Proċedura : 2014/0177(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0016/2015

Testi mressqa :

A8-0016/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.62
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0171

RAPPORT     ***I
PDF 786kWORD 184k
28.1.2015
PE 541.634v02-00 A8-0016/2015

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifiċi tal-Unjoni (riformulazzjoni)

(COM(2014)0345 – C8-0023/2014 – 2014/0177(COD))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Jarosław Wałęsa

(Riformulazzjoni – Artikolu 104 tar-Regoli ta' Proċedura)

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
 ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI
 PROĊEDURA

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifiċi tal-Unjoni (riformulazzjoni)

(COM(2014)0345 – C8-0023/2014 – 2014/0177(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – riformulazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0345),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0023/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-10 ta’ Diċembru 2014(1),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali(2),

–       wara li kkunsidra l-ittra tat-13 ta' Novembru 2014 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali b'konformità mal-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 104 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0016/2015),

A.     billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.      Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda din il-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

Emenda          1

Proposta għal regolament

Premessa 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) Fejn tiġi applikata s-sorveljanza tal-Unjoni, ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti kkonċernati għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta' dokument ta' l-importazzjoni li jilħaq kriterji uniformi. Dak id-dokument għandu, fuq applikazzjoni sempliċi mill-importatur, jiġi approvat mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri sa perjodu speċifiku imma mingħajr b'daqshekk ma l-importatur jakkwista d-dritt għall-importazzjoni. Id-dokument għandu għalhekk ikun validu biss sakemm ir-regoli ta' l-importazzjoni ma jinbidlux.

(8) Fejn tiġi applikata s-sorveljanza tal-Unjoni, ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti kkonċernati għandu jsir soġġett għall-preżentazzjoni ta’ dokument ta’ sorveljanza li jilħaq kriterji uniformi. Dak id-dokument għandu, fuq applikazzjoni sempliċi mill-importatur, jiġi approvat mill-awtoritajiet tal-Istati Membri sa perjodu speċifiku imma mingħajr b'daqshekk ma l-importatur jakkwista d-dritt għall-importazzjoni. Id-dokument għandu għalhekk ikun validu biss sakemm ir-regoli tal-importazzjoni ma jinbidlux.

 

(Din l-emenda tapplika għat-test leġiżlattiv kollu li qed jiġi eżaminat. L-adozzjoni tagħha timponi adattamenti tekniċi fit-test kollu.)

Ġustifikazzjoni

Jinżamm l-isem tad-dokument għal raġunijiet ta’ konsistenza u sabiex ikunu evitati bidliet li jieħdu ż-żmien u li jiswew il-flus fir-rigward ta' dokumenti u sistemi tal-IT tal-Istati Membri.

Emenda  2

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Fil-każijiet urġenti li jirreferi għalihom l-Artikolu 13, l-Istati Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu b'telex l-istatistiċi meħtieġa ta' importazzjonijiet u data ekonomika lill-Kumissjoni u lill-Istati Membri l-oħra minnufih .

4. Fil-każijiet urġenti li jirreferi għalihom l-Artikolu 13, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu b'telex l-istatistika ta' importazzjonijiet u d-data ekonomika meħtieġa lill-Kumissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien.

Ġustifikazzjoni

Bidla fit-test biex jiġu evitati problemi eventwali bl-interpretazzjoni.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

La l-Kunsill, la l-Kummissjoni, la l-Istati Membri, lanqas l-uffiċjali ta' kull waħda minn dawn, m'għandhom jiżvelaw xi informazzjoni ta' natura kunfidenzjali mgħoddija lilhom b'mod konformi ma' dan ir-Regolament, jew kull informazzjoni pprovduta fuq bażi kunfidenzjali, mingħajr il-permess speċifiku mill-fornitur ta' informazzjoni bħal din.

La l-Kummissjoni, la l-Istati Membri u lanqas l-uffiċjali ta’ kwalunkwe wieħed minnhom ma għandhom jiżvelaw l-ebda tagħrif ta’ natura kunfidenzjali li jkunu rċevew skont dan ir-Regolament, u l-ebda tagħrif li jkun ingħata fuq bażi kunfidenzjali mingħajr il-permess speċifiku ta’ min ikun forna dan it-tagħrif.

Ġustifikazzjoni

Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-atti ta’ implimentazzjoni m’għadhomx jiġu adottati mill-Kunsill, iżda mill-Kummissjoni permezz tal-proċedura l-ġdida ta' komitoloġija.

Emenda  4

Proposta għal regolament

Kapitolu IVa (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

KAPITOLU IVa

 

TRAFFIKU TA’ PROĊESSAR GĦAL BARRA

Ġustifikazzjoni

L-Anness VII rivedut dwar traffiku ta’ proċessar għal barra (OPT) mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93, li jinsab fil-proċess li jiġi mħassar, għandu jinżamm fis-seħħ u trasferit għall-verżjoni riformulata billi l-OPT għadu jintuża.

Emenda  5

Proposta għal regolament

Artikolu 24a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 24a

 

Importazzjonijiet mill-ġdid ġewwa l-Unjoni ta' prodotti tessili elenkati fit-tabella stipulata fl-Anness V, imwettqa skont ir-regoli dwar traffiku ta’ proċessar għal barra attwat fil-Komunità, ma għandhomx ikunu soġġetti għal-limiti kwantitattivi msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta' dan ir-Regolament fejn huma soġġetti għal-limiti kwantitattivi speċifiċi mogħtija fit-tabella stipulata fl-Anness V u li ġew impurtati mill-ġdid wara proċessar fil-pajjiż terz korrispondenti elenkat għal kull wieħed mil-limiti kwantitattivi speċifikati.

Ġustifikazzjoni

Ara l-emenda relatata mal-Kapitolu IVa.

Emenda  6

Proposta għal regolament

Artikolu 24b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 24b

 

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament biex l-importazzjonijiet mill-ġdid li mhumiex koperti minn dan il-Kapitolu jkunu soġġetti għal limiti kwantitattivi speċifiċi, sakemm il-prodotti kkonċernati jkunu soġġetti għal-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 2,3 u 4 ta' dan ir-Regolament.

 

Meta dewmien fl-impożizzjoni ta' limiti kwantitattivi speċifiċi għall-importazzjonijiet mill-ġdid ta' prodotti bi traffiku ta’ proċessar għal barra jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa u għalhekk raġunijiet imperattivi ta' urġenza jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament għandha tapplika għal atti delegati adottati skont l-ewwel subparagrafu.

Ġustifikazzjoni

Ara l-emenda relatata mal-Kapitolu IVa.

Emenda  7

Proposta għal regolament

Artikolu 24c (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 24c

 

1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament biex twettaq trasferimenti bejn il-kategoriji ta’ prodotti stipulati fit-Taqsima A tal-Anness I u l-użu antiċipat jew ir-riport ta’ porzjonijiet tal-limiti kwantitattivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 24b minn sena għall-oħra.

 

 

Meta dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jikkawża dannu billi jimpedixxi t-traffiku ta’ proċessar għal barra minħabba r-rekwiżiti legali biex jiġu operati tali trasferimenti minn sena għall-oħra, u tali dannu jkun diffiċli li jissewwa, u għalhekk raġunijiet imperattivi ta' urġenza jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont l-ewwel subparagrafu.

 

2. Madanakollu, trasferimenti awtomatiċi skont kif provdut fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu fil-limiti li ġejjin:

 

- trasferiment bejn kategoriji ta’ prodotti stipulati fit-Taqsima A tal-Anness I sa massimu ta' 20 % tal-limitu kwantitattiv stabbilit għall-kategorija li għaliha jsir it-trasferiment,

 

- ir-riport ta' limitu kwantitattiv speċifiku minn sena għall-oħra sa massimu ta' 10,5 % tal-limitu kwantitattiv stabbilit għas-sena attwali ta’ użu,

 

- użu antiċipat ta' limitu kwantitattiv speċifiku sa massimu ta' 7,5 % tal-limitu kwantitattiv stabbilit għas-sena attwali ta' użu.

 

3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament biex jiġu aġġustati l-limiti kwantitattivi speċifiċi meta jkun hemm bżonn ta' importazzjonijiet addizzjonali.

 

Meta dewmien fl-aġġustament tal-limiti kwantitattivi speċifiċi, fejn ikun hemm il-bżonn għal importazzjonijiet addizzjonali, ikun jikkawża dannu billi jimpedixxi l-aċċess għal tali importazzjonijiet addizzjonali meħtieġa li jkun diffiċli li jissewwa, u għalhekk raġunijiet imperattivi ta' urġenza jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont l-ewwel subparagrafu.

 

4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż jew pajjiżi terzi konċernati b'xi miżuri meħuda skont il-paragrafi preċedenti.

Ġustifikazzjoni

Ara l-emenda relatata mal-Kapitolu IVa.

Emenda  8

Proposta għal regolament

Artikolu 24d (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 24d

 

1. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24a, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, qabel ma joħorġu l-awtorizzazzjoni bil-quddiem skont ir-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar traffiku ta’ proċessar għal barraekonomiku, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ammonti tat-talbiet għall-awtorizzazzjonijiet li jkunu rċevew. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-konferma tagħha li l-ammont jew ammonti mitluba huma disponibbli għall-importazzjoni mill-ġdid fil-limiti rispettivi tal-Unjoni u skont ir-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar traffiku ta’ proċessar għal barraekonomiku.

 

2. It-talbiet inklużi fin-notifikazzjonijiet lill-Kummissjoni jkunu validi jekk dawn jistabbilixxu b'mod ċar f'kull każ:

 

(a) il-pajjiż terz li fih l-oġġetti jkunu se jiġu pproċessati;

 

(b) il-kategorija ta’ prodotti tessili konċernati;

 

(c) l-ammont li se jiġi importat mill-ġdid;

 

(d) l-Istat Membru fejn il-prodotti importati mill-ġdid ħa jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa;

 

(e) indikazzjoni jekk it-talbiet jirreferux għal:

 

(i) persuna li diġà ibbenifikat u li qiegħda tapplika għall-kwantitajiet imwarrba taħt l-Artikolu 3(4) jew skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3036/941a, jew għal

 

(ii) applikant taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(4) jew taħt l-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament.

 

3. In-notifiki msemmija fil-paragrafi preċedenti ta' dan l-Artikolu jiġu komunikati elettronikament fin-network integrat stabbilit għal dan il-għan, sakemm għal raġunijiet tekniċi imperattivi ma jkunx hemm bżonn li jintużaw temporanjament mezzi oħra ta' komunikazzjoni.

 

4. Sa fejn hu possibbli, il-Kummissjoni għandha tikkonferma lill-awtoritajiet kompetenti l-ammont sħiħ indikat fit-talbiet notifikati għal kull kategorija ta' prodotti u kull pajjiż terz ikkonċernat. In-notifiki preżentati mill-Istati Membri li għalihom ma tistax tingħata konferma minħabba li l-ammonti mitluba m'għadhomx disponibbli fil-limiti kwantitattivi tal-Unjoni, jiġu maħżuna mill-Kummissjoni fl-ordni kronoloġiku li jkunu waslu fih u konfermati fl-istess ordni malli ammonti oħra jkunu disponibbli permezz tal-applikazzjoni ta' flessibbiltajiet previsti kif imsemmi fl-Artikolu 24c.

 

5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara li jkunu infurmati b'xi kwantità li ma tkunx użata matul il-perjodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni marbuta mal-importazzjoni. Dawn il-kwantitajiet mhux użati għandhom jiġu kreditati mill-ġdid awtomatikament mal-kwantitajiet fil-limiti kwantitattivi tal-Unjoni mhux imwarrba skont kif provdut fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) jew il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3036/94.

 

Il-kwantitajiet li għalihom tkun saret rinunzja skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3036/94, għandhom jiżdiedu awtomatikament mal-kwantitajiet fil-kwoti tal-Unjoni li ma jkunux imwarrba skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) jew il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament imsemmi.

 

Dawk il-kwantitajiet imsemmija fis-subparagrafu preċedenti għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 msemmi hawn fuq.

 

______________

 

1a Ir-Regolament tal-Kunsill (EC) Nru 3036/94 tat-8 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi arranġamenti ekonomiċi dwar ipproċessar mhux Komunitàrju li japplika għal ċerti prodotti tat-tessuti u drapp ri-importati fil-Komunità wara li dawn jiġu maħduma u proċessati f'ċerti pajjiżi mhux membri(ĠU L 322, 15.12.1994, p. 1)

Ġustifikazzjoni

Ara l-emenda relatata mal-Kapitolu IVa.

Emenda  9

Proposta għal regolament

Artikolu 24e (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 24e

 

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti sabiex joħorġu awtorizzazzjonijiet bil-quddiem kif imsemmi fl-Artikolu 24d flimkien ma' kampjuni tat-timbri użati minnhom.

Ġustifikazzjoni

Ara l-emenda relatata mal-Kapitolu IVa.

Emenda  10

Proposta għal regolament

Artikolu 26

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 12(3), u l-Artikoli 13 u 30 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin minn 20 ta’ Frar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 12(3), u l-Artikoli 13 u 30 kif ukoll fl-Artikolu 24b u l-Artikolu 24c(1) u (3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Frar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 12(3) u l-Artikoli 13 u 30 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha jkollha effett fil-jum wara l-publikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe atti ddelegati li huma diġà fis-seħħ.

3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 12(3) u l-Artikoli 13 u 30 kif ukoll fl-Artikolu 24b u l-Artikolu 24c(1) u (3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha jkollha effett fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe atti delegati li huma diġà fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 5(2), u l-Artikoli 13 u 30 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(2), u l-Artikoli 13 u 30 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

6. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 12(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'erba' xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 12(3) kif ukoll skont l-Artikolu 24b u l-Artikolu 24c(1) u (3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'erba' xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Ġustifikazzjoni

L-Anness VII għar-Regolament Nru 3030/93 jipprovdi għall-adozzjoni ta’ atti delegati. Minħabba t-trasferiment tal-kontenut tal-Anness VII fl-Anness V ta’ din il-proposta riformulata preżenti, l-Artikolu 26 għandu jiġi emendat ukoll sabiex jagħti s-setgħa biex jiġu adottati atti delegati.

Emenda  11

Proposta għal regolament

Artikolu 27 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(5). F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att bla dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2. Jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(5) jew (6). F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att bla dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Ġustifikazzjoni

L-Anness VII għar-Regolament Nru 3030/93 jipprovdi għall-adozzjoni ta’ atti delegati. Minħabba t-trasferiment tal-kontenut tal-Anness VII fl-Anness V ta’ din il-proposta riformulata preżenti, l-Artikolu 27 għandu jiġi emendat ukoll sabiex jagħti s-setgħa biex jiġu adottati atti delegati.

Emenda  12

Proposta għal regolament

Anness I – A. PRODOTTI TESSILI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1 – tabella – Grupp V – l-aħħar ringiela (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

163 Garża u oġġetti ta' garża magħmulin f'forom jew f'pakketti għall-bejgħ bl-imnut

 

3005 90 31

Ġustifikazzjoni

It-trasferiment tal-kodiċi 3005 90 31 tan-NM, garża u oġġetti ta' garża, mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93, li jinsab fil-proċess li jitħassar, għall-Anness I.A taħt il-kategorija 163 tal-verżjoni riformula. Dan il-prodott speċifiku kien użat fil-passat maċ-Ċina u jista' jintużaw mill-ġdid fil-futur.

Emenda  13

Proposta għal regolament

Anness VII — Regolament imħassar flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tiegħu – ringiela 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3168/94 (ĠU L 335, 23.12.1994, p. 23)

imħassar

Ġustifikazzjoni

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3168/94 se jibqa' fis-seħħ bħala att awtonomu u mhux se jitħassar.

(1)

Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.

(2)

ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-proposta tal-Kummissjoni tirrigwarda kodifikazzjoni u riformulazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 tas-7 ta' Marzu 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifiċi tal-Unjoni.

Il-proposta hija parti minn eżerċizzju ta' allinjament b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri deċiżjonali preċedenti fil-politika kummerċjali jiġu allinjati mas-sistema l-ġdida ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni. Dan sar permezz tal-Omnibus I (atti ta' implimentazzjoni) u l-Omnibus II (atti delegati) li emendaw sensiela ta' Regolamenti fil-qasam kummerċjali, inkluż l-att ikkonċernat.

Matul dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni identifikat xi żbalji li jeħtieġu jiġu korretti. Sabiex jiġu inkorporati xi emendi sustanzjali, tqies li hemm bżonn li l-kodifikazzjoni tinbidel f'riformulazzjoni. F'dak li għandu x'jaqsam mas-sustanza ta' dawn l-emendi, fil-biċċa l-kbira huma korrezzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, skont il-qbil li ntlaħaq għall-Omnibus I, il-proċedura deċiżjonali preċedenti fl-Artikolu 23 ġiet sostitwita b'deċiżjoni skont il-proċedura ta' eżami.

Attwalment, l-uniċi pajjiżi li l-UE timporta mingħandhom u li mhumiex koperti bi ftehimiet bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra jew b'regoli ta' importazzjoni speċifiċi tal-UE – inklużi l-Iskema ta' Preferenzi Ġeneralizzati u l-arranġament Kollox ħlief Armi – huma l-Bjelorussja u l-Korea ta' Fuq.

Ir-Regolament jistabbilixxi limiti kwantitattivi annwali għall-importazzjonijiet ta' għadd ta' prodotti tessili minn dawn iż-żewġ pajjiżi, li l-ġestjoni u d-distribuzzjoni tagħhom issir permezz ta' Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, u jippermetti t-twaqqif ta' miżuri ta' sorveljanza u ta' salvagwardja tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament jippermetti li jiġu imposti miżuri ta' sorveljanza fuq pajjiżi terzi oħra meta l-importazzjonijiet tessili li joriġinaw minnhom jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw ħsara serja għall-produzzjoni tal-UE ta' prodotti simili jew f'kompetizzjoni diretta.

Is-settur tessili hu wieħed sensittiv għall-UE. Hu għalhekk importanti li r-regoli applikabbli jkunu ċari u faċli biex jintużaw għall-operaturi kkonċernati, u li jiżguraw ċertezza legali.

Matul l-eżami tal-proposta mill-Parlament u l-Kunsill, deher ċar li kien hemm il-bżonn ta' aktar korrezzjonijiet tekniċi għall-proposta tal-Kummissjoni. Għalhekk, ir-Rapporteur qed jipproponi xi emendi li jfittxu li jiċċaraw aktar il-proposta u jiżguraw aktar ċertezza legali u konsistenza.

Bħala segwitu għal dawn il-kunsiderazzjonijiet u abbażi tal-opinjoni favorevoli tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, ir-Rapporteur jirrakkomanda li din il-proposta tal-Kummissjoni tiġi adottata b'modifiki żgħar.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

Ref. D(2014)54269

Bernd Lange

President, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

ASP 12G205

Brussell

Suġġett:     Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifiċi tal-Unjoni (riformulazzjoni)

                  COM(2014)0345 – C8 - 0023/2014 – 2014/0177(COD))

Sur President,

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont l-Artikolu 104 dwar it-Tfassil mill-Ġdid (riformulazzjoni), kif introdott fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Il-Paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jgħid hekk:

"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli b'dan.

F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 169 u 170, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli mis-suġġett jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.

Madankollu, jekk f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehima Interistituzzjonali l-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jippreżenta emendi għall-partijiet kodifikati tal-proposta, huwa għandu jinnotifika minnufih il-ħsieb tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tgħarraf lill-kumitat, qabel il-vot skont l-Artikolu 58, bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' tfassil mill-ġdid."

B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal riformulazzjoni, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li l-proposta inkwistjoni ma tinkludi l-ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u li, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil fis-sustanza tagħhom.

Bħala konklużjoni, wara li ddiskutieha fil-laqgħa tiegħu tat-Tlieta, 11 ta' Novembru 2014, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bi 19-il vot favur u 2 astensjonijiet(1), qed jirrakkomanda li l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi bl-eżami tal-proposta msemmija hawn fuq bi qbil mal-Artikolu 104.

Dejjem tiegħek,

Pavel Svoboda

Mehmuż: Opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv

(1)

Kienu preżenti l-Membri li ġejjin: Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Daniel Buda, Kostas Chrysogonos, Sergio Gaetano Cofferati, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Rosa Estaràs Ferragut, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Heidi Hautala, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Evelyn Regner, Virginie Rozière, Helga Stevens, Pavel Svoboda, Axel Voss, u Tadeusz Zwiefka.


ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

 

 

 

 

GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV

TAS-SERVIZZI LEGALI

Brussell, 17 Settembru 2014

OPINJONI

                     GĦALL-ATTENZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

                                                              TAL-KUNSILL

                                                              TAL-KUMMISSJONI

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifiċi tal-Unjoni

COM(2014) 345 final of 12.6.2014 - 2014/0177 (COD)

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali, u partikolarment il-punt 9 ta' dan il-Ftehim, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv, magħmul mis-Servizzi Legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fl-10 ta' Lulju 2014, kellu laqgħa ddedikata, fost affarijiet oħra, għall-eżami tal-proposta msemmija hawn fuq, imressqa mill-Kummissjoni.

Waqt din il-laqgħa(1), b'riżultat tal-eżami tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirriformula r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 tas-7 ta' Marzu 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokoll jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifiċi tal-Unjoni, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv, mingħajr dissens, ikkonkluda li l-proposta ma tinkludi l-ebda emendi sustanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali. Il-Grupp ta' Ħidma kkonkluda wkoll li, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-att preċedenti flimkien ma dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-test legali eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali.

F. DREXLER                        H. LEGAL                            L. ROMERO REQUENA

Ġurikonsult                            Ġurikonsult                            Direttur Ġenerali

(1)

             Il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv ħadem fuq il-bażi tal-verżjoni Ingliża, il-verżjoni oriġinali tat-test eżaminat.


PROĊEDURA

Titolu

Importazzjoni ta’ prodotti tessili minn ċerti pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehimiet, protokolli jew arranġamenti bilaterali oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifiċi tal-Unjoni (riformulazzjoni)

Referenzi

COM(2014)0345 – C8-0023/2014 – 2014/0177(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

12.6.2014

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

28.1.2015

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

28.1.2015

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

JURI

3.9.2014

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Jarosław Wałęsa

3.9.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

5.11.2014

3.12.2014

21.1.2015

 

Data tal-adozzjoni

22.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Gabrielius Landsbergis, Bernd Lange, Marine Le Pen, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Goffredo Maria Bettini, Reimer Böge, Victor Boștinaru, Dita Charanzová, Sajjad Karim, Fernando Ruas, Ramon Tremosa i Balcells, Jarosław Wałęsa

Data tat-tressiq

29.1.2015

Avviż legali