Proċedura : 2014/2217(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0015/2015

Testi mressqa :

A8-0015/2015

Dibattiti :

PV 09/03/2015 - 13
CRE 09/03/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0050

RAPPORT     
PDF 198kWORD 313k
28.1.2015
PE 541.538v03-00 A8-0015/2015

dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013

(2014/2217(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Marc Tarabella

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013

(2014/2217(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), tat-18 ta’ Diċembru 1979,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni tal-Oħrajn tal-1949,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin tal-15 ta’ Settembru 1995 adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5 (2000), Pekin +10 (2005) u Pekin +15 (2010),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu dwar in-nisa b’diżabilità, tat-13 ta’ Diċembru 2006,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(3),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(4),

–       wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (direttiva dwar in-nisa fuq bordijiet (COM(2012)0614)),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul),

–       wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) tas-7 ta' Marzu 2011(5),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 intitolata 'Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f’Isem il-Mara' (COM(2010)0078),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolat 'Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015' (COM(2010)0491),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2013 intitolat 'Rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015)' (SWD(2013)0339),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2013 intitolat 'Rapport dwar il-Progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2012' (SWD(2013)0171),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2013 intitolata 'Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili' (COM(2013)0833),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) intitolat 'Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE: Vjolenza fuq in-Nisa — Appoġġ għall-Vittmi',

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5-6 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, fosthom il-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa(6),

–       wara li kkunsidra d-Direttivi tal-UE mill-1975 'il quddiem dwar id-diversi aspetti tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel (Direttiva 2010/41/UE(7), Direttiva 2010/18/UE(8), Direttiva 2006/54/KE(9), Direttiva 2004/113/KE(10), Direttiva 92/85/KEE(11), Direttiva 86/613/KEE(12)u Direttiva 79/7/KEE(13)),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(14),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa(15),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar il-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa fl-UE(16),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE(17),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: L-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet(18),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-servizzi(19),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali(20),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(21), tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010(22), u tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011(23),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi(24),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar il-prijoritajiet u l-punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(25),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(26),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja(27),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni abbażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali(28),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi(29),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea(30),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(31),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni abbażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali(32),

–       wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (Direttiva dwar il-liv tal-maternità (COM(2008)0637)),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)(33)1,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2013 dwar l-objettivi ta' Barċellona intitolat 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv',

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2014 intitolat 'Data Statistika dwar l-Imprendituri Nisa fl-Ewropa',

–       wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ta’ Marzu 2014 intitolat 'Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha' li, għall-ewwel darba, ipprovda data dwar il-firxa, in-natura u l-konsegwenzi ta’ diversi forom ta’ vjolenza kontra n-nisa, kif ukoll ir-reazzjonijiet tal-vittmi ta’ inċidenti vjolenti u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0015/2015),

A.     billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija dritt fundamentali li jgawdi rikonoxximent taħt it-Trattati sa mit-Trattat ta’ Ruma tal-1957 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi, minkejja l-fatt li l-Unjoni Ewropea adottat għadd ta’ testi li jiżguraw opportunitajiet indaqs u trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa u li jiġġieldu kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u li l-Unjoni assumiet il-kompitu speċifiku li tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tagħha, għadu ma sarx biżżejjed progress u għadhom jippersistu ħafna inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa;

B.     billi l-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel jimplika li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, tkun xi tkun, diretta jew indiretta, anke fir-rigward tal-maternità, tal-paternità u tal-qsim tar-responsabilitajiet tal-familja;

C.     billi huwa kruċjali li jitqiesu forom differenti u trasversali ta’ diskriminazzjoni esperjenzati minn ħafna nisa u bniet fl-Ewropa (abbażi ta' diżabilità, sfond ta’ migrazzjoni, oriġini etnika, età, orjentazzjoni sesswali, identità sesswali, tqala, status tal-akkomodazzjoni, livell baxx ta’ edukazzjoni, il-fatt li jkunu vittmi ta’ vjolenza, eċċ.) u l-fatt li l-kundizzjonijiet tagħhom ħżienu matul dawn l-aħħar snin;

D.     billi l-istrateġija Ewropa 2020 għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva tinkludi fiha objettivi ambizzjużi, fosthom li r-rata ta' impjieg tilħaq il-75 % u li l-għadd ta' persuni milquta jew mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali jonqos b'tal-inqas 20 miljun minn issa tal-2020, miri li ma jistgħux jintlaħqu jekk l-Istati Membri ma jimplimentawx politiki innovattivi favur ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel;

E.     billi l-politiki ta' konsolidazzjoni fiskali li l-Istati Membri jridu jilħqu jolqtu prinċipalment lis-settur pubbliku, fejn in-nisa huma rappreżentati b'mod aktar qawwi waqt li huma l-akbar benefiċjarji tiegħu, u għaldaqstant qed jikkawżaw ħsara b'żewġ modi, u billi dawn il-politiki qegħdin iwasslu għal impjieg iktar prekarju, b'mod partikolari minħabba ż-żieda tax-xogħol part-time (32 % fost in-nisa meta kkumparat ma' 8.2 % fost l-irġiel) u ta' kuntratti temporanji, kif ukoll it-tnaqqis tal-pagi;

F.     billi hemm aktar nisa milli rġiel li jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni, speċjalment nisa anzjani, li l-livell tal-pensjoni medja tagħhom huwa ta' 39 % inqas minn dak tal-irġiel, u l-ommijiet waħedhom; billi, għal raġunijiet ta’ familja, huwa aktar komuni għan-nisa milli għall-irġiel li jaħdmu part-time jew b’kuntratti ta’ żmien fiss jew temporanju, u billi l-faqar tan-nisa huwa dovut l-aktar għall-prekarjetà tal-impjiegi tagħhom;

G.     billi l-ġlieda kontra l-faqar hija waħda mill-ħames miri tal-Kummissjoni li jistgħu jitkejlu proposti taħt l-istrateġija Ewropa 2020; billi l-Linja Gwida Integrata 10 tal-Istrateġija Ewropa 2020 (il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar) tista' tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' politiki nazzjonali biex jipproteġu lin-nisa, b'mod partikolari, mir-riskju tal-faqar, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tad-dħul għall-familji b'ġenitur wieħed u għan-nisa anzjani;

H.     billi r-rata tat-twelid li qed tonqos fl-UE saret aktar gravi minħabba l-kriżi, peress li l-qgħad, iċ-ċirkostanzi prekarji u l-inċertezza rigward il-futur u l-ekonomija qegħdin iwasslu biex koppji, u b’mod partikolari n-nisa żgħażagħ, qed idumu biex ikollhom it-tfal, u b’hekk qed isaħħu t-tendenza tat-tixjiħ demografiku fl-UE kollha;

I.      billi s-sistemi fiskali li jeżistu f'ċerti Stati Membri huma bbażati fuq kunċett dejjaq tal-familja saħansitra billi jagħtu vantaġġ lill-familji li fihom jaħdem ġenitur wieħed biss billi, f'ħafna każijiet, jiddiswadu n-nisa milli joħorġu jaħdmu u ma jappoġġjawx biżżejjed lill-familji b'ġenitur wieħed, lill-familji kbar u lill-familji li jmantnu qraba dipendenti;

J.      billi minkejja li n-nisa jirrappreżentaw kważi 60 % tal-gradwati fl-UE, ir-rappreżentanza tagħhom f’karigi ta’ uffiċjali għolja u deċiżjonali hija baxxa b’mod sproporzjonat, u l-proporzjon ta’ xjenzati u inġiniera fl-UE li huma nisa huwa ta' inqas minn 33 %, filwaqt li n-nisa jirrappreżentaw kważi 80 % tal-forza tax-xogħol fis-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tas-setturi tas-sigurtà soċjali;

K.     billi hemm segregazzjoni orizzontali qawwija jew diviżjoni tax-xogħol skont is-sessi, fejn kważi nofs in-nisa f'impjieg huma kkonċentrati f’10 mill-130 impjieg elenkati fil-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi (ISCO) imfassla mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u 16 % biss mill-ħaddiema li jkollhom impjieg jinsabu f’setturi bi proporzjon ugwali ta’ irġiel u nisa;

L.     billi r-rwol tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li jikkostitwixxu 99 % tal-kumpaniji Ewropej u li jipprovdu tnejn minn kull tliet impjiegi fis-settur privat, huwa kruċjali għat-twettiq għalkollox tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; billi 31 % tal-intraprendituri fl-Ewropa biss huma nisa; billi r-rata ta’ intraprenditorija fost in-nisa fl-UE hija ta’ 10 %, meta mqabbla ma’ 19 % fost l-irġiel; billi hemm il-ħtieġa li tiġi promossa u appoġġjata ż-żieda tal-intraprenditorija fost in-nisa;

M.    billi madwar 42 % ta’ dawk involuti regolarment fl-agrikultura fl-UE huma nisa, u 3 minn kull 10 irziezet fl-Ewropa huma mmexxija min-nisa; billi l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u, fl-istess ħin, l-involviment ikbar tan-nisa fin-negozji u fis-soċjetà, speċjalment fl-agrikoltura, għandhom ikunu kwistjonijiet ta’ importanza kontinwu fl-Ewropa;

N.     billi r-rata ta' impjieg tan-nisa hija ta’ 63 %; billi d-differenzi bejn is-sessi fil-pagi hija ta’ 16.4 %; billi 73 % tal-Membri li jservu f’parlamenti nazzjonali huma rġiel, u billi n-nisa jikkostitwixxu 17.8 % tal-membri tal-bordijiet ta’ kumpaniji kbar u kull ġimgħa jqattgħu ħin tliet darbiet itwal mill-irġiel fuq xogħol tad-dar (eż. jieħdu ħsieb tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità u jwettqu l-kompiti domestiċi);

O.     billi 37 % tal-Membri tal-Parlament Ewropew li għadu kif ġie elett, 9 mit-28 Kummissarji ġdid u 7 mit-28 imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huma nisa;

P.     billi r-rata tal-qgħad fost in-nisa hija sottovalutata minħabba l-fatt li ħafna nisa mhumiex irreġistrati bħala qiegħda, speċjalment dawk li jgħixu f’żoni rurali jew remoti, flimkien ma’ ħafna minn dawk li jiddedikaw ruħhom esklussivament għall-kompiti domestiċi u għall-kura tat-tfal; billi din is-sitwazzjoni toħloq ukoll disparità f’dawk li huma aċċess għas-servizzi pubbliċi (benefiċċji, pensjoni, liv tal-maternità, liv tal-mard, aċċess għas-sigurtà soċjali, eċċ.);

Q.     billi jekk inkomplu għaddejjin bix-xejriet preżenti, mhux se tintlaħaq il-mira ta' rata ta' impjieg ta' 75 % fost in-nisa qabel l-2038, u l-ugwaljanza fir-remunerazzjoni mhux se ssir realtà qabel l-2084; billi r-rappreżentanza ugwali fil-parlamenti nazzjonali, fl-istituzzjonijiet tal-UE u fil-bordijiet tat-tmexxija ta' kumpanniji Ewropej tista' tintlaħaq sal-2034, imma billi jidher li fadal sal-2054 biex il-kompiti domestiċi jibdew jinqasmu b'mod indaqs;

R.     billi n-nuqqas ta' promozzjoni ta' politiki mmirati biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata b’mod ġenerali u n-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għolja u għal servizzi ta’ assistenza għall-anzjani u persuni li jeħtieġu kura speċjali, b’mod partikolari, joħolqu ostakli kbar għall-indipendenza ekonomika tan-nisa u għall-promozzjoni tagħhom f'pożizzjonijiet ta’ responsabilità, u għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol, inkluż bħala mezz għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar;

S.     billi t-tqassim tar-responsabilitajiet tal-familja u dawk domestiċi bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari billi jiżdied l-użu tal-liv tal-ġenituri u l-liv tal-paternità, jikkostitwixxi prekundizzjoni għall-ilħuq tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi kwart tal-Istati Membri ma joffrux liv tal-paternità;

T.     billi r-rwoli tradizzjonali tas-sessi u l-isterjotipi għad għandhom influwenza qawwija fuq id-diviżjoni tar-rwoli bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, fil-post tax-xogħol u fis-soċjetà ġenerali, u b’hekk jillimitaw il-firxa ta’ għażliet ta' impjiegi għan-nisa u l-iżvilupp personali u professjonali tagħhom, u għaldaqstant ixekkluhom milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom bħala individwi u bħala atturi ekonomiċi;

U.     billi l-midja jista’ jkollha rwol, minn naħa, fit-tixrid tal-isterjotipi, fid-degradazzjoni tal-immaġni tal-mara u l-issesswalizzar eċċessiv tat-tfajliet u, min-naħa l-oħra, biex jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi, tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi;

V.     billi l-Kunsill għadu ma ħax pożizzjoni uffiċjali wara l-adozzjoni ta' żewġ riżoluzzjonijiet leġiżlattivi mill-Parlament dwar suġġetti fundamentali għall-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġifieri r-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal direttiva dwar il-liv tal-maternità u tal-20 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal direttiva dwar il-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati fil-Boroż u miżuri relatati;

W.    billi fir-rapport tagħha tas-6 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE, il-Kummissjoni qajmet xi mistoqsijiet dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' 26 Stat Membru mad-dispożizzjonijiet il-ġodda tad-Direttiva(34);

X.     billi, skont l-istħarriġ tal-FRA ta’ Marzu 2014, waħda minn kull tliet nisa fl-UE ġiet fiżikament u/jew sesswalment attakkata, filwaqt li waħda f’kull ħamsa sofriet vjolenza fiżika wara l-età ta’ 15-il sena u kważi waħda minn kull tnejn esperjenzat vjolenza psikoloġika; billi l-vjolenza fuq in-nisa tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali li jkollu konsegwenzi psikoloġiċi potenzjalment serji, li jolqot il-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, id-dħul finanzjarju, l-pożizzjoni soċjali u l-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza, u huwa wieħed mill-inqas reati rrappurtati; billi l-vjolenza kontra n-nisa hi wieħed mix-xkiel ewlenin għall-ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel;

Y.     billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fuq l-internet qiegħda tiżdied, filwaqt li l-imġiba tal-minuri fuq in-netwerks soċjali qed tidher li hija eċċezzjonalment inkwetanti f’dan ir-rigward;

Z.     billi l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin se tintemm fl-2016; billi, skont ir-rapport tal-Eurostat tal-2014 dwar it-traffikar tal-bnedmin, il-maġġoranza l-kbira (80 %) tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar fl-UE huma nisa u bniet;

Aa.   billi sitt Stati Membri għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) u tmienja biss irratifikawha;

Ab.   billi l-ġbir ta' data affidabbli, kumparabbli u mqassma skont is-sessi hi partikolarment importanti fit-tfassil ta' politiki pubbliċi nazzjonali u fl-UE, speċjalment fir-rigward tal-vjolenza kontra n-nisa;

Ac.   billi n-nisa għandhom kwistjonijiet tas-saħħa speċifiċi u jkunu suġġetti fi provi kliniċi inqas spiss mill-irġiel, u dawn id-differenzi għandhom implikazzjonijiet serji għas-saħħa tan-nisa;

Ad.   billi l-bniet u n-nisa, speċjalment dawk li għandhom bejn il-15 u l-24 sena, huma inqas involuti mis-subien u l-irġiel fl-attività fiżika, u billi l-isport huwa mezz ta’ awto-espressjoni u ta' sodisfazzjon personali, kif ukoll forza għal ċittadinanza u solidarjetà, u li l-prattika regolari tal-isport ittejjeb il-kundizzjonijiet tas-saħħa fiżika u mentali; billi l-vjolenza kontra n-nisa, l-isterjotipi, id-differenzi fir-remunerazzjoni u l-ostakli għall-involviment tan-nisa fit-tmexxija kollha jistgħu jinstabu fl-isport;

Ae.   billi d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma drittijiet fundamentali tal-bniedem u li jeħtieġ li jitqiesu fil-programm ta' azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa;

Af.    billi r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hu għodda ta' importanza kbira sabiex tiġi vvalutata l-evoluzzjoni tal-qagħda tan-nisa fl-Ewropa;

1.      Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jintegraw il-kwistjonijiet tas-sessi, id-drittijiet tan-nisa u l-opportunitajiet indaqs fit-tfassil tal-politika tagħhom, fil-proċeduri baġitarji u fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-UE, permezz ta’ miżuri proattivi, speċjalment f’rabta ma’ pakketti ta’ stimolu, billi jwettqu analiżi tal-impatt fuq is-sessi abbażi ta' kull każ għalih;

2.      Jikkundanna l-fatt li ‘L-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ dalwaqt se tfalli milli tilħaq il-miri tagħha, speċjalment rigward l-indipendenza ekonomika, parzjalment minħabba l-irtirar tal-proposta għal direttiva dwar il-liv tal-maternità; Jenfasizza, fl-istess ħin, li d-differenzi ekonomiċi bejn l-irġiel u n-nisa qegħdin bil mod il-mod jikbru;

3.      Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw pilastru dwar is-sessi fl-istrateġija Ewropa 2020 biex jitkejjel il-progress dwar it-tnaqqis tad-differenzi bejn is-sessi fl-impjieg u biex isir it-trasferiment tal-miżuri ta’ politika li jinsabu fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs);

4.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjan ġenerali għal investiment f’infrastruttura soċjali, peress li ġie stmat li permezz ta’ pjan ta’ investiment Ewropew ibbażat fuq is-sessi, il-prodott domestiku gross (PDG) se jiżdied b’mod gradwali, bi 2.4 % aktar sal-2018 milli mingħajr tali pjan ta’ investiment;

5.      Jinnota li parteċipazzjoni ugwali tal-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol tista' żżid b'mod sinifikanti l-potenzjal ekonomiku tal-UE, filwaqt li tikkonferma n-natura ekwa u inklużiva tagħha; jirrimarka li, skont il-projezzjonijiet tal-Organizzazzjoni għall-Ko-operazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), konverġenza sħiħa fir-rati ta’ parteċipazzjoni tirriżulta f’żieda ta’ 12.4 % fil-PDG per capita sal-2030;

6.      Iqis li l-faqar fost in-nisa, u n-nisa anzjani u l-ommijiet waħidhom b’mod partikulari, iżda wkoll in-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza sessista, nisa b’diżabilità, nisa migranti u nisa minn minoranzi, jeħtieġ li jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta’ urġenza; Jistieden għaldaqstant lill-Istati Membri biex joħolqu strateġiji ta' inklużjoni aktar effettivi u li jużaw b'mod aktar effikaċi r-riżorsi allokati għall-politiki soċjali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi Strutturali;

7.      Jinnota b'dispjaċir li l-effettività tal-politiki soċjali għat-tnaqqis tal-faqar naqset bi kważi 50% fl-2012 meta mqabbla mal-2005 fi djar b’adult wieħed biss, sitwazzjoni li tinkludi l-maġġoranza tar-romol u tal-ommijiet waħedhom; jinsab imħasseb ukoll li l-effettività tal-politiki soċjali implimentati f’ċerti Stati Membri tammonta għal terz biss tal-medja Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki soċjali li jimmiraw b’mod partikolari għall-persuni qiegħda, sabiex jindirizzaw b'mod deċiżiv iż-żieda fil-faqar, partikolarment fost in-nisa;

8.      Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-aspett tas-sessi; jiddispjaċih li s-CSRs li ġew adottati s'issa bħala parti miċ-ċikli tas-Semestru Ewropew ma ġewx allinjati biżzejjed mal-miri għall-impjiegi u dawk soċjali tal-Ewropa 2020; jistieden lis-CSRs jindirizzaw sistematikament il-kawżi strutturali tal-faqar tan-nisa;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-evoluzzjoni tal-istrutturi familjari fit-tfassil tal-politiki fiskali u ta' kumpens tagħhom, partikolarment billi jappoġġjaw finanzjarjament lill-familji b'ġenitur wieħed u l-persuni anzjani permezz ta' krediti tat-taxxa u għajnuniet fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

10.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi jitqiesu fil-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u jiġu promossi tul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tagħhom u fil-programmi tagħhom, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni;

11.    Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rapport annwali huwa stmat biss bħala dokument ta' ħidma anness mar-rapport dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni tagħti leġittimità politika sħiħa lil dan ir-rapport billi tadottah tiffavorixxi adozzjoni uffiċjali u distinta;

12.    Jinnota l-ħtieġa imperattiva li jitnaqqsu d-distakki bejn is-sessi fil-pagi u l-pensjonijiet anke billi tiġi ndirizzata l-konċentrazzjoni persistenti tan-nisa f’xogħol part-time, b'pagi baxxi u xogħol prekarju u jiġu żgurati faċilitajiet ta’ ndukrar ta’ kwalità sodisfaċenti għat-tfal u dipendenti oħra; jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-fatt li aktar minn terz tan-nisa mdaħħla fiż-żmien fl-UE ma jirċievu l-ebda forma ta’ pensjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni totali tad-drittijiet li tiddisponi għalihom mid-Direttiva 2006/54/KE, inkluż il-prinċipju tal-ugwaljanza tar-remunerazzjoni u t-trasparenza tas-salarji u jirrevedu l-liġijiet nazzjonali tagħhom fil-qasam tat-trattament ugwali bil-għan li jissimplifikawhom u jimmodernizzawhom; jistieden lill-Kummissjoni żżomm t-traspożizzjoni ta’ direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi taħt rieżami regolari, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi riformulazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE mill-aktar fis possibbli, skont l-Artikolu 32 tagħha u abbażi tal-Artikolu 157 tat-TFUE, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-anness għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta’ Mejju 2012;

13.    Jikkundanna bl-iktar mod b'saħħtu possibbli l-fatt li n-nisa ma jirċivux l-istess salarju f'każijiet fejn jokkupaw l-istess xogħol bħall-irġiel jew jagħmlu xogħlijiet ta' valur ugwali, u jikkundanna ugwalment kemm is-segregazzjoni orizzontali kif ukoll dik vertikali; jenfasizza, barra minn hekk, il-fatt li l-maġġoranza vasta tas-salarji baxxi u kważi l-pagi baxxi ħafna kollha jitħallsu għal xogħol part-time u jinnota li madwar 80% tal-foqra li jaħdmu huma nisa; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont il-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, tnaqqis ta’ punt perċentwali wieħed fid-differenzi fil-pagi bejn is-sessi għandu jwassal għal żieda ta’ 0.1% fi tkabbir ekonomiku, li jfisser li huwa importanti ħafna li titnaqqas id-differenza li teżisti fil-kriżi ekonomika attwali; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lill-movimenti sindikalisti biex jabbozzaw u jimplimentaw għodod utli u operattivi għall-evalwazzjoni tax-xogħol biex jiddeterminaw xogħol ta' valur ugwali u b'hekk tiġi żgurata paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki proattivi favur impjiegi ta' kwalità għan-nisa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020, permezz tal-ġlieda kontra l-isterjotipi, is-segregazzjoni professjonali vertikali u orizzontali, filwaqt li jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni bejn l-impjiegi part-time u dawk full-time u permezz ta' iffukar ewlieni fuq il-kategorija ta' persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET); jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri tal-impjieg speċifiċi fil-qafas tal-programmi ta’ Riforma Nazzjonali sabiex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom aċċess ugwali bħall-irġiel biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki proattivi biex jinkoraġġixxu lin-nisa biex iħaddnu karrieri fix-xjenza u biex jippromwovu, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni b’mod partikolari, id-dħul tan-nisa f’setturi li tradizzjonalment huma meqjusin bħala ʽta' sess maskiliʼ, b’mod partikolari x-xjenzi u t-teknoloġiji l-ġodda, bil-ħsieb li jibbenefikaw bis-sħiħ minn kapital uman rappreżentat minn nisa Ewropej; jenfasizza, b’mod partikolari, li t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) toffri opportunitajiet ġodda u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi integrata b’mod sħiħ f’din il-prijorità mogħtija lill-aġenda diġitali fil-ħames snin li ġejjin;

16.    Jenfasizza li l-indipendenza finanzjarja hija mezz ta’ kif tkun assigurata l-ugwaljanza u li l-intraprenditorija fost in-nisa tikkostitwixxi potenzjal għat-tkabbir u l-kompetittività fl-UE sottovalutat u mhux sfruttat biżżejjed; jistieden, għalhekk, lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex jiġbor aktar dejta ta' kwalità aħjar dwar l-intraprenditorija fost in-nisa; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lil korpi rilevanti oħra, bħal pereżempju, kmamar tal-kummerċ u tal-industrija biex jinkoraġġixxu, jippromwovu u jappoġġaw l-intraprenditorija fost in-nisa permezz tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu, it-tnaqqas ta' burokrazija u ta' ostakoli oħra għall-bidu ta’ negozji min-nisa, l-integrazzjoni tal-perspettiva dwar is-sessi f’politiki rilevanti, il-promozzjoni tal-ħolqien ta’ ġabra unika ta’ dejta u pjattaforma ta' skambju elettroniku multilingwi għal intraprendituri soċjali nisa, u l-appoġġ reġjonali ta’ konsulenza u ta’ netwerks peer-to-peer madwar l-Ewropa kollha;

17.    Jemmen li l-għajnuna lin-nisa biex jirritornaw fis-suq tax-xogħol tirrikjedi politika multidimensjonali (li tinvolvi taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja, u l-promozzjoni ta’ impjiegi aktar stabbli u b'mudelli tax-xogħol imfassla apposta) u jiġbed l-attenzjoni lejn il-prevalenza akbar ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli; jirrimarka li t-talba għall-flessibilità hija l-akbar fost il-ħaddiema part-time, li fil-maġġoranza tagħhom huma nisa; isostni, għalhekk, li n-negozjar kollettiv huwa dritt li għandu jiġi protett, peress li dan jgħin biex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni u biex jitħarsu u jittejbu d-drittijiet;

18.    Jenfasizza l-fatt li flessibilità akbar fl-arranġamenti ta’ ħidma tista’ żżid l-opportunitajiet tan-nisa biex jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol, iżda jinnota, fl-istess ħin, li din il-flessibbiltà jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-salarji u l-pensjonijiet tan-nisa; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, lejn il-ħtieġa ta' proposti speċifiċi dwar bilanċ bejn il-ħajja personali u x-xogħol, u jinkoraġġixxi lill-irġiel u lin-nisa biex jaqsmu r-responsabilitajiet professjonali, domestiċi u soċjali b'mod aktar omoġenju, speċjalment f’każijiet li jinvolvu għajnuna lil persuni dipendenti u kura tat-tfal;

19.    Jitlob lill-Istati Membri jinkludu strateġiji fi programmi ta’ żvilupp rurali biex jiżdied in-numru ta’ impjiegi għan-nisa f’żoni rurali, u b’hekk jiżgurawlhom pensjonijiet sodisfaċenti, u politiki li jippromwovu l-preżenza tan-nisa fuq fora politiċi, ekonomiċi u soċjali f’dan is-settur u li tkabbar il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs f’żoni rurali f’konformità mal-multifunzjonalità tal-agrikoltura;

20.    Jenfasizza li hemm kunsens dejjem akbar fi ħdan l-UE fir-rigward tal-ħtieġa ta' promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta’, fost l-oħrajn, il-preżenza tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi, li hija kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali u ta’ demokrazija, peress li bħalissa din tirrifletti defiċit demokratiku; jilqa’, għaldaqstant, s-sistemi ta’ parità leġiżlati u l-kwoti tas-sessi introdotti f’xi Stati Membri u jistieden lill-Kunsill biex jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar id-direttiva dwar il-bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati sabiex tippermetti li l-proċess leġiżlattiv jitkompla malajr kemm jista’ jkun; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jippermettu li n-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jipparteċipaw bl-istess kundizzjonijiet fl-isferi differenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; jitlob ukoll li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu dak kollu possibbli fis-setgħa tagħhom biex jiggarantixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Kulleġġ tal-Kummissarji u f’karigi ta’ livell għoli fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-istituti u l-korpi kollha tal-UE;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw jekk klawżoli relatati mas-sessi jistgħux jiġu inklużi f’avviżi ta’ offerti ta' xiri pubbliku sabiex jinkoraġġixxu n-negozji biex internament jirsistu favur l-ugwaljanza bejn is-sessi; jirrikonoxxi li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi rrispettata fl-iżvilupp ta’ din l-idea;

22.    Jifraħ lill-Isvezja, il-Belġju, Franza, is-Slovenja, id-Danimarka u r-Renju Unit talli laħqu l-objettivi ta' Barċellona u jistieden lill-Istati Membri l-oħrajn biex ikomplu bl-isforzi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mill-objettivi ta' Barċellona u jadottaw approċċ aktar sistematiku u integrat, li għandu jiġi implimentat mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali flimkien, fil-qasam tal-edukazzjoni u tas-servizzi ta' ndukrar preskolari, b'mod partikolari għat-tfal żgħar ħafna ta' inqas minn tliet snin; Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju kontinwu lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu joffru sistemi għall-indukrar tat-tfal – b’mod partikolari permezz ta’ crèches – li l-ġenituri jkunu jifilħu jħallsu għalihom, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ dawn il-faċilitajiet fuq il-post tax-xogħol; jemmen li billi l-bilanċ tajjeb bejn pjanijiet familjari, ħajja privata u ambizzjonijiet professjonali jista' jintlaħaq biss jekk il-persuni kkonċernati jkollhom għażla ġenwinament ħielsa, f'termini ekonomiċi u soċjali, u jkunu appoġġati permezz ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi fuq livell tal-UE u fuq dak nazzjonali mingħajr ma jiġu penalizzati, u jekk tkun teżisti l-infrastruttura meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-baġit tagħhom għall-appoġġ tat-tfal speċifikament billi jespandu n-netwerks pubbliċi tal-indukrar ta’ matul il-jum, tal-iskejjel tan-nuna u tas-servizzi pubbliċi li jipprovdu attivitajiet extrakurrikulari għat-tfal; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li wieħed ikun jiflaħ iħallas għalihom fis-CSRs tagħha;

23.    Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-fatt li, minkejja li l-livell ta’ finanzjament tal-UE disponibbli (EUR 3.2 biljun mill-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013 ġie rriservat biex jgħin lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u l-promozzjoni tal-impjieg għan-nisa), ċerti Stati Membri għamlu tnaqqis fil-baġits li qed jaffettwaw id-disponibbiltà (eż. bħala riżultat tal-għeluq tal-iskejjel tan-nuna) u l-kwalità (pereżempju bħala riżultat tat-tnaqqis tal-persunal) tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal li għamluhom jiswew aktar;

24.    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu liv tal-paternità bi ħlas ta' mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol u li jippromwovu miżuri, leġiżlattivi u mhumiex, li jagħtu lok lill-irġiel, u partikolarment lill-missirijiet, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiksbu bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali, fost l-oħrajn billi jippromwovu l-liv tal-ġenituri, li jkun jista' jittieħed mill-missier jew mill-omm, mingħajr ma jkun trasferibbli, mill-missier jew l-omm sakemm il-wild jilħaq/tilħaq età speċifika;

25.    Jikkundanna l-istaġnar fil-Kunsill rigward id-Direttiva dwar il-liv tal-maternità; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jerġgħu jibdew in-negozjati dwar dan u jtenni r-rieda tiegħu li jikkoopera;

26.    Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu servizzi għall-kura ta' persuni li m'għandhomx l-indipendenza meħtieġa biex iwettqu kompiti ta' kuljum minħabba l-fatt li m’għandhomx l-awtonomija funzjonali li jeħtieġu biex isibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik personali, liema servizzi jkunu għall-but ta’ kulħadd, flessibbli, ta’ kwalità għolja u faċilment aċċessibbli;

27.    Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ ir-ratifiki nazzjonali u li mill-iktar fis possibbli tagħti bidu għall-proċedura ta' adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jinnota li l-adeżjoni immedjata tal-Istati Membri kollha għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha twassal għall-iżvilupp ta’ politika integrata u għall-promozzjoni ta’ ko-operazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa;

28.    Iġedded l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta taħt l-Artikolu 84 tat-TFUE għal att leġiżlattiv li jistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, billi jappoġġaw qafas politiku komprensiv u effettiv dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess, li tiffoka fuq il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni ta’ dawk li jwettqu r-reat, il-protezzjoni tal-vittmi u l-provvediment xieraq u xierqa u għall-provvediment ta’ servizzi adegwat u t-tagħlim dwar l-ugwaljanza, u permezz tal-introduzzjoni ta’ penali għal imġiba vjolenti jew diskriminatorja lejn in-nisa; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jaħdmu sistematikament fuq l-għoti ta’ setgħa lin-nisa fir-rappurtar ta’ vjolenza lill-awtoritajiet, u dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ esperti li jittrattaw mal-vittmi;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni biex l-implimentazzjoni effettiva u b'riżorsi adegwati tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-qerda tal-mutilazzjoni ġenitali femminili;

30.    Jitlob lill-Kunsill jattiva l-klawżola "passerelle" u jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza abbażi tas-sess bħala qasam ta' reati elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE, li ġa jkopri t-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttar sesswali tan-nisa u t-tfal;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tirregola aħjar is-suq diġitali bil-għan li tipproteġi n-nisa u l-bniet kontra l-vjolenza fuq l-internet;

32.    Jirrakkomanda li, fil-pjanijiet għal azzjoni nazzjonali tagħhom biex jeliminaw il-vjolenza domestika, l-Istati Membri jistabbilixxu l-obbligu ta' appoġġ lin-nisa migranti irregolari eżattament bl-istess mod bħalma jingħata lin-nisa b’residenza legali, mingħajr l-ebda rekwiżit li l-istituzzjonijiet jirrappurtaw każijiet bħal dawn lill-awtoritajiet;

33.    Jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu s-servizzi tas-saħħa pubbliċi u bla ħlas tagħhom sabiex jappoġġaw lin-nisa kollha soġġetti għall-vjolenza, inklużi r-refuġjati, permezz, fost l-oħrajn, taż-żieda tal-kapaċità tagħhom, b’assistenza speċjalizzata lin-nisa ta’ nazzjonalitajiet differenti u lin-nisa b’diżabilitajiet;

34.    Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jagħmlu l-2016 is-Sena Ewropea biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa permezz tal-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi biex jittieħdu azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni; jisħaq, għal dan il-għan, li huwa neċessarju li jiġi pprovdut taħriġ adegwat għall-awtoritajiet u s-servizzi involuti, kif ukoll għall-professjonisti, bħal uffiċjali tal-pulizija, tobba, maġistrati, avukati, għalliema u kull min jista’, minħabba l-professjoni tiegħu, jipprovdi assistenza lin-nisa li jkunu vittmi tal-vjolenza;

35.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji reġistru ta' ordnijiet Ewropej ta’ protezzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-iskadenza tal-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni skada fil-11 ta’ Jannar 2015;

36.    Jirrikonoxxi li, f’reġjuni milquta minn gwerer, il-vjolenza kontra n-nisa tirrappreżenta ksur ċar tad-drittijiet fundamentali tan-nisa u timmanifesta ruħha permezz taʼ trattament umiljanti u degradanti tan-nisa; jenfasizza l-fatt li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali biex tinbena l-paċi, peress li hija espressjoni tal-ħtieġa tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra fenomeni bħal dawn li jaffettwaw lin-nisa;

37.    Jistieden lill-EIGE u lill-Eurostat biex ikomplu jiġbru data komparabbli, b'mod partikolari data armonizzata dwar il-vjolenza, biex jagħtu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-istrumenti meħtieġa biex ifasslu politiki effettivi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirreferu għas-sitwazzjoni fl-Istati Membri fir-rigward tal-makkinarju istituzzjonali fis-seħħ biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, bl-objettiv li jipprevjenu li dan issirlu ħsara fil-futur minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika u r-riformi li huwa li jġib miegħu, filwaqt li jitqies li, mingħajr tali makkinarju istituzzjonali, il-prijorità trasversali assenjata għall-ugwaljanza bejn is-sessi f’kull qasam ta’ politika, u l-mezzi speċifiċi biex din tiġi indirizzata, mhux se jissarrfu f’riżultati;

38.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tissalvagwardja l-programm Daphne – kemm f’termini ta’ finanzjament u ta' viżibbiltà – fil-programm Drittijiet u Ċittadinanza sabiex ikun żgurat li assoċjazzjonijiet li jaħdmu biex itemmu l-vjolenza kontra n-nisa jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom;

39.    Mill-ġdid jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-vjolenza relatata mas-sess (fuq il-mudell tal-attwali Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi), li għandu jitmexxa minn koordinatur Ewropew għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

40.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkundanna bil-qawwa kampanji tal-midja u komunikazzjonijiet oħra li juru vittmi ta’ vjolenza sesswali bħala responsabbli għal dawn l-atti, peress li tali suppożizzjoni tmur kontra l-prinċipji bażiċi kollha tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

41.    Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi u fit-tmiem tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi; jenfasizza li s-subien u l-irġiel jeħtieġ li jiġu nklużi fil-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu azzjoni deċiżiva ta’ politika fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u jissuġġerixxi lill-Istati Membri biex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet ugwali u l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fis-sistemi edukattivi tagħhom;

42.    Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jieħdu passi biex jiżguraw li l-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali jużaw l-ilsien b’mod mhux sessista, jiżguraw li n-nisa jipparteċipaw b’mod attiv u jkunu rappreżentati b’mod bilanċjat, u jiżguraw li jkun hemm xbihat diversi taż-żewġ sessi, li jmorru lil hinn mill-kunċetti ġenerali tal-ġmiel u l-isterjotipi sessisti tar-rwoli mwettqin f’oqsma differenti tal-ħajja, b’mod partikolari fejn il-kontenut ikun immirat lejn it-tfal u ż-żgħażagħ;

43.    Jitlob lill-Istati Membri, wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport, biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-isport biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, b’mod partikolari bid-definizzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi għall-ġlieda kontra l-isterjotipi u l-vjolenza, jiffavorixxu l-ugwaljanza fost professjonisti sportivi rġiel u nisa, u l-promozzjoni tal-isport għan-nisa;

44.    Jinnota li bosta studji juru li r-rati ta’ abort f’pajjiżi fejn l-abort huwa legali huma simili għal dawk f’pajjiżi li fihom huwa pprojbit, u spiss anke ogħla f’dawn tal-aħħar (Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2014);

45.    Isostni li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riprodutttivi tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u l-abort; jappoġġa għalhekk il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex itejbu l-aċċess tan-nisa għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi u biex iżidu l-għarfien tan-nisa dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi disponibbli; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jimplimentaw miżuri u azzjonijiet li jqajmu kuxjenza fost l-irġiel dwar ir-responsabilitajiet tagħhom fi kwistjonijiet sesswali u riproduttivi;

46.    Jenfasizza l-importanza ta’ prevenzjoni attiva, politiki ta’ edukazzjoni u informazzjoni mmirati lejn adolexxenti mit-12-il sena ’l fuq, żgħażagħ u adulti biex jiġi żgurat li s-saħħa sesswali u riproduttiva fost il-pubbliku tkun tajba, u b’hekk issir prevenzjoni tal-mard trażmess sesswalment u t-tqala mhux mixtieqa;

47.    Jistieden lill-Istati Membri, biex meta japplikaw ir- Regolament (UE) Nru 536/2014 fi provi kliniċi ta’ prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem, tiġi żgurata l-ugwaljanza fir-rappreżentanza tal-irġiel u n-nisa fi provi kliniċi, b’attenzjoni speċjali għat-trasparenza dwar il-kompożizzjoni tas-sessi tal-parteċipanti; jistieden lill-Kummissjoni, biex meta tikkunsidra l-implimentazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, speċifikament li tissorvelja aspetti tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

48.    Ifakkar li l-UE rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fit-22 ta’ Jannar 2012, u li skont din il-Konvenzjoni, l-Istati Firmatarji jkollhom jintrabtu li jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għall-persuni b’diżabilità kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ kwalunkwe tip abbażi ta’ diżabilità u li jżommu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att jew prattika li hija inkonsistenti mal-Konvenzjoni;

49.    Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi b’mod vigoruż l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-UE ma’ pajjiżi terzi, sabiex b’hekk issaħħaħ l-approċċ strateġiku komprensiv tagħha fir-rigward tal-ugwaljanza; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li tiżdied il-ko-operazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-titjib tal-għarfien tad-drittijiet tan-nisa;

50.    Jistieden lill-UE biex telimina l-politiki li jistabbilixxu dipendenza bejn il-membri tal-familja fil-qafas tar-riunifikazzjoni tal-familja, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu lin-nisa migranti stat ta’ residenza awtonoma, speċjalment f’każijiet ta’ vjolenza domestika;

51.    Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa jiġu inklużi fil-ftehimiet ta’ sħubija kollha u f’kull negozjati ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE;

52.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.

(2)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(3)

ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

(4)

ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(5)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2011.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2014)0105.

(7)

ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.

(8)

ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.

(9)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(10)

ĠU L 367, 14.12. 2004, p. 23.

(11)

ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

(12)

ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56.

(13)

ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.

(14)

Testi adottati, P7_TA(2013)0375.

(15)

Testi adottati, P7_TA(2013)0073.

(16)

Testi adottati, P7_TA(2013)0247.

(17)

Testi adottati, P7_TA(2013)0074.

(18)

Testi adottati, P7_TA(2013)0045.

(19)

ĠU C 353 E, tat-3.12.2013, p. 47.

(20)

ĠU C 264 E, tat-13.9.2013, p. 75.

(21)

ĠU C 341 E, tas-16.12.2010, p. 35.

(22)

ĠU C 199 E, tas-7.7.2012, p. 65.

(23)

3 Testi adottati, P7_TA(2012)0069.

(24)

ĠU C 33 E, tat-5.2.2013, p. 134.

(25)

ĠU C 296 E, tat-2.10.2012, p. 26.

(26)

ĠU C 199 E, tat-7.7.2012, p. 77.

(27)

ĠU C 236 E, tat-12.8.2011, p. 79.

(28)

ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 31.

(29)

Testi adottati, P7_TA(2014)0162.

(30)

ĠU C 233 E, tat-28.9.2006, p. 130.

(31)

Testi adottati, P7_TA(2014)0126.

(32)

ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 31.

(33)

1 ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(34)

Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (COM(2013)0861).


NOTA SPJEGATTIVA

Il-kriżi laqtet ħażin ħafna lill-ekonomiji u lis-soċjetajiet Ewropej. Wara perjodu ta' awsterità, wasal iż-żmien li jerġa' jkollna t-tkabbir biex l-Ewropa ssir, bħalma tipprevedi l-istrateġija Ewropa 2020, ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva.

Biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi definiti permezz tal-Ewropa 2020, ir-rapporteur jemmen li hu urġenti li jiġu indirizzati għadd ta' kwistjonijiet fundamentali.

L-ewwel nett, huwa indispensabbli li l-perspettiva tal-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa jitqiesu fit-tfassil ta' politiki u proċeduri baġitarji, b'mod partikolari fil-qafas tal-politiki ta' rkupru, billi ssir, b'mod sistematiku, analiżi tal-impatt skont is-sessi. L-iżbalji tal-politiki ta' awsterità ma jistgħux u m'għandhomx jiġu ripetuti.

F'dak li jirrigwarda l-objettivi aktar speċifiċi tal-Ewropa 2020, l-UE għandha mhux biss tilħaq l-objettiv ta' livell ta' impjieg ta' 75%, iżda huwa wkoll indispensabbli li tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi.

Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, iż-żieda fir-rata ta' impjiegi tan-nisa għadha qed isseħħ bil-mod wisq. Mill-2002 'il hawn, ir-rata kibret minn 58.1% għal 62.8% u sofriet id-daqqa tal-kriżi. Jekk din ix-xejra tkompli, l-objettiv Ewropa 2020 mhux se jintlaħaq qabel l-2038. Għaldaqstant il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija prijorità mill-aktar urġenti.

Din il-promozzjoni tirrikjedi impjiegi ta' kwalità. Fil-fatt, il-konsegwenzi tal-kriżi fuq il-kwalità tal-impjiegi tan-nisa huma diżastrużi: ix-xogħolijiet fuq bażi part-time qed isir dejjem iżjed komuni, u n-nisa qed isibuha aktar u aktar diffiċli li jaħarbuhom; l-impjiegi qed isiru dejjem anqas siguri, fatt rifless f’użu akbar ta’ kuntratti temporanji; u n-nisa, li huma rappreżentati żżejjed f’servizzi pubbliċi, konsegwentement qegħdin ibatu minħabba żewġ raġunijiet, biex ma ngħidu xejn dwar inkwiet dejjem akbar fuq il-post tax-xogħol u l-effetti fuq il-membri tal-familja, speċjalment it-tfal.

Minbarra dawn il-fatturi marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika attwali hemm ukoll il-persistenza ta' fenomeni strutturali, b'mod partikolari l-istaġnar tad-differenza fir-rimunerazzjoni abbażi tas-sess (gender pay gap). Jekk it-tendenza attwali tkompli, in-nisa u l-irġiel mhux se jkunu qegħdin jaqilgħu salarji ekwivalenti qabel l-2084. Ir-rapporteur iqis li l-aktar azzjoni urġenti hawnhekk hija l-ewwel u qabel kollox l-infurzar tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol. Fost l-Istati Membri, hemm 26 minnhom li għad iridu jwieġbu l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fir-rigward ta' din id-Direttiva. Huwa indispensabbli li l-Istati Membri jaraw li tiġi infurzata din id-Direttiva, b'mod partikolari rigward it-trasparenza tas-salarji, u l-għotja ta' aċċess reali għall-informazzjoni lill-pubbliku. Skont l-istudju tal-OECD ta' Diċembru 2012 intitolat "Closing the gender gap - Act now" ("Intemmu d-differenza bejn is-salarji tan-nisa u l-irġiel - Naġixxu issa"), il-PDG tal-UE jaf jikber bi 12% kieku jkun hemm ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. Ir-ritorn lejn tkabbir jirrikjedi ugwaljanza professjonali reali.

Huwa daqstant ieħor importanti li l-Kunsill jieħu pożizzjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar il-liv tal-maternità. Id-Direttiva fis-seħħ attwalment, li hi tal-1992, ma tirriflettix l-iżvilupp tas-soċjetà u ma tipproteġix biżżejjed lill-ommijiet. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi aġġornata mingħajr dewmien. Il-Parlament huwa lest, kif iddikjara ripetutament, li jagħmel il-parti tiegħu biex jintlaħaq kompromess.

Il-fatt li ċerti sterjotipi għadhom jeżistu hu wkoll fenomenu strutturali li jqajjem tħassib. Huwa essenzjali li jkun hemm bidla fl-attitudnijiet biex tonqos is-segregazzjoni orizzontali u vertikali, u biex saflaħħar in-nisa jingħataw lok daqs l-irġiel biex jagħmlu x-xogħlijiet li jixtiequ, fil-livelli ta' responsabilità li kemm l-irġiel u kemm in-nisa jixtiequ.

B'rabta mal-isterjotipi, ir-rapporteur iqis li l-inkoraġġiment ta' miżuri mmirati għall-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u privata huwa essenzjali, per eżempju, permezz tar-rikonoxximent u l-valorizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-missirijiet u tal-ommijiet fil-ħajja tal-familja.

Biex jeżerċitaw serenament ix-xogħlijiet tagħhom u b'hekk jikkontribwixxu kif jixraq għat-tkabbir Ewropew, huwa indispensabbli li l-ġenituri jkollhom aċċess għal servizzi ta' ndukrar ta' kwalità għolja u li joffru ndukrar tat-tfal fuq bażi full-time. Skont ir-Rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2013 dwar l-objettivi ta' Barċellona intitolat 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv', sitt Stati Membri laħqu dawn iż-żewġ objettivi: l-Isvezja, il-Belġju, Franza, is-Slovenja, id-Danimarka u r-Renju Unit. Madankollu, l-ispiża tas-servizzi ta' ndukrar għadha ostakolu kbir. B'hekk, 53% tal-ommijiet li jiddikjaraw li ma jaħdmux jew li jaħdmu part-time għal raġunijiet marbuta mal-proviżjoni tas-servizzi ta' ndukrar, iqisu l-prezz bħala ostakolu. Din iċ-ċifra hija ogħla minn 70 % fl-Irlanda, fl-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Rumanija u fir-Renju Unit.

Din il-kwistjoni tal-prezz twassalna għas-suġġett tal-faqar, kwistjoni partikolarment importanti għar-Rapporteur. Wieħed mill-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 hu li l-għadd ta' persuni milquta jew mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali jonqos b'mhux inqas minn 20 miljun ruħ sal-2020. Żewġ kategoriji ta' persuni huma partikolarment vulnerabbli għall-faqar: in-nisa anzjani u l-ommijiet weħidhom.

22% tan-nisa anzjani jinsabu f'riskju ta' povertà meta kkumparati ma' 16,3% tal-irġiel. Is-sitwazzjoni prekarja ta' nisa anzjani hija riżultat dirett tad-diskrepanza fir-remunerazzjoni. In-nisa jirċievu pensjoniiet li bħala medja huma 39% inqas minn dawk tal-irġiel, u aktar minn terz tan-nisa anzjani fl-Ewropa ma jirċievu l-ebda pensjoni. Jeħtieġ li jinħolqu mekkaniżmi korrettivi, partikolarment billi jinbidlu l-politiki fiskali u ta' kumpens.

Din ir-rimarka tgħodd ukoll għall-familji b'ġenitur wieħed, li 35.5% minnhom huma vulnerabbli għall-faqar. 91% tal-ġenituri weħidhom huma nisa. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali mhux qed jirnexxilhom inaqqsu r-riskji ta' faqar għal dawn il-familji.

Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa hija wkoll kwistjoni maġġuri għas-soċjetà. F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur jixtieq ifakkar il-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'din il-materja filwaqt li jinsisti li tinġabar dejta komparattiva fl-Istati Membri kollha. L-azzjoni tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) hija waħda determinanti.

Il-kwistjoni tad-drittijiet sesswali u riproduttivi jixirqilha wkoll titqajjem. Din hi kwistjoni ta' saħħa pubblika u tar-rispett tad-dritt fundamentali tan-nisa li jiddisponu minn ġisimhom kif jixtiequ. Hawnhekk hu importanti li niftakru fil-prinċipji politiki l-kbar li l-Parlament Ewropew diġà appoġġa fil-passat.

L-aħħar punt, iżda mhux l-inqas, hu li r-Rapporteur jikkundanna l-fatt li r-rapport annwali tal-Kummissjoni ġie relegat għal dokument ta' ħidma anness mar-rapport dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-messaġġ politiku huwa qawwi: id-drittijiet tan-nisa huma, apparentement, kwistjoni sekondarja. Iżda li jiġu riveduti l-avvanzi fl-ugwaljanza bejn is-sessi m’għandux jiġi trattat bħala kwistjoni ta’ importanza minuri. Ritorn għal tkabbir jiddependi fuq ugwaljanza reali bejn nisa u rġiel. Huwa għalhekk li r-Rapporteur qed jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni treġġa lil dan ir-rapport il-leġittimità politika sħiħa tiegħu billi tiżgura l-adozzjoni uffiċjali u distinta tiegħu.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

9

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Vicky Maeijer, Angelika Mlinar, Krisztina Morvai, Maria Noichl, Marijana Petir, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ángela Vallina, Beatrix von Storch, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Biljana Borzan, Linnéa Engström, Rosa Estaràs Ferragut, Mariya Gabriel, Ildikó Gáll-Pelcz, Kostadinka Kuneva, Dubravka Šuica, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato

Avviż legali