess speċijiet. Il-konklużjoni tal-Ftehim u l-Protokoll isseħħ biss b'approvazzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-Ftehim u l-Protokoll il-ġodda jekk jiddisponu għal:

1.  soluzzjoni ekonomika raġonevoli meta jitqiesu l-opportunitajiet ta' sajd disponibbli pprovduti;

2.  bażi għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet ta' ħut rilevanti; kif ukoll

3.  appoġġ adegwat u kundizzjonijiet suffiċjenti għas-settur tas-sajd lokali.

Analiżi tal-Protokoll il-ġdid

L-elementi prinċipali tal-Protokoll il-ġdid huma deskritti hawn taħt         

     Id-durata tal-protokoll, skont l-Artikolu 12 tiegħu, hu ta' 5 snin.

   Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali hija stmata li hi ta' EUR 13 930 000 mqassma kif ġej: EUR 8 690 000, kontribuzzjoni finanzjarja allokata bejn kumpens finanzjarju annwali u appoġġ għall-politika tas-sajd tas-Senegal, għal tunnellaġġ ta' referenza għall-ispeċijiet migratorji ħafna ta' 14 000 tunnellata fis-sena; EUR 5 240 000, li jikkorrispondu għall-istima tat-taxxi li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd.

   L-opportunitajiet tas-sajd: huma tlieta l-kategoriji ta' bastimenti li se jitħallew jistadu fl-ilmijiet tas-Senegal - 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun, 8 bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief u 2 bastimenti tat-tkarkir (li jintużaw għas-sajd għall-merluzz l-iswed).

   Il-bastimenti se jitqassmu bejn l-Istati Membri kif ġej:

o Bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun - Spanja 16-il bastiment, Franza 12-il bastiment;

o Bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief - Spanja 7 bastimenti, Franza bastiment wieħed;

o Bastimenti tat-tkarkir - Spanja 2 bastimenti.

   Jekk it-tunnellaġġ ta' referenza għal speċijiet migratorji ħafna għall-Unjoni Ewropea għandu jinqabeż, il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għandha tiżdied b'EUR 55 għall-ewwel sena, b'EUR 50 għat-tieni, it-tielet u r-raba' sena u b'EUR 45 għall-ħames sena għal kull tunnellata li tinqabad.

   Il-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun u l-bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief se jħallsu miżata għal kull tunnellata li tinqabad fl-ilmijiet tas-Senegal li jibda minn EUR 55 fl-ewwel sena u jilħaq is-EUR 70 għall-ħames sena. Fl-istess ħin, għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, se titħallas rata fissa: a) għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-taratarun din se tibda minn EUR 13 750 għal 250 tunnellata ħut fis-sena fl-ewwel sena tal-Protokoll, u se tiżdied għal EUR 17 500 għal 250 tunnellata ħut fil-ħames sena; b) għall-bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief ir-rata fissa se tibda minn EUR 8 250 għal 150 tunnellata ħut fis-sena fl-ewwel sena tal-Protokoll, u se tiżdied għal EUR 10 500 għal 150 tunnellata ħut fil-ħames sena;

Bejn Lulju u Settembru 2013, saret valutazzjoni ex-ante u hija ssupplementata b'Rapport Reġjonali li sar fl-istess sena rigward is-sajd tat-tonn fl-Oċean Atlantiku. Ir-rapport jikkonkludi li s-Sħubija l-ġdida tkun vantaġġjuża għaż-żewġ naħat, filwaqt li tgħin lir-Repubblika tas-Senegali u lill-Unjoni Ewropea joħolqu impjiegi ġodda. Ir-rapport jasal ukoll għall-konklużjoni li l-port Senegaliż ta' Dakar u l-industrija relatata mas-sajd tkun tapprofitta u tiżviluppa minn din is-Sħubija l-ġdida.

Is-sehem tas-sajd għall-ekonomija Senegaliża huwa biss ta' 1.3% tal-PDG reali u ta' EUR 136 miljun mill-EUR 1.7 biljun tal-esportazzjonijiet. Ir-rapport jiddikjara li fl-2011 l-ammont totali ta' prodotti tas-sajd esportati mis-Senegal lejn l-UE (fil-biċċa l-kbira ffriżati) kien ta' madwar 40 000 tunnellata. Barra minn hekk, is-Senegal għandu rwol maġġuri fl-iżbark ta' prodotti tas-sajd marittimu artiġjanali u industriali, b'madwar 400 000 tunnellata ta' prodotti żbarkati, li minnhom 90% huma ġejjin mis-sajd artiġjanali, filwaqt li s-sajd industrijali jifforma anqas minn 50 000 tunnellata ta' prodotti żbarkati.

Wara li l-Protokoll ma kienx ġie mġedded fl-2006 kienu biss ftit il-bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief li tħallew jistadu minn żmien għal żmien għat-tonn fl-ilmijiet tas-Senegal u l-Protokoll iffirmat kull sena mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti Spanjoli u Franċiżi kien jiddisponi li l-qabda kollha trid tiġi żbarkata fis-Senegal bil-għan li jiġu fornuti l-impjanti tal-ipproċessar u tal-ippakkjar f'landi. Meta jitqies li l-bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief li huma attivi fiż-żona mhumiex rekwiżiti jfornu lill-industrija lokali, u li l-akbar impjant tal-ippakkjar f'landi fis-Senegal inxtara minn investitur Ażjatiku, li għandu l-ħsieb li jżid il-produzzjoni minn 20 000 tunnellata fis-sena għal 80 000 tunnellata, il-ħtieġa ta' materja prima x'aktarx li se tiżdied. .

Il-Ftehim il-ġdid fih klawżoli dettaljati rigward is-sospensjoni u/jew it-terminazzjoni tal-Protokoll. L-Artikoli 13 u 14 jiddikjaraw b'mod ċar li l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 13) u n-nuqqas ta' rispett għall-impenji li jkunu ttieħdu mill-Partijiet fir-rigward tal-ġlieda lis-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhur irregolat (l-Artikolu 14).

L-Anness tal-Protokoll fih l-impenn li ħadet l-UE li timpenja lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-Senegal jimpjegaw tal-inqas 20% tal-baħħara mis-Senegal jew min-nazzjonijiet tal-AKP. Din ir-regola tapplika għat-tipi kollha ta' bastimenti tas-sajd u biss għal dawk il-baħħara mpjegati uffiċjalment matul l-istaġuni tas-sajd. Ir-regoli tad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol huma inklużi fil-Protokoll u għandhom japplikaw għall-baħħara Senegaliżi u tal-AKP li jittieħdu abbord.

Kummenti u konklużjonijiet tar-rapporteur

Meta jitqiesu l-opportunitajiet biex l-ekonomija Senegaliża tiffjorixxi permezz ta' sfruttament aħjar tal-istokkijiet disponibbli, skont il-prinċipji ta' sajd sostenibbli u l-aħjar prattiki fl-industrija, hija l-fehma tar-rapporteur li l-Ftehim il-ġdid u l-Protokoll huma fl-interess taż-żewġ partijiet.

Barra minn hekk, is-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti bbażata fuq is-satellita, u l-kooperazzjoni ta' bejn l-UE u r-Repubblika tas-Senegal fir-rigward tal-monitoraġġ u s-segwiment tal-bastimenti fl-ilmijiet tas-Senegal se jgħinu lill-awtoritajiet lokali jintensifikaw il-ġlieda tagħhom lis-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

Fil-perspettiva ta' domanda akbar għal prodott mhux maħdum għall-impjanti tal-ippakkjar fil-laned fis-Senegal, il-bastimenti li jinsabu taħt il-bandiera tal-Unjoni jkun ikollhom ukoll opportunità kbira li jżidu l-attività ekonomika tagħhom fir-reġjun. Dan ikun jgħin ukoll lill-baħħara lokali, li skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll se jiffurmaw parti mill-ekwipaġġi tal-bastimenti tal-UE. Barra minn hekk, il-Ftehim se jżid ukoll l-attività ekonomika tal-flotta tal-UE fir-reġjun, li tikkonsisti f'14-il bastiment bit-tartarun Spanjol u 9 bastimenti bit-tartarun Franċiżi, li huma attivi fl-Oċean Atlantiku u li dan l-aħħar reġgħu lura lejn ir-reġjun tal-Afrika tal-Punent fil-qafas tal-Protokolli u l-Ftehimiet ta' bejn l-UE u l-Mawritanja, il-Ginea-Bissaw, il-Kap Verde u l-Gambja. Il-bastimenti jkunu jgawdu wkoll mit-tiġdid tal-Protokoll u l-Ftehim mas-Senegal, għax dan ikun jippermettilhom ikopru ż-żona tas-sajd kumplementarja għall-qabda primarja tagħhom.

Barra minn hekk, l-aħħar analiżi li saret mill-esperti turi li l-istokkijiet tal-merluzz fl-ilmijiet tas-Senegal mhumiex sfruttati għalkollox. L-esperti jikkonkludu li mingħajr ma tiżdied aktar pressjoni fuq l-istokkijiet, qabda ta' 2 000 tunnellata ta' speċijiet demersali tista' tkun parti minn ftehim ulterjuri bejn l-UE u r-Repubblika tas-Senegal. Din il-kwota ta' speċijiet demersali tkun tista' tiġi koperta b'żewġ bastimenti tat-tkarkir biss, li jkun ikollhom ukoll l-attività tagħhom irregolata bil-Ftehim il-ġdid u l-Protokoll il-ġdid. L-analiżi turi li għandu jkun hemm xi kundizzjonijiet rigward il-kwantità tal-qbid inċidentali, filwaqt li hu stmat li qabda inċidentali ta' 580 tunnellata għall-kwota kollha ta' qbid inċidentali tal-UE f'sajd tal-merluzz m'għandhiex tiġi awtorizzata.

Abbażi tal-istokkijiet ta' ħut disponibbli u l-prospett ta' kooperazzjoni futura għal tipi oħra ta' ħut, kif ukoll l-opportunità li l-industrija tas-sajd lokali tiġi żviluppata fi sħubija mal-bastimenti tal-UE, u li s-suq tal-UE jiġi pprovdut prodotti tal-ħut ta' kwalità, li jrendu lil dan il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd ġdid u l-Protokoll fl-interess taż-żewġ partijiet, ir-rapporteur tirrakkomanda l-approvazzjoni tal-PE.

10.12.2014

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea ta' Ftehim, ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u r-Repubblika tas-Senegal u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

(12812/2014 – C8-0276/2014 – 2014/0238(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Norbert Neuser

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Dan il-Ftehim u l-Protokoll iridu jkunu konformi mar-regolament il-ġdid dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li, għall-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPAs), jikkonċentra fuq is-sajd sostenibbli u governanza tajba, u jirrikonoxxi l-importanza ta' koerenza ta' politika bejn il-PKS u l-għanijiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE.

Jilqa' l-fatt li l-Protokoll ma jipprovdix aċċess għas-sardinella, - il-'ħut tal-foqra'. Din ir-riżorsa sfruttata b'mod eċċessiv hi kondiviża bejn il-Marokk, il-Mawritanja, is-Senegal u l-Ginea Bissaw, u l-UE għandha tipprovdi appoġġ, anke permezz tal-FEŻ, biex tippromwovi l-ġestjoni reġjonali tas-sardinella, filwaqt li tingħata prijorità lil dawk li l-aktar jistadu b'mod sostenibbli, u li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel.

Fir-rigward tal-aċċess għall-merluzz, li l-istat tal-istokkijiet tiegħu huwa inċert u possibbilment sfruttat b'mod eċċessiv, għandu jiġi segwit l-approċċ ta' prekawzjoni. Se jkun importanti ħafna li l-attivitajiet tal-bastiment tat-tkarkir tal-UE jiġu sorveljati mill-qrib sabiex ikun żgurat li ma jaffettwawx b'mod negattiv lis-settur tas-sajd lokali. Bl-istess mod huwa importanti li jkun żgurat li l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom joperaw taħt il-Protokoll jilħqu r-rekwiżiti tar-rapportar annwali tagħhom.

Governanza tajba tirrikjedi li t-trasparenza u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati jiġu garantiti tul il-Protokoll kollu. Dan jista' jiġi ffaċilitat billi r-rapporti tal-kumitat konġunt tal-SFPA bejn l-UE u s-Senegal isiru pubbliċi, u permezz tal-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati - inkluż ir-rappreżentanti tal-komunitajiet tas-sajd - fil-ħidma tal-kumitat konġunt.

Ir-rapporteur jilqa' l-appoġġ ta' EUR 750 000 fis-sena għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd tas-Senegal. Dan l-appoġġ għandu jissodisfa l-ħtiġijiet tar-Repubblika tas-Senegal fir-rigward tal-appoġġ għar-riċerka xjentifika, għall-monitoraġġ u l-ġlieda kontra s-sajd illegali u għas-sajd fuq skala żgħira, fosthom għar-riabilitazzjoni ta’ ekosistemi li jkunu ġew iddegradati sabiex l-istokkijiet ta’ ħut li jkun għadu qed jikber ikunu jistgħu jirkupraw.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għall-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Piernicola Pedicini

20.1.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u r-Repubblika tas-Senegal u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

(12812/14 – C8-0276/2014 – 2014/0238(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Indrek Tarand

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Abbażi tas-setgħa mogħtija lilha mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea wettqet negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea, għat-tiġdid tal-Ftehim bejn il-Gvern tas-Senegal u l-Komunità Ekonomika Ewropea dwar is-sajd lil hinn mill-kosta tas-Senegal, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1981, u Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja. Fl-aħħar tan-negozjati, in-negozjaturi inizjalaw abbozzi ta’ Ftehim u Protokoll ġodda fil-25 ta’ April 2014. Il-Ftehim il-ġdid iħassar u jieħu post il-Ftehim eżistenti; ikopri perjodu ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu u jiġġedded permezz ta' ftehim taċitu.

L-għan tal-Protokoll huwa li jagħti opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tas-Senegal bil-kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli, b’mod speċjali dawk tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF), u, teoretikament, skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli. L-għan huwa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u s-Senegal sabiex jiġu promossi politika tas-sajd sostenibbli u użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tas-Senegal, fl-interess taż-żewġ partijiet

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA: id-dikjarazzjoni finanzjarja annessa mal-abbozz ta' Ftehim tistabbilixxi ammont kumplessiv ta' EUR 9,61 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament mill-2014 sal-2018 (li jinkludi l-ispejjeż amministrattivi għall-ġestjoni tal-Ftehim, iffinanzjati mill-pakkett ta' programmi speċifiċi).

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali ġiet stabbilita għal:

•EUR 1 808 000 għall-ewwel sena,

•EUR 1 738 000 għat-tieni, it-tielet u r-raba' sena,

•EUR 1 668 000 għall-ħames sena,

abbażi ta':

1. tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 14 000 tunnellata għat-tonn u ammont awtorizzat ta’ qbid ta’ 2 000 tunnellata għall-marlozz l-iswed, u l-ammonti marbutin ma’ tali aċċess huma ta’ EUR 1 058 000 għall-ewwel sena, EUR 988 000 għat-tieni, it-tielet u r-raba’ sena u ta’ EUR 918 000 għall-ħames sena; kif ukoll

2. appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tas-Senegal li jammonta għal EUR 750 000 fis-sena.

L-appoġġ settorjali previst mill-protokoll jilħaq l-għanijiet tal-politika nazzjonali tas-sajd u b’mod partikulari l-ħtiġijiet tar-Repubblika tas-Senegal fir-rigward tal-appoġġ għar-riċerka xjentifika, għall-monitoraġġ u l-ġlieda kontra s-sajd illegali u għas-sajd fuq skala żgħira, fosthom ir-riabilitazzjoni ta’ ekosistemi ddegradati sabiex l-istokkijiet ta’ ħut li jkun għadu qed jikber ikunu jistgħu jirkupraw. Madankollu, kieku kien hemm aktar involviment mis-settur lokali tas-Senegal fin-negozjati kien ikun hemm aktar trasparenza.

Fir-rigward tas-sajd għall-marlozz, il-parir xjentifiku riċenti huwa kemmxejn kontradittorju, iżda b'mod ġenerali jissuġġerixxi li sar sajd eċċessiv tal-istokk u li ma hemm l-ebda, jew hemm ftit ħafna, ħut żejjed biex jinqabad mill-UE. Huwa importanti wkoll li jkun żgurat li l-ġestjoni ta' dan is-sajd titwettaq fuq bażi reġjonali.

******

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkludi dan li ġej fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva:

•     Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-programm settorjali plurijennali deskritt fl-Artikolu 4 tal-Protokoll, kif ukoll dwar il-konformità mill-Istati Membri mar-rekwiżiti ta' rappurtar;

 Jistieden lill-Kummissjoni tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill, qabel ma jiskadi l-Protokoll jew qabel ma jibdew in-negozjati għas-sostituzzjoni possibbli tiegħu, evalwazzjoni ex post tal-Protokoll, inkluż analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureșan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Pina Picierno, Patricija Šulin, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Tamás Deutsch, Anneli Jäätteenmäki, Georgios Kyrtsos, Stanisław Ożóg, Andrej Plenković, Alfred Sant, Ivan Štefanec

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Linnéa Engström, João Ferreira, Raymond Finch, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, José Blanco López, Verónica Lope Fontagné, Francisco José Millán Mon, Laurențiu Rebega

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi

Avviż legali