Proċedura : 2014/2212(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0018/2015

Testi mressqa :

A8-0018/2015

Dibattiti :

PV 11/03/2015 - 7
CRE 11/03/2015 - 7

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2015 - 9.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0069

RAPPORT     
PDF 226kWORD 174k
2.2.2015
PE 541.454v02-00 A8-0018/2015

dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015

(2014/0000(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Ildikó Gáll-Pelcz

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015

(2014/0000(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2014 bit-titolu “Stħarriġ Annwali ta' Tkabbir 2015” (COM(2014)902),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bit-titolu ‘Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014’ (COM(2013)0800) u r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bit-titolu ‘Suq Uniku għat-tkabbir u l-impjiegi: Analiżi tal-progress li sar u tal-ostakli li għad fadal fl-Istati Membri – Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014’ (COM(2013)0785),

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 bit-titolu ‘L-Istat ta' Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013’ (COM(2012)0752),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Gunju 2012 bit-titolu ‘Governanza Aqwa tas-Suq Uniku’ (COM(2012)0259),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ‘Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2014 bit-titolu "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2014)0130),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu ‘Is-Semestru Ewropew 2014: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi – Nibnu t-tkabbir’ (COM(2014)0400),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu ‘Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid’ (COM(2012)0573),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 intitolata “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – 'Flimkien għal tkabbir ġdid'” (COM(2011)0206),

–    wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta’ Mejju 2010 ta’ Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu “Strateġija ġdida għas-suq uniku. Għas-servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà Ewropea’,

–    wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu ‘The Cost of Non-Europe in the Single Market’ (Il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku) li ġie kkommissjonat mill-Kumitat IMCO,

–    wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu ‘Indicators for Measuring the Performance of the Single Market– Building the Single Market Pillar of the European Semester’ (L-indikaturi biex jitkejjel ir-rendiment tas-Suq Uniku – Nibnu l-Pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew)’ li ġie kkommissjonat mill-Kumitat IMCO,

–    wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu ‘Contribution of the Internal Market and Consumer Protection to Growth’ (Il-Kontribut tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur għat-Tkabbir) li ġie kkommissjonat mill-Kumitat IMCO,

–    wara li kkunsidra l-edizzjoni ta' Lulju 2014 tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku onlajn,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta' Marzu 2014,

–    wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 u s-26 ta' Settembru 2014 dwar l-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku(1), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-8 ta' Mejju 2013,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew(2), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-28 ta' Mejju 2014,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2014(3),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0018/2015),

A.  billi fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija Ewropa 2020, is-Suq Uniku u s-Suq Uniku diġitali (DSM) għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ għodod ewlenin sabiex jitkebbes mill-ġdid it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu impjiegi ta’ kwalità fl-UE, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li jkun hemm komplementarjetà mal-muturi aktar tradizzjonali tat-tkabbir, pereżempju billi tagħti spinta lill-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, fit-taħriġ u fl-edukazzjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari lill-ħtiġijiet tal-SMEs;

B.   billi l-istrateġija tas-Suq Uniku teħtieġ approċċ olistiku li jqis it-tħassib taċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs u li jipproġetta l-prijoritajiet tas-Suq Uniku fl-oqsma politiċi kollha, sabiex tiżgura l-ikkompletar ta' Suq Uniku vijabbli li jservi ta' katalist għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir sostenibbli;

C.  billi hemm bżonn li tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku fis-Semestru Ewropew bħala prijorità orizzontali fil-politiki differenti tal-Unjoni, li tippreserva l-bilanċ meħtieġ bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u biex titjieb il-kwalità tat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli li jirregolaw is-Suq Uniku sabiex dawn jiffunzjonaw kemm f’termini prattiċi kif ukoll ekonomiċi, u jitnaqqas ukoll b’mod sinifikanti t-tul tal-proċeduri ta’ ksur;

D.  billi l-Governanza tas-Suq Uniku fis-Semestru Ewropew u s-CSRs korrispondenti għal Ewropa aktar kompetittiva varaw proċess pożittiv ħafna, li jiġġenera impjiegi ta’ kwalità flimkien ma' tkabbir ekwu li aktar jattira l-investituri;

E.   billi, aktar minn 20 sena wara l-ħolqien uffiċjali tiegħu, is-Suq Uniku għadu ma tlestiex għalkollox, prinċipalment minħabba li l-Istati Membri għadhom ma ttrasponewx jew għadhom ma implimentawx bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

F.   billi l-istrateġija tas-Suq Uniku tal-UE teħtieġ tiġi affrontata b'koerenza u determinazzjoni, u li tiġi kkoordinata u bbażata fuq approċċ olistiku u ftehim pragmatiku, komprensiv u mifrux appoġġjat mill-Istati Membri kollha u l-istituzzjonijiet tal-UE; billi għad hemm bżonn ta' tmexxija b’saħħitha, impenn u koordinazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE kollha, speċjalment mill-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, kif ukoll responsabbiltà politika ċara, kooperazzjoni u solidarjetà min-naħa tal-Istati Membri sabiex jiġu implimentati u infurzati bis-sħiħ id-direttivi u r-regolamenti relatati mas-Suq Uniku, u biex tiżdied il-kredibbiltà tas-Suq Uniku u l-fiduċja fih u fil-ġestjoni tiegħu;

G.  billi għalkemm jeżistu diversi strumenti, l-aktar fil-forma ta' indikaturi speċifiċi, biex titkejjel il-prestazzjoni ekonomika tas-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew, s'issa dawn għad ma kellhomx impatt ċar fuq il-politika;

H.  billi għandu jsir sforz massimu biex mhux biss jiġu żgurati ċ-ċarezza, is-simpliċità, l-operabilità u l-infurzabilità tal-leġiżlazzjoni iżda wkoll biex jiġi stabbilit qafas prevedibbli u stabbli għall-valutazzjoni ta' kif il-leġiżlazzjoni fiż-żona tas-Suq Uniku taħdem fil-prattika;

I.    billi, jeħtieġ li jkun hemm Suq Uniku effettiv u li jiffunzjona tajjeb, ibbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u ferm innovattiva u kompetittiva, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli u lill-kompetittività, biex jiġi attirat l-investiment, biex tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u biex jinħolqu l-impjiegi sabiex l-ekonomija tal-Ewropea terġa' tieħu r-ruħ; billi Suq Uniku aktar fil-fond u aktar ġust b'bażi industrijali msaħħa huwa fost l-ogħla prijoritajiet tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015; billi l-Istati Membri u l-UE għandhom ifasslu flimkien politika industrijali Ewropea, li tibni fuq il-ħidma li diġà twettqet f'dan il-qasam fis-snin riċenti u li tiffoka fuq setturi strateġiċi, ukoll bil-ħsieb li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-programm ta' ħidma; billi s-Suq Uniku huwa meħtieġ ukoll sabiex jippermetti li l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tan-negozju jitqiesu b'mod adegwat u jiżgura li l-politiki proposti jistgħu jipprovdu valur miżjud għaċ-ċittadini Ewropej u atturi oħra;

J.    billi jeħtieġ li jkun hemm fokus aktar qawwi fuq is-Suq Uniku fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tiegħu għat-tkabbir u l-impjiegi, biex it-tisħiħ tas-Suq Uniku jitqiegħed fil-qalba tal-Istrateġija Industrijali Ewropea, biex l-effetti pożittivi tiegħu jiġu kkomunikati aħjar u biex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minnu;

K.  billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jikkompletaw is-suq intern tal-enerġija sal-2014 u li jintegraw "il-gżejjer tal-enerġija" fis-suq intern tal-enerġija sal-2015;

L.   billi suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ huwa indispensabbli għall-objettivi ġenerali tal-Unjoni tas-sigurtà u s-sostenibilità tal-enerġija, u huwa ta' valur kruċjali għall-kompetittività globali tagħha, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda, kif rikonoxxut fl-Att dwar is-Suq Uniku II u l-istrateġija Ewropa 2020;

I. Il-bini tal-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew

1.   Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-governanza tas-Suq Uniku billi tiżviluppa sett ta' strumenti analitiċi biex tkejjel b'mod aħjar il-prestazzjoni ekonomika u regolatorja tas-Suq Uniku fi ħdan il-qafas tal-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew; jemmen li tali strument analitiku jista' jipprovdi input utli għas-CSRs, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), il-gwida tal-Kunsill Ewropew lill-Istati Membri, u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali bil-għan li jiġu implimentati linji gwida tas-Suq Uniku;

2.   Jenfasizza l-importanza u l-valur miżjud tar-rapporti ta’ integrazzjoni tas-Suq Uniku tas-snin preċedenti, minħabba l-kontribut tagħhom għall-prijoritajiet ġenerali stabbiliti fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u l-identifikazzjoni tas-CSRs fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; għaldaqstant isibha ferm deplorevoli li r-rapport tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku tħalla barra għall-2015;

3.   Barra minn hekk, jiddispjaċih dwar l-ommissjoni tar-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku peress li qed isseħħ fi żmien meta l-Parlament u l-Kummissjoni kienu qed jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw indikaturi speċifiċi biex jivvalutaw l-integrazzjoni tas-suq intern u l-benefiċċji potenzjali kollha ta’ integrazzjoni mmirata ulterjuri fl-oqsma prinċipli tat-tkabbir; jitlob, għalhekk, li jitqawwew l-isforzi intiżi biex jiżguraw li r-regoli li diġà qegħdin fis-seħħ jiġu implimentati u infurzati aħjar;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika r-ristrutturar tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015, u tispjega għaliex naqset milli tippubblika studju ta’ kontribuzzjoni dwar l-istat attwali ta’ integrazzjoni tas-Suq Uniku fir-rigward tal-oqsma prinċipali bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika tal-anqas id-data miġbura dwar is-Suq Uniku sabiex tikkumplementa l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ta’ din is-sena;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, kemm jista’ jkun malajr fl-2015, rapport dwar l-istat ta’ Integrazzjoni tas-Suq Uniku sabiex dan ir-rapport ikun jista’ jistabbilixxi r-rotta għall-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew 2015; jenfasizza, madankollu, li fil-futur jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-ġdid iż-żmien tar-rapport; huwa tal-fehma li, għal impatt massimu, anke fir-rigward tas-CSRs, dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat flimkien mal-SAT;

6.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta rapport obbligatorju kull sena bil-għan li jiġi mmonitorat il-funzjonament tas-Suq Uniku fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew, u li jippreżenta analiżi tal-istat tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku fl-oqsma prinċipali bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-prijoritajiet tal-politika fil-kuntest tal-SAT, li jikkontribwixxu biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-tkabbir tas-Suq Uniku, u biex jitneħħew l-ostakoli li fadal għal integrazzjoni ulterjuri;

7.   Jinnota l-appoġġ fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 għal Suq Uniku integrat li joffri lill-konsumaturi l-istess possibbiltajiet bħal fis-swieq lokali tagħhom, u jenfasizza li d-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi onlajn m’għandhomx ikunu anqas minn dawk offruti fis-swieq tradizzjonali tagħhom stess;

8.   Jenfasizza r-rikonoxximent fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 li, sabiex il-kompetittività fl-Ewropa tiżdied, jeħtieġ li tiġi evitata regolazzjoni li timponi piżijiet żejda, b’mod partikulari għall-SMEs, jitjieb l-aċċess għall-finanzi u tiġi żgurata l-kwalità tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni;

9.   Jinnota l-benefiċċji potenzjali offruti bl-immodernizzar tal-amministrazzjoni kif muri fl-SAT u kif dan jista’ jgħin biex jitneħħew il-burokrazija u l-ostakli regolatorji, u b'hekk jgħin lin-negozji u liċ-ċittadini billi jqawwi l-kompetizzjoni, l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;

10. Jitlob li jkun hemm tiġdid komprensiv tal-qafas għall-governanza tas-Suq Uniku u tisħiħ tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u applikazzjoni korretti, fil-mument opportun, u effettivi, tar-regoli tas-Suq Uniku; jenfasizza l-ħtieġa li s-Suq Uniku jintuża bħala t-tielet pilastru tas-Semestru Ewropew sabiex jiġu koperti għadd ta' prijoritajiet ċari relatati mal-ekonomija reali, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fi ħdan l-UE;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont sħiħ tal-oqsma ewlenin ta' tkabbir u tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għall-bini ta' Suq Uniku tal-UE adatti għas-seklu 21, li ġew identifikati preċedentement mill-Kummissjoni u komplew jiġu speċifikati fl-istudju ta' Settembru 2014 bit-titolu ‘The Cost of Non-Europe in the Single Market’ (Il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku) u inklużi s-servizzi, is-Suq Uniku Diġitali u, b'mod partikolari, il-kummerċ elettorniku, l-acquis tal-konsumaturi, l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, u l-moviment liberu ta' prodotti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tlesti s-Suq Uniku fit-trasport u l-enerġija;

12. Jikkunsidra li jeħtieġ li tiġi definita sistema ta' kejl integrata, li tikkombina diversi metodoloġiji bħal indikaturi komposti, sett sistematiku ta' indikaturi u strumenti settorjali, sabiex titkejjel il-prestazzjoni tas-Suq Uniku bil-għan li tiddaħħal fis-Semestru Ewropew; jenfasizza li, sabiex jitkejjel u jiġi pprovdut inċentiv għall-approfondiment tas-Suq Uniku fl-oqsma prijoritarji ewlenin, għandhom jiġu kkunsidrati indikatur ewlieni u mira għal dan l-indikatur fir-rigward tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi metodoloġija għall-miri kwantitattivi għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-livell Ewropew; jinnota l-esperjenzi pożittivi f'ċerti Stati Membri li stabbilixxu miri ta' tnaqqis nett bl-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità; jitlob li din il-metodoloġija tiġi kkunsidrata fl-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi;

14. Jinnota li fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi fuq is-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew, għandhom isiru aktar sforzi biex tiġi promossa l-provvista ta' dettalji adegwati dwar il-metodoloġija applikata u d-data użata, sabiex jiġu żgurati l-kredibbiltà u l-komparabbiltà tar-riżultati miksuba, jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet rilevanti ma' valutazzjonijiet ex-post u jintwerew nuqqasijiet fid-data meħtieġa biex jitwettqu l-valutazzjonijiet;

15. Itenni t-talba tiegħu biex il-proċeduri jipprovdu l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew fiċ-ċiklu ta' governanza ekonomika, jippreżentaw l-adozzjoni, mill-Parlament u mill-Kunsill, ta' miżuri oħra neċessarji, b'mod partikolari, miżuri li jindirizzaw l-qosma fejn il-qafas regolatorju tal-Unjoni ġie stabbilit skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 TFUE;

16. Jiddispjaċih li s-CSRs ma ġewx allinjati suffiċjentement mal-miri ta' Ewropa 2020; jitlob, għalhekk, għal sforzi aktar determinati biex imexxu u jikkoordinaw il-politiki nazzjonali u tal-UE u għall-kontinwazzjoni tal-miżuri speċifiċi li huma meħtieġa biex jissaħħaħ is-Suq Uniku u jiġi sfruttat il-potenzjal tiegħu bil-għan li tingħata spinta lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ;

17. Jemmen li hemm bżonn li s-sjieda tas-CSR mill-parlamenti nazzjonali tissaħħaħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tippreżenta s-CSRs fil-parlamenti nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill; jitlob, barra minn dan, lill-Istati Membri juru aktar impenn għall-implimentazzjoni tas-CSRs u jittrasponu l-objettivi tal-UE b'mod rigoruż fl-objettivi tagħhom stess fil-livell nazzjonali; jikkunsidra, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw annwalment u b'mod dettaljat dwar l-implimentazzjoni tas-CSRs dwar l-oqsma tas-Suq Uniku; itenni, barra minn hekk, it-talba tiegħu li l-Kummissjoni tirrapporta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-miżuri meħuda biex jiżguraw il-progress fl-implimentazzjoni tas-CSRs u l-progress li nkiseb s’issa; jistieden lill-Istati Membri jispjegaw ir-raġunijiet għall-varjazzjonijiet sinifikanti fir-rigward tas-CSRs lill-kumitat kompetenti tal-Parlament;

18. Jappoġġja l-enfasi mqiegħda fuq l-importanza tat-tneħħija ta' restrizzjonijiet u ostakli mhux ġustifikati għal dħul fis-setturi ewlenin bħal pereżempju s-servizzi tal-konsumaturi, il-kummerċ elettroniku u s-servizzi kummerċjali fis-CSRs għall-2014; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jagħtu l-ogħla importanza lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet u biex, bħala prijorità immedjata, ineħħu dawn l-ostakli għat-tkabbir tas-Suq Uniku;

19. Jitlob li s-CSRs li jmiss fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2014 għandhom jirriflettu r-riżultati tar-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku b'mod aktar b'saħħtu u rigoruż minn qabel;

20. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni s’issa għadha ma kkunsidratx il-promozzjoni tas-Suq Uniku bħala prijorità fil-qafas tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex il-governanza tas-Suq Uniku, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ffukati fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività, tagħmilha parti essenzjali tal-fażijiet sussegwenti kollha tal-proċess tas-Semestru Ewropew; ifakkar lill-Kummissjoni li Suq Uniku ġenwin f’dawn l-oqsma jagħti spinta sinifikanti lit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE; jappella sabiex l-opportunità provduta b'dan il-qafas ġdid tinħataf u sabiex l-oqsma ewlenin għat-tkabbir u l-miżuri inklużi fl-Atti I u II dwar is-Suq Uniku jiġu żviluppati kemm jista’ jkun, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu t-tħassib u l-aspettattivi taċ-ċittadini;

21. Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ integrat mill-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet, is-sħab soċjali u l-partijiet interessati fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki sabiex l-ekonomija soċjali tas-suq titmexxa ’l quddiem; 

22. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-fondi tal-UE għall-perjodu 2007-2013; jinnota l-opportunità għall-Istati Membri u r-reġjuni biex ifasslu l-politiki u l-investimenti tagħhom fil-perjodu 2014-2020 lejn setturi fejn jiġu ġġenerati aktar tkabbir u impjiegi, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ, bħas-Suq Uniku Diġitali, l-enerġija, is-servizzi u l-ekonomija ħadra, filwaqt li jsir investiment ukoll fir-RŻI fuq bażi ġenwina u orjentata fuq il-kwalità b'tali mod li jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għall-infrastruttura tan-netwerk;

II. Il-potenzjal mhux sfruttrat tas-Suq Uniku fl-oqsma prinċipali ta' tkabbir

23. Ifakkar li s-Suq Uniku hu mutur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi u għandu rwol indispensabbli biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinnota, madankollu, li dan il-potenzjal għadu mhux qed jiġi sfruttat f'diversi aspetti;

24.     Ifakkar it-tliet prijoritajiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020:- l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni;

- il-promozzjoni ta' ekonomija aktar effiċjenti fl-użu ta' riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva;

- il-promozzjoni ta’ ekonomija b’livell għoli ta’ impjiegi li twassal għal koeżjoni soċjali u territorjali;

25. Jilqa’ l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni fl-SAT għall-2015 li jagħti spinta koordinata għall-investiment fl-UE sabiex tiżdied id-domanda domestika u titrawwem ekonomija aktar kompetittiva; jemmen bis-sħiħ li, bil-ħsieb li nkunu kemm jista’ jkun ambizzjużi, hemm bżonn li tingħata prijorità lill-investimenti li jinkoraġġixxu l-ekonomija diġitali u l-ħolqien ta’ suq intern aktar kompetittiv f’kooperazzjoni mal-Istati Membri;

26. Huwa mħasseb ħafna dwar il-livelli li qed jinżlu tal-investiment privat fl-Ewropa u n-nuqqas ta’ fiduċja tal-investituri privati, li qed iwasslu għal nuqqas ta’ rieda biex jinvestu, b’mod partikolari b'konsegwenza tan-nuqqas ta’ riformi strutturali, in-nuqqas ta’ strateġija tal-UE favur it-tkabbir, u l-ostakli persistenti fi ħdan is-Suq Uniku għat-tkabbir f’oqsma bħall-kummerċ elettroniku; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament il-Pjan ta' Investiment, u jikkontribwixxu għall-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku, billi jissuplimentaw l-ammonti pprovduti permezz tal-baġit tal-UE u mill-BEI, bil-għan li jiggwidaw u jħeġġu l-investiment mis-settur privat;

27. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex jiffokaw fuq l-ekonomija reali meta jfasslu u jiżviluppaw l-politiki ta’ investiment li, min-naħa tagħhom, għandhom jattiraw l-investiment privat; barra minn hekk, jitlob ukoll li jkun hemm investiment fit-taħriġ kemm tal-individwi kif ukoll tal-kumpaniji għall-era diġitali, inklużi l-aħħar teknoloġiji fis-settur tal-enerġija, billi dan jipproduċi effett ta’ lieva, li jiżgura netwerk diġitali globali, appoġġ għall-edukazzjoni u R+I ta’ kwalità, li jwassal għal progress solidu fil ksib ta’ Suq Uniku fis-settur tat-trasport, biex b’hekk inkunu nistgħu nikkompetu fuq l-istess livell mas-setgħat dinjin ewlenin;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-qafas regolatorju għall-SMEs, minħabba l-kapaċità ta’ ħolqien ta’ impjiegi tagħhom; jitlob li jiġu massimizzati l-opportunitajiet ippreżentati mill-programm COSME mhux biss f'termini tat-trawwim tal-intraprenditorija fl-Ewropa, iżda wkoll tat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzi u għas-swieq kemm tal-UE kif ukoll dawk globali;

29. Jenfasizza l-bżonn li ssir rabta bejn l-investiment u l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, billi jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet offruti mill-ekonomija u s-soċjetà diġitali u tiġi żviluppata politika industrijali Ewropea intelliġenti; jinnota li dan l-investiment għandu jqis b'mod partikolari l-SMEs, li jiffaċċjaw l-akbar problemi biex jaċċessaw l-investiment, u għandu jinkludi miżuri prattiċi biex jappoġġja l-istart-ups u l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni bħala sors ta’ impjiegi għall-ġejjieni għaż-żgħażagħ;

30. Jenfasizza l-ħtieġa li jitkebbes mill-ġdid l-ispirtu imprenditorjali fl-Ewropa permezz ta’ miżuri prattiċi, li jfisser li jkun żgurat aċċess faċli għall-kreditu għall-SMEs, partikolarment dawk marbuta ma’ setturi ewlenin; jappella wkoll sabiex jiġu promossi forom oħra ta’ finanzjament bħala alternattivi għall-finanzjament mill-banek;

31. Jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar deċiżivi f’li jwittu l-ekonomiji tagħhom lejn l-innovazzjoni u t-tkabbir, peress li dan se jħejjina għall-kompiti u l-ħtiġijiet tal-futur fl-era diġitali; jinnota li dan ukoll se jagħmel in-negozji tagħna aktar innovattivi u aktar kapaċi jirreaġixxu fis-suq globali, b’mod partikolari bl-integrazzjoni sħiħa tal-ICT;

Is-Suq Uniku Diġitali

32. Huwa tal-fehma li, kif identifikat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015, l-avvanz tas-Suq Uniku Diġitali huwa kruċjali biex jiġi stimulat it-tkabbir, jinħolqu impjiegi ta’ kwalità, sabiex l-ekonomija Ewropea tinżamm kompetittiva fil-livell dinji u biex jinġiebu benefiċċji kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni Ewropew ambizzjuż dwar il-Gvern Elettroniku għall-2016-2020 u b’hekk tkompli tappoġġja l-objettivi tal-Ewropa 2020;

33. Jinnota l-importanza tal-investiment, inkluż fin-netwerks tal-broadband, fil-kisba tal-għanijiet u l-objettivi prijoritarji fil-qasam ewlieni tas-suq diġitali; jirrakkomanda li tiġi ddedikata parti sostanzjali tal-pjan ta’ investiment futur ta’ EUR 315 biljun għall-investimenti mmirati u strateġiċi fis-settur diġitali; jirrimarka wkoll li l-interkonnessjoni ta’ elementi bħal-livelli għoljin ta’ penetrazzjoni tan-netwerk u l-livelli għolja tal-ħiliet fl-ICT fil-popolazzjoni u n-negozji hija fattur ewlieni sabiex jinkiseb Suq Uniku Diġitali ġenwin; jappella lill-UE u lill-Istati Membri sabiex l-infrastruttura tan-netwerk diġitali u t-taħriġ diġitali għan-negozji u ċ-ċittadini tagħhom jagħmluhom prijorità għall-investiment;

34. Jemmen li l-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' ċertezza tad-dritt huma tħassib ewlieni f'dan il-qasam u li jeħtieġ li jiġi indirizzat ukoll l-infurzar inkonsistenti tar-regoli eżistenti tal-UE fl-Istati Membri;

35. Jinnota li l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali jista’ jiġġenera tkabbir addizzjonali tal-PDG ta’ 0,4 % (jew EUR 520 biljun bil-prezzijiet tal-2014) matul il-perjodu sal-2020, filwaqt li l-kisbiet fl-impjiegi jkunu ta’ madwar 0,1 %, li huwa ekwivalenti għall-ħolqien ta’ aktar minn 223 000 impjieg sal-2020, skont id-data inkluża fl-istudju “il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku”; jemmen li l-indirizzar tal-ostakoli għall-kummerċ elettroniku, l-investiment fl-infrastruttura tal-broadband u l-użu ta' teknoloġiji ġodda, bħall-4G u l-5G, huwa kruċjali għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali peress li jiddependu fuq konnessjonijiet rapidi u effettivi; iqis li l-adozzjoni tal-qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni tad-data u tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni hija essenzjali għall-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali sal-2015; jitlob li jkun hemm investiment sabiex tiġi rimedjata l-inugwaljanza fl-aċċess għan-netwerks tal-broadband u tal-4G fl-UE;

36. Jenfasizza l-korrelazzjoni bejn livelli għoljin ta’ bejgħ onlajn u ż-żidiet fil-PDG per capita, u għalhekk iħeġġeġ li jsir progress biex jinkisbu kummerċ elettroniku u cloud computing transkonfinali ġenwini; iqis essenzjali li tinġieb fi tmiemha l-frammentazzjoni f’28 suq diġitali, li jiġi ggarantit l-aċċess universali għan-netwerk, u li s-sigurtà tal-internet u l-fiduċja tal-konsumaturi jsiru l-pedamenti tas-Suq Uniku Diġitali, peress li ma jista’ jkun hemm l-ebda suq onlajn mingħajr il-fiduċja;

37. Jenfasizza li skont ir-rapport “Il-Kost tan-Non-Ewropa” li jsir progress dwar il-gvern elettroniku jista’ jiġġenera ffrankar ta’ EUR 100 biljun fis-sena; jitlob li l-isforzi tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom ikunu kkonċentrati u jiġu intensifikati sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jwettqu aktar u aktar proċeduri b’mod elettroniku, filwaqt li jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom fis-Suq Uniku, partikolarment fil-livell transkonfinali;

38. Jenfasizza li hemm bżonn ta’ regoli tas-Suq Uniku tal-UE li jkunu jistgħu jitħaddmu fl-era diġitali, u li dan jinvolvi l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku għall-pagamenti onlajn, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet elettroniċi siguri madwar l-Ewropa kollha (eż. il-fatturar elettroniku u l-firma diġitali), ir-riforma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-kjarifika tar-rekwiżiti tal-VAT fejn xieraq, sabiex tiġi ġġenerata fiduċja fil-kummerċ elettroniku, tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni li tiġi fornuta lill-konsumaturi Ewropej dwar id-drittijiet tagħhom, u jiżguraw li l-istess livell ta’ protezzjoni jkun disponibbli għall-konsumaturi onlajn bħal dak li huma mdorrijin bih fis-swieq tradizzjonali tagħhom;

39. Jenfasizza li r-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika riċenti huwa opportunità kbira biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom lejn is-Suq Uniku Diġitali li jfisser mhux biss aktar tkabbir u impjiegi, speċjalment fis-settur tal-SMEs u fost iż-żgħażagħ, iżda wkoll Unjoni Ewropea moderna u orjentata lejn il-futur;

40. Jemmen li l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, billi jipprovdu aktar servizzi diġitali u servizzi diġitali aħjar għaċ-ċittadini u l-impriżi, inaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-effiċjenza, u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transkonfinali u jimplimentaw l-oqfsa tal-interoperabilità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

41. Jenfasizza l-importanza tal-identifikazzjoni elettronika u tas-servizzi fiduċjarji biex jiżdied il-volum u l-kwalità tal-kummerċ elettroniku bil-ħsieb tat-tkabbir; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw ir-regolament dwar it-tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern sal-1 ta’ Lulju 2016;

42. Iqis it-titjib tal-ħiliet diġitali fl-Unjoni bħala prijorità assoluta;

Il-moviment liberu tal-merkanzija

43. Jemmen li l-moviment liberu tal-merkanzija, il-kapital, is-servizzi u l-persuni għad għandu potenzjal mhux sfruttat kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini f’termini ta’ effiċjenza, tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi;

44. Itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehimiet komprensivi ta’ kummerċ u ta’ investiment li jkunu jappoġġaw u jkunu kompatibbli mal-ħolqien ta’ impjiegi għall-ħaddiema Ewropej, li jkunu ta’ benefiċċju dirett għall-konsumaturi Ewropej, u jiftħu opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji tal-UE, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), filwaqt li jirrispettaw l-istandards soċjali, ambjentali u tal-konsumatur, bħala mezz essenzjali biex jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir; jesprimi l-fehma li l-Parlament irid ikun involut mill-qrib fin-negozjati dwar l-acquis tas-Suq Uniku u li kull modifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti jew l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għandha tirrispetta b’mod sħiħ ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur;

45. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-katina tal-valur tal-produzzjoni transkonfinali bħala fattur ewlieni għall-promozzjoni tal-kompetittività u t-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-ostakoli eżistenti għall-kummerċ f’setturi li huma relattivament kbar iżda li mhumiex integrati biżżejjed biex jimmassimizzaw il-benefiċċji offruti mis-Suq Uniku;

46. Jitlob li jiżdied il-monitoraġġ tal-ostakli fis-Suq Uniku għall-prodotti;

Is-servizzi

47. Jenfasizza li għandhom jiġu inklużi azzjonijiet ta' politika speċifiċi fl-istrateġija Ewropa 2020, bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli fl-oqsma tas-settur tas-servizzi koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi, u, pereżempju, fis-servizzi finanzjarji, u li titqiegħed enfasi aktar espliċita fuq l-approfondiment tas-Suq Uniku;

48. Jenfasizza li fis-settur tas-servizzi jeżisti potenzjal ta’ tkabbir sinifikanti u mhux sfruttat, kif jidher ċar mill-istimi fir-rapport “Il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku” li jirreferu għal gwadann potenzjali ta’ bejn EUR 337 biljun u EUR 637 biljun;

49. Huwa tal-fehma li, billi s-settur tas-servizzi huwa wieħed mill-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir fl-UE, hemm bżonn li jissaħħu l-miżuri mmirati biex itejbu l-kompetittività fis-settur, inkluż il-kummerċ bl-imnut, u biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni għan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs; jenfasizza l-importanza li jiġi ggarantit l-aċċess universali għas-servizzi pubbliċi għall-konsumaturi, il-familji u n-negozji kollha;

50. Iqis li l-protezzjoni tal-konsumatur, l-għażla u l-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu msaħħa, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet differenti tal-konsumaturi, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli; iqis li l-kapaċitajiet ta' għarfien finanzjarju tal-konsumaturi għandhom jiżdiedu, minħabba l-konfużjoni sinifikanti li tista' tinħoloq fir-rigward tal-prodotti finanzjarji u l-problemi li dan jista’ joħloq lill-konsumaturi individwali u lis-Suq Uniku;

51. Itenni l-ħtieġa li jiġġeddu l-isforzi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, u għalhekk jitlob li tingħata enfasi akbar fuq il-governanza fiskali tajba kemm fis-setturi privati kif ukoll publiċi fl-UE; Jenfasizza li r-rapport dwar “Il-Kost tan-Non-Ewropa” jindika li jista' jiġi ġġenerat iffrankar ta’ EUR 9 biljun kull sena permezz ta’ miżuri bħalma huma l-istandardizzazzjoni tal-fatturi elettroniċi u l-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali transkonfinali; jilqa’ t-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta’ politika fiskali nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ u titjieb il-koordinazzjoni fiskali sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta u d-distorsjonijiet tas-suq u jiġi żgurat li jkun hemm opportunitajiet indaqs fis-Suq Uniku;

52. Jilqa’ l-istqarrija li saret mill-Kummissjoni fir-rapport tal-SAT tagħha tal-2015 li “l-indirizzar tal-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-korrettezza u jippermetti lill-Istati Membri jiġbru d-dħul mit-taxxa li jkun dovut lilhom”;

53. Jerġa' jafferma l-pożizzjoni tiegħu li għandu jkun hemm żieda fil-livell ġenerali ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, sabiex tiġi stimolata l-innovazzjoni, filwaqt li ssir enfasi fuq il-livelli differenti ta’ investiment fl-Istati Membri; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jinħoloq Suq Uniku ġenwin fl-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni u għall-ikkompletar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka; jenfasizza li 85 % tal-fondi allokati għall-innovazzjoni huma attwalment użati esklussivament fuq bażi nazzjonali, mingħajr ebda kooperazzjoni transkonfinali, li tagħmilha impossibbli li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-valur miżjud fuq skala Ewropea;

L-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet

54. Jilqa’ l-adozzjoni fl-2014 tad-direttivi dwar il-proċeduri tal-akkwist pubbliku u l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, li mmodernizzaw l-akkwist pubbliku fl-UE, u li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-kuntratti pubbliċi; jenfasizza l-valur miżjud tad-direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, b’mod partikolari fejn jidħol l-iffaċilitar tal-proċeduri u li jsiru aktar trasparenti u li jiġu offruti aktar opportunitajiet lill-SMEs, biex b’hekk ikun possibbli li jsolvu l-problemi f’dawn il-kuntratti, jiżguraw iċ-ċertezza legali, il-flessibbiltà u t-trasparenza, u jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ infrastruttura ekonomika u servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja;

55. Jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet jeħtieġ li tiġi applikata bis-sħiħ u malajr sabiex jittejbu l-kwalità, l-effettività u t-trasparenza tal-investiment u tal-infiq pubbliku;

56. Jenfasizza l-ħtieġa ta' traspożizzjoni xierqa u fil-mument opportun tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku u l-valur tas-sħubijiet għall-innovazzjoni bħala mutur ewlieni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, b’mod partikolari għall-SMEs, li hemm bżonn li jkunu appoġġjati permezz ta’ miżuri speċifiċi li jrawmu l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni;

L-acquis tal-konsumaturi

57. Jiddispjaċih li l-implimentazzjoni frammentata tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumaturi tal-UE mill-Istati Membri tirriżulta f'differenzi fil-ħarsien tal-konsumaturi u fis-severità u fl-għażla taż-żmien tal-miżuri ta' infurzar meħuda; jikkunsidra li dan jillimita l-konsistenza u l-koerenza tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fl-istess setturi jew bejn kanali ta' bejgħ differenti;

58. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar rapidi tal-leġiżlazzjoni bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u d-dispożizzjonijiet dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim u s-Soluzzjoni Online għat-Tilwim, filwaqt li tiżgura t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi; jitlob li l-konsumaturi jingħataw protezzjoni adegwata b'konformità mas-suq tradizzjonali tagħhom fil-bejgħ transkonfinali u li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-data fl-era diġitali, peress li dan se jgħin biex isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fix-xiri onlajn; jirrimarka l-importanza ta’ infurzar effettiv tad-drittijiet tal-konsumaturi onlajn u l-ħtieġa ta' mezzi affordabbli u effettivi ta’ rimedju f’każ ta’ tilwim;

59. Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitħeġġeġ il-konsum sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħajja utli ta’ prodott, u li jiġu miġġielda l-prattiki mmirati deliberatament sabiex jitnaqqas dak iż-żmien tal-utilità; jittama, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tfassal pjan ta’ azzjoni koerenti;

60. Jenfasizza li d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumaturi rrappreżentat pass importanti ’l quddiem f'termini taż-żieda fiċ-ċertezza tad-dritt għall-konsumaturi u n-negozji fit-tranżazzjonijiet online, u llum din tikkostitwixxi l-istrument prinċipali għall-ħarsien tal-konsumaturi għas-servizzi onlajn;

61. Jinnota li aktar gwadanji jistgħu jinkisbu minn titjib fil-funzjonament tas-Suq Uniku, bħall-istabbiliment tas-sistema tas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR) għal tilwim tal-konsumaturi, li jista' jiġġenera ffrankar ta’ madwar EUR 22 biljun.

L-enerġija

62. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura suq intern li jiffunzjona b'aċċess mhux diskriminatorju għas-suq u livell għoli tal-ħarsien tal-konsumaturi, kif ukoll livelli adegwati tal-kapaċità ta' interkonnessjoni u adegwatezza tas-sistema;

63. Itenni l-ħtieġa li tiżdied is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-enerġija u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi kkompletat, bħala prijorità, is-suq intern tal-enerġija u li jinġieb fi tmiemu l-iżolament tal-gżejjer tal-enerġija fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

64. Iqis li, sabiex jissaħħew it-tlestija tas-suq intern, l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinovabbli u s-sigurtà tal-provvista, l-Istati Membri jeħtieġu jiksbu mira minima ta' 10 % tal-kapaċità tal-interkonnessjoni tal-elettriku bħala kwistjoni ta' urġenza, u idealment jilħqu livell ta' 30 %;

65. Iqis li l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass u l-elettriku hija fundamentali biex tingħata s-setgħa lill-konsumaturi, u jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi lill-konsumaturi fiċ-ċentru tal-politika tagħha dwar is-suq intern tal-enerġija tal-UE;

III. Strumenti għall-valutazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-istrumenti ta' governanza

66. Jirrikonoxxi li t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku tista' titqies bħala l-aħjar prattika għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tas-Suq Uniku, peress li tista' twassal għal titjib fost il-pajjiżi u proċessi biex jipprovaw ilaħħqu; jenfasizza, madankollu, li din it-tabella ta’ valutazzjoni ma tagħmel l-ebda dispożizzjoni għal għodod ta’ valutazzjoni tal-kwalità; jenfasizza l-importanza li jitjieb id-djalogu mal-Istati Membri u bejniethom biex jidentifikaw u jindirizzaw l-kumplessitajiet li qed jesperjenzaw fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku; f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni tgħin aħjar lill-Istati Membri, meta jressqu tali talba, bl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kumplessa tas-Suq Uniku;

67. Iqis, fir-rigward tal-prestazzjoni regolatorja tas-Suq Uniku, li jista' jiġi żviluppat indikatur kompost li jkejjel il-lakuna tas-Suq Uniku, jiġifieri l-piż addizzjonali li jġarrbu ċ-ċittadini u l-impriżi f'attivitajiet transkonfinali minħabba n-nuqqas ta' regoli li jirregolaw is-Suq Uniku; jinsisti li tali indikatur għandu jiffaċilita l-iżvilupp ta' konklużjonijiet li jistgħu jirriżultaw f'rakkomandazzjonijiet politiċi għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri;

68. Iqis it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali bħala għodda importanti biex tevalwa l-progess li sar mill-Istati Membri f'dan il-qasam; jemmen li l-indiċi kompost biex ikejjel il-lakuna tas-Suq Uniku għandu jinkorpora lil dik it-tabella;

69. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-inklużjoni fil-korp tal-proposti tagħha għall-istrumenti legali fil-qasam tas-Suq Uniku l-obbligu li twettaq rieżami sistemiku tat-traspożizzjoni, il-konformità, l-effettività u l-idoneità għall-iskop tal-istrumenti legali, inklużi metodoloġija u kriterji għal dan ir-rieżami; jemmen li tali metodoloġija u kriterji jippermettu valutazzjoni aħjar ta' jekk l-istrumenti legali humiex trasposti, implimentati u infurzati sewwa, u wkoll jekk u sa liem punt jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tagħhom u kif inhuma adatti għall-iskop tagħhom;

70. Jappoġġja l-ħolqien ta' Suq Uniku abbażi tal-iżvilupp ta' ekonomija inklussiva, effiċjenti fir-riżorsi u bbażata fuq l-għarfien, inklużi miżuri li jħeġġu kull tip ta' innovazzjoni fit-teknoloġiji sostenibbli, jibbilanċjaw l-interessi tal-konsumaturi u tan-negozji, u jtejbu l-mekkaniżmu informali għal soluzzjoni tal-problemi tas-Suq Uniku, bħas-SOLVIT, filwaqt li jtejbu wkoll l-għarfien pubbliku tal-punti ta' kuntatt uniku sabiex il-pubbliku jista' jsir aktar konxju tal-opportunitajiet disponibbli biex jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi fis-Suq Uniku;

71. Jirrikonoxxi ż-żieda kontinwa fl-użu tal-portali L-Ewropa Tiegħek u Pariri tal-Ewropa Tiegħek, li għandhom ikunu kapaċi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lil kull min jgħix, jaħdem jew jistudja fl-Istati Membri fl-UE, jew jivvjaġġa bejniethom ;

72. Jilqa' l-fatt li d-defiċit medju ta' traspożizzjoni fl-Istati Membri niżel aktar mil-limitu ta' 1 % miftiehem mill-Kunsill Ewropew u laħaq 0.6 %, li jirrappreżenta l-aħjar riżultat irreġistrat minn meta nħolqot it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku; jenfasizza li l-prinċipju ta’ tolleranza żero fir-rigward tat-traspożizzjoni tar-regolamenti tal-UE għandu jkun regola fundamentali kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Unjoni;

73. Jinnota li l-implimentazzjoni xierqa u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE huma kruċjali għall-ikkompletar tas-Suq Uniku; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu determinat mis-setgħat kollha tagħha biex tilħaq dan l-għan, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku u biex jissorveljaw dan l-infurzar, fost l-oħrajn permezz ta’ spezzjonijiet regolari (sweeps), filwaqt li dejjem jirriflettu fuq problemi dwar l-implimentazzjoni u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tkun aktar effiċjenti, u li l-valutazzjonijiet ex post jintużaw b'mod aktar estensiv u effettiv; jitlob monitoraġġ akbar tal-effettività tad-drittijiet tal-konsumatur fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari minħabba l-ħeffa li biha l-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-konsumaturi jistgħu jinfirxu f’dak l-ambjent;

74. Ifakkar, madankollu, li l-proċess tal-proċedimenti ta' ksur wera għadd ta' limitazzjonijiet fir-rigward tal-indirizzar b'mod rapidu u l-korrezzjoni tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b'mod aktar effikaċi mal-Kummissjoni biex isolvu l-każijiet b'aktar ħeffa;

75. Jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' implimentazzjoni jista' jkun ir-riżultat ta' kumplessitajiet fl-abbozzar inizjali; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li kemm il-leġiżlazzjoni primarja kif ukoll dik sekondarja jsegwu l-prinċipji tar-regolazzjoni aħjar kullimkien, u jużaw konsultazzjoni, valutazzjonijiet tal-impatt u rieżamijiet wara l-implimetazzjoni li jkunu xierqa;

76. Jinsisti, barra minn hekk, li għandu jsir kull sforz biex ikun żgurat li jsir użu aktar effettiv tal-proċedimenti ta' ksur għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Uniku, u li l-Istati Membri u l-Kunsill Ewropew għandhom ikomplu jiżviluppaw aktar il-proċedimenti ta' ksur fil-qafas tar-reviżjonijiet futuri tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; Hu tal-fehma, madankollu, li l-proċeduri ta’ ksur għandhom jiġu dejjem fl-aħħar istanza u għandhom jinfetħu biss wara li jkunu saru diversi tentattivi ta’ koordinazzjoni u rettifika;

°

°       °

77. Jagħti istruzzjonijiet ill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0054.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0130.

(3)

Testi adottati, P8_TA-PROV(2014)0038.


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Is-Suq Uniku jinsab fil-qalba tal-kompetittività tal-Ewropa u huwa l-akbar saħħa ekonomika tagħha. Dan is-suq ta' 500 miljun persuna jagħti lill-Unjoni Ewropea (UE) l-opportunità li tkun il-mutur ekonomiku globali. Huwa jagħti lil negozji fil-kontinent kollu suq 'ta' oriġini' li fih ibigħu l-oġġetti u s-servizzi tagħhom, jattira l-investiment minn madwar id-dinja u jservi ta' pjattaforma għas-suċċess tan-negozju Ewropew mas-suq mifrux b'mod wiesa'.

Il-kriżi wriet li hemm bżonn li l-UE ttejjeb il-mudell ekonomiku tagħha u terġa' ddaħħal il-kompetittività. Dan jirrikjedi taħlita ta' finanzi pubbliċi tajbin, riformi strutturali u investiment iffokat. L-UE 2020 hija l-istrateġija tal-UE li tippromwovi tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u s-Suq Uniku għandu rwol ewlieni fiha.

Madankollu, fil-preżent is-Suq Uniku mhux qed jissodisfa l-potenzjal tiegħu. Jeħtieġ li l-UE tappoġġja l-Istati Membri biex ikun hemm aktar negozju transfruntier fir-rigward tas-servizzi u li tieħu azzjoni urġenti biex tibqa' aġġornata ma' teknoloġiji diġitali li qed jinbidlu. L-Ewropa teħtieġ Suq Uniku adatt għas-seklu 21 biex in-negozji Ewropej ikunu jistgħu jibqgħu fuq quddiem fil-kompetizzjoni u l-konsumaturi jkunu jistgħu jgawdu minn prodotti u servizzi ta' kwalità għolja fl-UE kollha. It-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku sservi biex tattiva mill-ġdid il-mutur Ewropew għat-tkabbir u l-impjiegi, u fl-aħħar mill-aħħar isservi biex tespandi l-opportunitajiet għaċ-ċittadini. L-ewwel sfida, għalhekk, hija li ċ-ċittadini jingħataw is-setgħa li jsiru atturi sħaħ fi ħdan is-Suq Uniku.

Sabiex jinkisbu l-benefiċċji tas-Suq Uniku, ir-regoli tiegħu għandhom jiġu implimentati u infurzati b'mod xieraq. Filwaqt li l-Kummissjoni kienet qed taħdem fuq sħubija ma' Stati Membri għal dan il-għan, illum is-sitwazzjoni turi li hemm lok għal titjib. Il-medja tad-defiċit tat-traspożizzjoni naqset ftit u l-Istati Membri qed jieħdu ż-żmien (medja ta' 8 xhur) biex jittrasponu Direttivi wara li tkun għalqet l-iskadenza tat-traspożizzjoni. Bħala medja, id-dewmien ta' proċeduri ta' ksur kompla jiżdied. U anki meta r-regoli jiġu trasposti formalment b'mod korrett, spiss ma jaħdmux sew meta jiġu implimentati. In-negozji u ċ-ċittadini spiss ma jifhmux id-drittijiet tagħhom u jiltaqgħu ma' diffikultajiet meta jippruvaw jeżerċitawhom.

Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2012 irrikonoxxa l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku u tittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu. Saru talbiet simili mill-Parlament Ewropew.

Dan huwa t-tielet rapport dwar il-governanza fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) u huwa parti minn pakkett ta' tliet rapporti parlamentari li jindirizzaw is-Semestru tal-UE 2015. Huwa jiffoka, partikolarment, fuq ir-rapport tal-Kummissjoni 'Single Market for growth and jobs' (Suq Uniku għat-tkabbir u l-impjiegi) li jakkumpanja l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u jindirizza l-istat ta' integrazzjoni tas-Suq Uniku.

Il-bini tal-Pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew

It-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku huwa marbut mal-possibbiltà konkreta ta' twaqqif ta' pilastru dedikat tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapporteur tqis li l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjieg għandhom jitlestew b'parti fundamentali li tkopri l-lievi kollha li jistimulaw l-ekonomija reali li b'mod ieħor tista' titħalla barra mill-koordinazzjoni ġenerali tas-Semestru Ewropew. Tali pilastru tas-Suq Uniku għandu jkopri sett ċar ta' prijoritaijiet relatati mal-ekonomija reali u mal-oqsma ta' tkabbir ewlenin.

Għal din ir-raġuni, tinkoraġġixxi li l-ħidma tal-Kunsill tal-Kompetittività tiġi organizzata b'mod iffokat sabiex tkun espliċitament iddedikata biex twassal dawk il-prijoritajiet rilevanti lill-ekonomija reali fis-Semestru Ewropew. L-ilħuq ta' dawn il-prijoritajiet huwa essenzjali biex ikun stimulat it-tkabbir, jitnaqqas id-distakk preżenti fl-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li tiġi żgurata konverġenza ekonomika bejn l-Istati Membri ġewwa u barra ż-żona tal-ewro u fiż-żoni ċentrali u periferiċi tal-UE. L-inizjattiva tal-Presidenza Taljana dwar l-‘Approċċ fir-rigward tas-Suq Intern’ il-ġdid (AIM ġdid) fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija Ewropa 2020 huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

Ir-Rapporteur tat attenzjoni partikolari lill-oqsma ta' tkabbir ewlenin b'potenzjal rilevanti ta' rkupru u konverġenza ekonomika, bil-għan li s-Suq Intern jitkompla aktar u jkun approfondit, filwaqt li jissaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini. Sabiex jintlaħqu tali għanijiet, statistiċi purament kwantitattivi dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku mhumiex biżżejjed. Jeħtieġ li l-fokus ikun fuq il-kwalità ta' kif tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni fi ħdan l-Istati Membri, abbażi ta' indikaturi ewlenin għal setturi tas-Suq Uniku żviluppati fil-livell Ewropew.

Ir-Rapporteur temmen li l-governanza tas-Suq Uniku għandha titjieb, jekk din trid tissodisfa r-rwol ta' mutur tal-UE għall-promozzjoni u l-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi, iżda wkoll biex isservi ta' punt ta' riferiment għal impenn għal riforma strutturali fl-Istati Membri. Dan ifisser li s-sorveljanza politika terġa' tiġi restawrata fl-ogħla livell, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe distinzjoni artifiċjali bejn x'jiġri fil-livell tal-UE u x'jiġri fil-livell ta' Stat Membru, u li jiġu żviluppati strumenti effiċjenti biex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jipprovdi kemm għaċ-ċittadnii kif ukoll għan-negozji.

Ir-Rapporteur tenfasizza li diversi problemi li jiltaqgħu magħhom negozji u ċittadini fis-Suq Uniku qed jibqgħu ma jiġux solvuti, jew jiġu solvuti biss askapitu ta' ħin u spejjeż eċċessivi. Sabiex is-Suq Uniku jaħdem fil-prattika, jeħtieġ li n-negozji u ċ-ċittadini jkunu jafu d-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom u jkunu jistgħu jużawhom b'mod effettiv.

Sabiex il-liġi tas-Suq Uniku tkun aktar effettiva, jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati mekkaniżmi eżistenti b'mod urġenti u li jitjiebu s-sinerġiji bejniethom. Għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-problemi jiġu solvuti b'mod effettiv fil-livell nazzjonali u, jekk possibbli, permezz ta' mezzi informali. Dan joħloq aktar opportunitajiet għall-konsumaturi, jistabbilixxi standards ta' kwalità u jistimula prezzijiet aktar kompetittivi. It-trawwim tal-kompetittività u l-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda fis-Suq Uniku huma oqsma ewlenin għar-rivitalizzazzjoni ta' dan il-qasam ekonomiku komuni.

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat ta' integrazzjoni tas-Suq Uniku li jakkumpanja l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir diġà indika problemi u nuqqasijiet; madankollu, dan għandu jkopri wkoll ġabra ċara ta' prijoritajiet relatati mal-ekonomija reali u jindika lievi effiċjenti li jistimulaw it-tkabbir u l-kompetittività.

Ir-Rapporteur hija wkoll konvinta li l-koordinazzjoni tal-prijoritajiet tas-Suq Uniku fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għandhom ikunu ankrati fi proċess demokratiku aktar profond bl-involviment sħiħ tal-parlamenti nazzjonali, b'rispett għal prerogattivi tal-Parlament Ewropew u spazju adegwat mogħti lis-sħab soċjali u lill-partijiet interessati kollha.

Il-potenzjal mhux sfruttat tas-Suq Uniku fl-oqsma prinċipali ta' tkabbir

Fil-Komunikazzjoni dwar Governanza Aħjar għas-Suq Uniku u fl-istudju intitolat 'The Cost of Non-Europe in the Single Market' (Il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku) ta' Settembru 2014, mitlub mill-IMCO, ġew identifikati l-oqsma ewlenin ta' tkabbir għal titjib tal-funzjonament u l-approfondiment tas-Suq Uniku, permezz ta' metodoloġija li għandha tkun valutata u riveduta b'mod regolari, bħala: l-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi, l-akkwist pubbliku u konċessjonijiet, is-suq uniku diġitali, il-korp tal-liġi tal-konsumatur (acquis tal-konsumatur), l-enerġija u t-trasport.

Ir-Rapporteur temmen li dawn għadhom oqsma prijoritarji u li l-isforzi ta' koordinazzjoni għandhom jitnedew mill-ġdid. Hija tikkunsidra wkoll li dawn l-oqsma għandhom ikunu arrikkiti u kkumbinati ma' aspetti oħra relatati strettament mal-politiki tas-Suq Uniku li għalihom għandhom jitressqu miżuri u proposti oħra.

Dan ir-rapport jipprovdi okkażjoni biex issir evalwazzjoni tal-istat attwali ta' bosta proposti importanti, filwaqt li jitqies ir-rwol importanti għall-funzjonament tas-Suq Uniku li ġie attribwit lilhom.

Strumenti għall-valutazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-istrumenti ta' governanza

Fid-dawl ta' acquis diġà ffullat ta' dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku, l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa ta' dawn ir-regoli se jsiru aktar importanti sabiex jikkontribwixxu b'mod effikaċi għall-irkupru ekonomiku. Minkejja dan, l-istatistiki dwar id-defiċit fit-traspożizzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-regoli tas-Suq Uniku, kif ukoll in-numru dejjem jikber ta’ proċeduri ta’ ksur iqajmu preokkupazzjonijiet serji u juru biċ-ċar li għad m’aħniex qed ingawdu l-benefiċċji potenzjali ta’ Suq Uniku kkompletat.

Filwaqt illi t-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE fil-liġi nazzjonali tista’ tiġi perċepita bħala sempliċi teknika legali tal-Istati Membri, hemm potenzjal konsiderevoli li titjieb il-governanza tas-Suq Uniku anke f’dan l-istadju.

It-traspożizzjoni tal-miżuri kollha relatati ma’ att leġiżlattiv tal-Unjoni f'daqqa u b’mod konġunt trendi t-traspożizzjoni aktar trasparenti u koerenti billi tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt li diġà hemm strumenti li jqabblu d-dispożizzjonijiet tad-direttivi adottati fil-livell tal-Unjoni mad-dispożizzjonijiet rispettivi fil-livell nazzjonali, il-valur miżjud tagħhom fir-rigward tat-trasparenza kważi għadu ma ġiex sfruttat.

Konklużjoni

Meta jitqies in-numru kbir ta’ dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku, huwa ovvju li mhux kollha jġorru l-istess rilevanza u għandhom l-istess impatt fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Filwaqt illi fi stat ideali, dawn id-dispożizzjonijiet kollha jkunu ġew implimentati u mmonitorjati fl-istess livell, sabiex jinkiseb titjib tanġibbli għas-Suq Uniku, jeħtieġ li jingħażlu oqsma ewlenin għall-azzjonijiet. Huwa għalhekk issuġġerit li wieħed iħares b’mod partikolari lejn ir-rilevanza ekonomika u l-potenzjal tat-tkabbir tal-oqsma u l-istrumenti speċifiċi. Filwaqt li għadd ta’ oqsma u strumenti ewlenin għandhom jiġu llimitati aktar, rieżami annwali ta’ dawk il-prijoritajiet jippermetti li tiġi riflessa l-importanza attwali ta’ dawk l-oqsma u li jkun hemm reazzjoni għall-iżviluppi riċenti u l-impatt tagħhom fuq is-Suq Uniku.

Wara dawn il-konsiderazzjonijiet, ir-Rapporteur hija tal-opinjoni li sabiex jinkiseb titjib tanġibbli, jeħtieġ li jkun hemm governanza aktar ċara u aktar strinġenti tas-Suq Uniku. Għal dan l-għan, ikun adatt li jiġi stabbilit qafas trasparenti u prevedibbli fejn ir-riżultati negattivi u pożittivi possibbli tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni jiġu riflessi b’mod adegwat u regolarment. Kif intalab preċedentement f'rapporti tal-IMCO, tali governanza tas-Suq Uniku għandha tiġi organizzata fi ħdan ċiklu ta' governanza ta' Suq Uniku u għandha titqies fid-dawl tas-Semestru Ewropew. Minħabba l-importanza ekonomika tas-Suq Uniku, il-valutazzjoni regolari tal-istat tiegħu tista' tirrappreżenta valur miżjud għal dawn l-evalwazzjonijiet u tikkompleta l-istampa.

B’dawn il-miżuri proposti flimkien ma’ tmexxija b’saħħitha tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha u b'responsabbiltà politika ċara min-naħa tal-Istati Membri, ir-Rapporteur temmen li governanza aktar b’saħħitha tas-Suq Uniku se tikkontribbwixxi sabiex jitneħħew il-bqija tar-restrizzjonijiet u l-atturi kollha jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-erba’ libertajiet.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Antanas Guoga, Sergio Gutiérrez Prieto, Eduard-Raul Hellvig, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Jiří Maštálka, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Marcus Pretzell, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Pascal Arimont, Othmar Karas, Emma McClarkin, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Igor Šoltes, Ivan Štefanec

Avviż legali