Proċedura : 2014/2154(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0012/2015

Testi mressqa :

A8-0012/2015

Dibattiti :

PV 10/02/2015 - 13
CRE 10/02/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.21
CRE 11/02/2015 - 9.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0035

RAPPORT     
PDF 224kWORD 137k
27.1.2015
PE 539.818v02-00 A8-0012/2015

dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE

(2014/2154(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Charles Goerens

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE

(2014/2154(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1) (il-"Ftehim ta' Cotonou"), skont kif ġie emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005(2) u kif ġie emendat għat-tieni darba f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, skont kif ġie emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005(4),

–       wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, skont kif adottati fit-3 ta' April 2003(5) u emendati l-aħħar f'Addis Ababa (l-Etjopja) fis-27 ta' Novembru 2013(6),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014–2020(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp(8),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar il-preparazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali dwar il-finanzjament tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej għall-perjodu mill-2014 sal-2020 (il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp)(9),

–       wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, tad-disa' u tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2012, u tat-3 ta' April 2014 dwar l-għeluq tal-kontijiet tat-tmien, id-disa' u l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2012, u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 li tinkludi osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tat-tmien, id-disa' u l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2012(10),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fis-27 ta' Novembru 2013 dwar: ir-rispett għall-istat tad-dritt u r-rwol ta' ġudikatura imparzjali u indipendenti; il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u l-kooperazzjoni trijangulari: opportunitajiet u sfidi għall-pajjiżi AKP; l-impatt soċjali u ambjentali tal-pastoraliżmu fil-pajjiżi AKP, u s-sigurtà fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fid-19 ta' Ġunju 2013 dwar: it-theddid mill-ġdid għad-demokrazija u l-istabbiltà politika li ġej mill-kolpi ta' Stat mill-militari fil-pajjiżi AKP, u r-rwol tal-komunità internazzjonali; il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika - il-passi li jmiss; riżorsi umani għas-saħħa fil-pajjiżi AKP; is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Ginea, u s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fid-29 ta' Novembru 2012 dwar: il-kriżi politika u umanitarja fis-Somalja: l-isfidi għall-Unjoni Ewropea u l-Grupp AKP; l-intraprenditorija bbażata fuq l-ICT u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp fil-pajjiżi AKP; u l-importanza tal-aċċess għall-enerġija għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta fit-30 ta' Mejju 2012 dwar: l-impatt politiku tal-konflitt Libjan fuq Stati ġirien AKP u tal-UE; il-volatilità tal-prezzijiet, il-funzjonament tas-swieq globali għall-prodotti agrikoli u l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi AKP; u l-impatt soċjali u ambjentali tat-tħaffir fil-minjieri fil-pajjiżi AKP,

–       wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fid-19 ta' Lulju 2013 f'Abuja (in-Niġerja) matul il-laqgħa reġjonali tal-Afrika tal-Punent tal-Assemblea Parlamentari Konġunta(11),

–       wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fis-16 ta' Frar 2013 f'Santo Domingo (ir-Repubblika Dominikana) matul il-laqgħa reġjonali tal-Karibew tal-Assemblea Parlamentari Konġunta(12),

–       wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fl-20 ta' Lulju 2012 f'Apja (Samoa) matul il-laqgħa reġjonali tal-Paċifiku tal-Assemblea Parlamentari Konġunta(13),

–       wara li kkunsidra l-Communiqué adottat fl-24 ta' Frar 2012 f'Lusaka (iż-Żambja) matul il-laqgħa reġjonali tan-Nofsinhar tal-Afrika tal-Assemblea Parlamentari Konġunta(14),

–       wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta adottat fid-19 ta' Ġunju 2013 għall-Membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE li jipparteċipaw f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU tat-18 ta' Settembru 2000, li tistipula l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju bħala objettivi stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitulat “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0012/2015),

A.     billi l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE għandha status uniku, peress li hija l-unika assemblea interparlamentari pluriennali stabbilita bis-saħħa ta' ftehim internazzjonali, il-Ftehim ta' Cotonou;

B.     billi l-Assemblea Parlamentari Konġunta żviluppat f'assemblea parlamentari ġenwina li toffri forum għal diskussjoni miftuħa u trasparenti dwar kwistjonijiet li huma ċentrali għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u tagħti kontribut konsiderevoli għas-sħubija f'livell uniformi bejn il-pajjiżi AKP u l-UE;

C.     billi l-Ftehim ta' Cotonou bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati AKP u l-UE huwa ċċentrat fuq il-mira tat-tnaqqis u eventwalment l-eliminazzjoni tal-faqar; billi l-kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi wkoll għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, li huwa bażi għal paċi u sigurtà dejjiema u għall-istabbiltà politika u demokratika fil-pajjiżi AKP;

D.     billi fl-2013 ġew organizzati missjonijiet ta' tiftix tal-fatti f'Mali, biex tiġi mifhuma aħjar is-sitwazzjoni fraġli tal-pajjiż, fil-Liberja biex jingħata kontribut għad-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, u f'Ħaiti biex tiġi vverifikata r-rikostruzzjoni u s-sitwazzjoni politika;

E.     billi, wara l-adozzjoni mill-Assemblea ta' Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tagħha li jipparteċipaw f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, inħalqet dinamika ġdida li tikkontribwixxi għall-valur miżjud, bħal fil-każ tal-missjonijiet konġunti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta għall-elezzjonijiet presidenzjali f'Mali u l-elezzjonijiet parlamentari u t-tieni sessjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Madagaskar;

F.     billi r-reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou fl-2010 saħħet ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u d-dimensjoni reġjonali tagħha;

G.     billi l-involviment sħiħ tal-Assemblea Parlamentari Konġunta għandu jiġi żgurat fil-qafas tad-djalogu politiku mwettaq skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;

H.     billi tkun ħaġa importanti li jiġi stimulat djalogu informali regolari bbażat fuq analiżi sostanzjali ma' kategoriji differenti ta' atturi uffiċjali u mhux uffiċjali rilevanti fi ċrieki AKP-UE (l-Assemblea Parlamentari Konġunta, il-Kunsill AKP-UE, is-settur privat AKP-UE u djalogi mas-soċjetà ċivili) u fi ċrieki oħrajn li m'għandhomx interess dirett fid-dinja AKP-UE;

I.      billi mill-2003 sal-2013 kważi s-sessjonijiet Ewropej kollha tal-Assemblea Parlamentari Konġunta saru, bi prinċipju, fil-pajjiż detentur tal-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; billi l-Presidenzi b'rotazzjoni jeħtiġilhom jirrispettaw l-impenji meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou f'dan ir-rigward;

J.      billi l-emerġenza rapida tal-BRICS (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t'Isfel) u ta' ekonomiji emerġenti oħrajn fil-livell globali u fil-pajjiżi u r-reġjuni AKP qed ikollha impatt dejjem akbar fuq il-Grupp AKP u fuq l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-AKP u l-UE;

K.     billi skont ir-regoli l-ġodda li jirregolaw l-ivvjaġġar adottati mill-Bureau tal-Parlament Ewropew, l-assistenti parlamentari akkreditati ma jistgħux jassistu aktar lill-Membri waqt is-sessjonijiet plenarji tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, fatt li għandu impatt konsiderevoli fuq il-ħidma parlamentari;

1.      Jilqa' l-fatt li l-Assemblea Parlamentari Konġunta, bħala waħda mill-istituzzjonijiet konġunti tal-Ftehim ta' Cotonou, tkompli tipprovdi qafas għal djalogu miftuħ, demokratiku u komprensiv bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari tal-pajjiżi AKP dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, inklużi l-iskrutinju tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp skont il-FEŻ u l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika; jilqa' l-kapaċità tal-Assemblea Parlamentari Konġunta li tkun forum li fih ikunu jistgħu jiġu diskussi suġġetti diffiċli u kontroversjali b'mod trasparenti u miftuħ; jappella, għalhekk, sabiex il-ftehim futur, li jieħu post il-Ftehim ta' Cotonou, ikun isemmi espliċitament in-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, kif mitlub f'diversi okkażjonijiet mill-Parlament Ewropew;

2.      Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu politiku u, f'dan ir-rigward, jisħaq fuq ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari Konġunta biex tippromwovi u tiddefendi l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari dawk relatati mal-istat tad-dritt u l-governanza tajba;

3.      Jisħaq fuq il-valur miżjud marbut mal-fatt li s-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta jsiru fl-Istati Membri tal-UE li jeżerċitaw il-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE, u jemmen li din ir-rotazzjoni għandha tinżamm fil-futur; jesprimi tħassib dwar iċ-ċirkostanzi infeliċi li wasslu sabiex il-Presidenza Irlandiża ma tospitax il-25 sessjoni; jifraħ, madankollu, lill-Gvern tad-Danimarka talli qabel li jospita t-23 sessjoni f'Horsens, liema sessjoni kisbet suċċess kbir u ppermettiet li jiġu stabbiliti rabtiet kulturali u edukattivi bejn iċ-ċittadini ta' Horsens u d-delegati tal-AKP; jiddeplora n-nuqqas ta' interess li wrew ċerti Stati Membri tal-UE li eżerċitaw, jew huma mistennija jeżerċitaw fil-futur, il-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE biex jospitaw is-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta; jistieden lil kwalunkwe Stat Membru tal-UE li jeżerċita l-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE biex jinvolvi ruħu b'mod aktar profond fit-tħejjija, l-organizzazzjoni u l-ospitar tas-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;

4.      Jissottolinja l-importanza tal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, inklużi l-laqgħat tal-kumitati permanenti, iżda jiddispjaċih għall-inugwaljanza li ta' spiss kien hemm fil-parteċipazzjoni min-naħa tal-membri tal-UE u l-membri tal-AKP u jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-Membri tal-PE, b'mod partikolari waqt is-sessjonijiet ta' votazzjoni; jinnota li l-parteċipazzjoni kienet aktar uniformi fil-missjonijiet, bħalma huma l-laqgħat reġjonali, u jittama li dawn l-eżempji jiġu segwiti għal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta fi Brussell fil-futur;

5.      Ifakkar fl-impenn li esprimiet il-Viċi President/Rappreżentant Għoli uxxenti favur li l-Kunsill tal-UE għandu jkun irrappreżentat fil-livell ministerjali fis-sessjonijiet tal-Assemblea u jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli li jmiss tirrispetta dan l-impenn;

6.      Ifakkar fl-obbligu tal-Kunsill AKP-UE li jipprovdi rapport annwali lill-Assemblea dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Cotonou, li għandu jinkludi elementi dwar l-impatt politiku, soċjoekonomiku u ambjentali, aktar milli sempliċi rendikont tal-laqgħat miżmuma;

7.      Ifakkar li, skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, l-istituzzjonijiet konġunti għandhom jaħdmu biex jiżguraw koordinazzjoni, koerenza u komplementarjetà, kif ukoll fluss effettiv u reċiproku ta' informazzjoni; huwa tal-opinjoni li, peress li l-President tal-Parlament Ewropew jiġi mistieden għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, iż-żewġ Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta għandhom jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fis-sessjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri Konġunt AKP-UE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni eżistenti u tiżgura li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tiġi mistiedna tipparteċipa fil-Kunsill Konġunt li jmiss;

8.      Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u l-atturi mhux statali tal-AKP fil-fażijiet preparatorji u fil-monitoraġġ tad-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi u tad-Dokumenti ta' Strateġija Reġjonali u fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet AKP jiggarantixxu l-involviment tagħhom billi jipprovdu l-informazzjoni kollha disponibbli lill-parlamenti tal-pajjiżi AKP fi żmien debitu u billi jgħinuhom fl-eżerċizzju tal-iskrutinju demokratiku, b'mod partikolari permezz tal-bini tal-kapaċitajiet;

9.      Jieħu nota tal-ħidma tal-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew dwar l-iskrutinju fil-valutazzjoni u fil-monitoraġġ tad-dokumenti ta' pprogrammar għall-pajjiżi u r-reġjuni AKP fil-qafas tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u jitlob li jkun hemm proċedura ta' rappurtar lill-membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta dwar l-eżiti ta' dan il-proċess;

10.    Ifaħħar lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta talli wettaq ħidma lil hinn minn kwistjonijiet purament amministrattivi u talli uża l-laqgħat tiegħu anke għal diskussjonijiet politiċi, billi inkluda fl-aġenda tal-laqgħat tiegħu fi Brussell u f'Addis Ababa kwistjonijiet sostantivi ta' tħassib reċiproku, bħall-"futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020"; jappella sabiex din il-prattika titkompla fil-futur;

11.    Jistieden lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta jiżviluppa orjentazzjoni aktar strateġika dwar il-programm ta' ħidma tal-Assemblea u l-għażla ta' rapporti mill-kumitati permanenti tagħha, filwaqt li jiżgura li r-rapporti huma marbutin mill-qrib mal-objettivi strateġiċi tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u jikkontribwixxu b'mod partikolari għan-negozjati dwar il-qafas ta' żvilupp ta' wara l-2015 u r-relazzjonijiet UE-AKP wara l-2020;

12.    Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjonijiet politiċi u umanitarji f'bosta pajjiżi u reġjuni AKP, inklużi r-riperkussjonijiet domestiċi u esterni ta' tali sitwazzjonijiet f'diversi livelli, u jesprimi solidarjetà mal-popolazzjonijiet milquta; jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tkompli twettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi AKP li jinsabu fi kriżi, tagħti aktar attenzjoni lis-sitwazzjonijiet ta' fraġilità tal-Istati u tistieden lill-Istati AKP u lill-Istati tal-UE jiġġieldu b'mod ikkoordinat kontra t-tifqigħa tal-virus tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika;

13.    Jilqa' n-natura dejjem aktar parlamentari – u għaldaqstant politika – tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, kif ukoll ir-rwol dejjem aktar attiv li qed jiżvolġu l-membri tagħha u l-kwalità ogħla tad-dibattiti tagħha, fatturi li qed jgħinuha tagħti kontribut essenzjali għas-sħubija bejn l-AKP u l-UE; jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ssaħħaħ id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem f'konformità mad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Ftehim ta' Cotonou, u tqiegħed dan id-djalogu fuq l-aġendi tagħha bħala punt rikorrenti;

14.    Jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu responsabbiltà politika li jieħu inkonsiderazzjoni l-opinjoni tal-parlamenti AKP dwar l-eżitu tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu;

15.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-AKP u l-UE ta' wara l-2020 u l-futur tal-grupp AKP għadha għaddejja, u jisħaq fuq l-importanza tar-rwol li l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandu jkollha f'dan il-proċess; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' sorveljanza parlamentari konġunta komprensiva u msaħħa, indipendentement mill-eżitu finali; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe ftehim futur li jieħu post il-Ftehim ta' Cotonou għandu jsemmi espliċitament in-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, kif mitlub f'diversi okkażjonijiet mill-Parlament Ewropew;

16.    Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar l-adozzjoni u d-diskussjoni ta' leġiżlazzjoni li tkompli tikkriminalizza l-omosesswalità f'xi wħud mill-pajjiżi AKP; jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tqiegħed dan il-punt fuq l-aġenda tad-dibattiti tagħha; jappella għall-infurzar tal-prinċipju ta' klawsoli mhux negozzjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta' sanzjonijiet fuq min jonqos milli jirrispetta tali klawsoli, fost l-oħrajn fir-rigward ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru u diskriminazzjoni kontra nies li għandhom l-HIV/AIDS;

17.    Iqis li d-diskussjoni dwar il-futur ta' Cotonou għandha tkun okkażjoni għal analiżi bir-reqqa kemm tal-falliment u kemm tas-suċċess tal-ftehim attwali f'termini ta' żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli tal-pajjiżi AKP; jemmen ukoll li kwalunkwe kooperazzjoni futura bejn l-AKP u l-UE fil-qasam tal-iżvilupp u f'dak ekonomiku, kif ukoll l-arranġamenti ta' kummerċ u ta' investiment, għandhom jiżguraw li l-ebda pajjiż AKP ma jitħalla f'sitwazzjoni anqas vantaġġuża;

18.    Jistieden lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta biex jaħtar, fi ħdan l-Assemblea Parlamentari Konġunta, żewġ korapporteurs permanenti dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD), biex jaħdem mill-qrib mar-rapporteur permanenti tal-Parlament Ewropew dwar il-PCD u biex jippreżenta rapport darbtejn fis-sena dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut;

19.    Jemmen li, fil-waqt tas-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, għandhom isiru laqgħat ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-pajjiżi kkonċernati; l-idea hi li titrawwem viżjoni usa' u li jittieħed vantaġġ mill-esperjenza u mill-attivitajiet tagħhom, filwaqt li tiġi enfasizzata l-aħjar prattika, bil-għan li jissawru rabtiet aktar mill-qrib ma' dawk l-organizzazzjonijiet;

20.    Jinsisti li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi AKP għandhom iservu objettivi ta' żvilupp li jirriflettu kemm l-interessi nazzjonali reġjonali kif ukoll il-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi AKP sabiex jitnaqqas il-faqar, jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi drittijiet soċjoekonomiċi bħad-dritt għall-ikel jew id-dritt ta' aċċess għal servizzi pubbliċi bażiċi;

21.    Jistieden lill-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-AKP tiżviluppa approċċ komuni għat-tfassil tal-qafas ta' żvilupp futur wara l-2015; jinkoraġġixxi l-involviment tal-membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta fin-negozjati dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli ġodda;

22.    Jilqa' l-fatt li fl-2012 u fl-2013 saru laqgħat reġjonali ta' suċċess, kif previst fil-Ftehim ta' Cotonou u fir-Regoli ta' Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Konġunta; jirrikonoxxi li dawn il-laqgħat jikkostitwixxu skambju ġenwin ta' fehmiet dwar kwistjonijiet reġjonali, inklużi l-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' konflitti, l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali, u n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika kompatibbli mad-WTO; ifaħħar lill-organizzaturi tal-laqgħat ta' suċċess fin-Niġerja, fir-Repubblika Dominikana, f'Samoa u fiż-Żambja;

23.    Jisħaq fuq l-importanza tas-sessjonijiet ta' ħidma organizzati waqt is-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, li jikkomplementaw id-dibattiti fis-seduti plenarji; jistieden lill-Bureau, li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tas-segwitu għar-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Assemblea, biex isaħħaħ ir-rwol tiegħu u jwettaq il-ħidma ta' segwitu flimkien mal-president u mar-rapporteur tal-kumitat permanenti kkonċernat;

24.    Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Ko-President tal-PE tal-Assemblea Parlamentari Konġunta fil-laqgħat informali tal-Ministri għall-Iżvilupp tal-UE u fis-7 Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern AKP;

25.    Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-prattika li tipprovdi tweġibiet bil-miktub minn qabel għall-mistoqsijiet orali mressqa f'kull sessjoni tal-Assemblea;

26.    Jistieden lill-Istati li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Ftehim ta' Cotonou rivedut;

27.    Ifaħħar lill-Kummissarju Piebalgs għall-involviment dedikat tiegħu u għall-kwalità għolja tal-kontribut tiegħu għall-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta;

28.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tad-Danimarka, is-Surinam, l-Irlanda u l-Etjopja.

(1)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)

ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

(3)

ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0273.

(5)

ĠU C 231, 26.9.2003, p. 68.

(6)

ĠU C 64, 4.3.2014.

(7)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

(8)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2013)0076.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2014)0290.

(11)

APP 101.509.

(12)

APP 101.351.

(13)

http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/2012_samoa/pdf/apia_communique_fin_en.pdf

(14)

http://www.europarl.europa.eu/intcoop/acp/2012_lusaka/pdf/lusaka_communique_final_en.pdf


NOTA SPJEGATTIVA

Skont it-termini tal-Ftehim ta' Cotonou, l-Assemblea Parlamentari Konġunta ltaqgħet erba' darbiet, fl-2012 u l-2013.

It-23 sessjoni nżammet fid-Danimarka mit-28 sat-30 ta' Mejju u l-24 sessjoni f'Paramaribo (is-Surinam) mis-27 sad-29 ta' Novembru 2012. Il-25 sessjoni nżammet fi Brussell mis-17 sad-19 ta' Ġunju u s-26 sessjoni f'Addis Ababa (l-Etjopja) mill-25 sas-27 ta' Novembru 2013.

Andris Piebalgs, il-Membru tal-Kummissjoni responabbli għall-iżvilupp, indirizza l-Assemblea u l-Membri kellhom il-Ħin għall-Mistoqsijiet tas-soltu miegħu. Il-Presidenti fil-Kariga suċċessivi tal-Kunsilli tal-AKP u tal-UE attendew is-sessjonijiet.

Waqt is-sessjonijiet tal-2012, ġew adottati disa' riżoluzzjonijiet u dikjarazzjoni waħda. Waqt is-sessjonijiet tal-2013, ġew adottati disa' riżoluzzjonijiet. Il-laqgħat reġjonali fl-2012 inżammu f'Lusaka (iż-Żambja) u f'Apja (Samoa). Il-laqgħat reġjonali fl-2013 inżammu f'Santo Domingo (ir-Repubblika Dominikana) u f'Abuja (in-Niġerja).

It-23 sessjoni f'Horsens (id-Danimarka)

It-23 sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE adottat tliet riżoluzzjonijiet ippreparati mill-kumitati permanenti dwar:

 l-impatt politiku tal-konflitt Libjan fuq Stati ġirien tal-AKP u tal-UE;

 il-volatilità tal-prezzijiet, il-funzjonament tas-swieq globali għall-prodotti agrikoli u l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi AKP;

 l-impatt soċjali u ambjentali tat-tħaffir fil-minjieri fil-pajjiżi AKP,

kif ukoll riżoluzzjoni urġenti dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja rigward is-sigurtà.

L-Assemblea adottat ukoll Dikjarazzjoni dwar ir-riforma tal-politika Ewropea dwar is-sajd u l-impatt tagħha fuq il-pajjiżi AKP.

Il-Ko-Presidenti ħarġu tliet dikjarazzjonijiet: is-sitwazzjoni f'Mali; is-sitwazzjoni politika fil-Madagaskar; is-sitwazzjoni fis-Sudan u s-Sudan t'Isfel.

L-24 sessjoni f'Paramaribo (is-Surinam)

L-24 sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE adottat tliet riżoluzzjonijiet ippreparati mill-kumitati permanenti dwar:

 reazzjoni għall-kriżi politika u umanitarja fis-Somalja: l-isfidi għall-Unjoni Ewropea u l-Grupp AKP;

 l-intraprenditorija bbażata fuq l-ICT u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp fil-pajjiżi AKP;

 l-importanza tal-aċċess għall-enerġija għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

kif ukoll żewġ riżoluzzjonijiet urġenti dwar:

 is-sitwazzjoni f'Mali u

 is-sitwazzjoni tal-instabbiltà u nuqqas ta' sigurtà fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar u, b'mod partikolari, fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Il-Ko-Presidenti ħarġu erba' dikjarazzjonijiet: is-sitwazzjoni f'Mali u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; lil hinn mill-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou; u l-qbid mingħajr permess ta' iljunfanti Afrikani.

Il-25 sessjoni fi Brussell (il-Belġju)

Il-25 sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta nżammet fi Brussell (il-Belġju), minħabba l-fatt li l-Irlanda, li qiegħda teżerċita l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE, irrifjutat li torganizzaha fl-Irlanda minkejja l-insistenza tal-Membri tal-Assemblea mill-AKP u mill-UE, u b'hekk kisret tradizzjoni antika u marret kontra l-ispirtu tal-Ftehim ta' Cotonou u r-Regoli ta' Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Konġunta.

L-Assemblea adottat tliet riżoluzzjonijiet ippreparati mill-kumitati permanenti dwar:

 it-theddid mill-ġdid għad-demokrazija u l-istabbiltà politika li ġej mill-kolpi ta' Stat mill-militari fil-pajjiżi AKP, u r-rwol tal-komunità internazzjonali;

 il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika - il-passi li jmiss;

 riżorsi umani għas-saħħa fil-pajjiżi AKP,

kif ukoll żewġ riżoluzzjonijiet urġenti dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Ginea u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, emendi għar-Regoli ta' Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u kodiċi ta' kondotta għall-membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE li jipparteċipaw f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali.

Il-Ko-Presidenti ħarġu żewġ dikjarazzjonijiet dwar l-Eritrea u l-Madagaskar.

Is-26 sessjoni f'Addis Ababa (l-Etjopja)

Is-26 sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta nżammet f'Addis Ababa (l-Etjopja).

L-Assemblea adottat tliet riżoluzzjonijiet ippreparati mill-kumitati permanenti dwar:

 ir-rispett għall-istat tad-dritt u r-rwol ta' ġudikatura imparzjali u indipendenti;

 il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar u l-kooperazzjoni trijangulari: opportunitajiet u sfidi għall-pajjiżi AKP;

 l-impatti soċjali u ambjentali tal-pastoraliżmu għall-pajjiżi AKP,

kif ukoll riżoluzzjoni urġenti dwar is-sigurtà fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar.

Il-Ko-Presidenti ħarġu erba' dikjarazzjonijiet dwar it-traġedja ta' Lampedusa, il-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, ir-Repubblika tal-Madagaskar u d-Disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO.

Kumitati permanenti: Il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, il-Kumitat għall-Iżvilupp Ekonomiku, il-Finanzi u l-Kummerċ u l-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u l-Ambjent

It-tliet kumitati permanenti ltaqgħu erba' darbiet, kemm fl-2012 kif ukoll fl-2013; flimkien mal-erba' sessjonijiet (f'Horsens, f'Paramaribo, fi Brussell u f'Addis Ababa) u darbtejn fis-sena (fi Brussell) waqt l-intersessjonijiet. Ir-rwol ewlieni tal-Kumitati Permanenti huwa li jfasslu rapporti dwar il-kwistjonijiet ta' tħassib reċiproku, kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u ta' żvilupp soċjali li jirriżultaw f'riżoluzzjonijiet adottati fis-sessjonijiet plenarji (massimu ta' sitt rapporti fis-sena).

Rwol importanti ieħor tal-Kumitat għall-Iżvilupp Ekonomiku, il-Finanzi u l-Kummerċ huwa li jippermetti li l-membri jwettqu monitoraġġ tal-użu li jsir minn strument ta' importanza fundamentali għar-relazzjoni bejn l-AKP u l-UE, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), li jgħin biex jiġi rimedjat defiċit demokratiku billi l-iskrutinju parlamentari fuq il-FEŻ fil-passat kien nieqes b'mod notevoli fil-pajjiżi AKP.

Barra dan, il-Kumitati jsegwu l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi skrutinju parlamentari u djalogu profond dwar l-azzjonijiet meħuda.

Minħabba attendenza baxxa ħafna mill-membri tal-Parlament Ewropew, il-membri AKP talbu li l-laqgħat tal-Kumitat isiru f'dati oħrajn, sabiex b'hekk ma jaħbtux ma' attivitajiet parlamentari Ewropej oħrajn bħalma jiġri meta jinżammu fi Brussell. Il-laqgħat tal-intersessjonijiet tressqu mill-Erbgħa u l-Ħamis għall-Ħamis u l-Ġimgħa, fatt li taffa xi ftit il-pressjoni fuq is-servizzi tal-interpretazzjoni, iżda ma wassalx għal żieda fl-attendenza tal-Membri tal-PE.

Missjoni ta' tiftix tal-fatti

Il-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE wettaq missjoni ta' tiftix tal-fatti għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea f'Ispra (l-Italja) f'Marzu 2012 u missjoni fil-Fiġi f'Lulju 2012 biex jivvaluta l-progress magħmul mill-awtoritajiet biex il-pajjiż jerġa' jikseb ordni kostituzzjonali u demokrazija parlamentari.

Il-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta organizza tliet missjonijiet ta' tiftix tal-fatti fl-2013.

Il-missjoni f'Mali pprovdiet għarfien dwar is-sitwazzjoni politika fraġli u valutazzjoni tat-tħejjija tal-awtoritajiet ta' Mali biex jagħmlu elezzjonijiet.

Il-missjoni fil-Liberja kkontribwixxiet għad-djalogu politiku fil-livell parlamentari kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou u kif issuġġerit mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Ashton. Id-diskussjonijiet mal-awtoritajiet, mal-Membri tal-Parlament kif ukoll mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali qajmu kwistjonijiet dwar il-governanza tajba, inklużi skrutinju parlamentari dwar l-appoġġ baġitarju u l-organizzazzjoni tal-leġiżlatura.

Il-missjoni f'Ħaiti kienet segwitu tal-missjoni tal-2010, li l-għan tagħha kien li jiġi vverifikat l-istatus tar-rikostruzzjoni u l-iżviluppi politiċi, f'pajjiż li qed iħabbat wiċċu ma' staġnar politiku.

Missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali

Il-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta organizza wkoll żewġ missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, waħda għall-elezzjonijiet presidenzjali ta' Mali f'Lulju 2013 u oħra għall-elezzjonijiet Parlamentari u t-tieni fażi tal-elezzjonijiet Presidenzjali fil-Madagaskar f'Diċembru 2013.

Fid-19 ta' Ġunju 2013 l-Assemblea adottat Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE li jipparteċipaw f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali.

L-iżviluppi futuri

Permezz tal-kwalità tal-ħidma tagħha, l-Assemblea rnexxielha tistabbilixxi ruħha bħala attur ewlieni fir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn l-AKP u l-UE. Kompliet twettaq monitoraġġ proattiv tal-iżviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi AKP, bl-għan li tippromwovi għanijiet ta' żvilupp u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inkluż ir-rispett għad-drittijiet soċjali fundamentali, id-demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt u governanza trasparenti u responsabbli li huma parti integrali minn żvilupp sostenibbli.

L-Assemblea kellha, u għad għandha, rwol ewlieni fil-monitoraġġ tan-negozjati u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika sabiex tiżgura li l-eżitu tan-negozjati jirrispetta l-iżvilupp u l-għanijiet ekonomiċi kif iddikjarat fil-mandat ta' Cotonou (2000). F'dan il-kuntest, tingħata enfasi partikolari għall-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali u subreġjonali.

Il-kooperazzjoni bejn l-AKP u l-UE hija bbażata fuq sistema legalment vinkolanti u l-eżistenza ta' istituzzjonijiet konġunti. Huwa importanti li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tkompli timmonitorja l-iżviluppi mill-qrib ħafna sabiex tiżgura li l-vuċi tagħha tinstema' meta jiġu kkunsidrati opzjonijiet u alternattivi li jridu jiġu stabbiliti wara l-iskadenza tal-Ftehim ta' Cotonou fl-2020. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe eżitu possibbli tan-negozjati bejn l-AKP u l-UE ta' wara l-2020, id-dimensjoni parlamentari tal-Assemblea Parlamentari Konġunta m'għandhiex titnaqqas, iżda għandu jibqa' jkollha rwol importanti fil-qafas ta' wara l-2020.


SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

Membri favur: 21

PPE: Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

 

S-D: Seb Dance, Doru-Claudian Frunzulică, Louis-Joseph Manscour, Linda McAvan, Norbert Neuser, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira

 

ECR: Nirj Deva

 

ALDE: Beatriz Becerra Basterrechea, Paavo Väyrynen

 

Verts/ALE: Heidi Hautala, Maria Heubuch

 

EFDD: Rosa D'Amato

Membri kontra: 2

EFDD: Nathan Gill

 

NI: Louis Aliot

Membri li astjenew: 2

GUE/NGL: Kostas Chrysogonos, Lola Sánchez Caldentey


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Kostas Chrysogonos, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Seb Dance, Louis-Joseph Manscour

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D'Amato

Avviż legali