Proċedura : 2014/2158(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0019/2015

Testi mressqa :

A8-0019/2015

Dibattiti :

PV 09/03/2015 - 14
CRE 09/03/2015 - 14

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0051

RAPPORT     
PDF 251kWORD 358k
4.2.2015
PE 541.465v02-00 A8-0019/2015

dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE

(2014/2158(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Morten Messerschmidt

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPEJGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE

(2014/2158(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2013 (COM(2014)0249) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2014)0148),

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 101-109 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat(1),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 169/2009 tas-26 ta' Frar 2009 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni(2),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0404),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-ħsara fl-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C(2013)3440),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2011 bit-titolu "Konsultazzjoni pubblika: Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv" (SEC(2011)0173),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 bit-titolu "Lejn Qafas Orizzontali Ewropew għal Rimedju Kollettiv" (COM(2013)0401),

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għall-mekkaniżmi tar-rimedju kollettiv inġuntiv u kompensatorju fl-Istati Membri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet mogħtija skont il-Liġi tal-Unjoni (C(2013)3539/3),

–       wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat f'Ġunju 2012 mid-Dipartiment Tematiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bl-isem "Collective redress in Antitrust" (Rimedju Kollettiv fl-Antitrust),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 ippubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża AT.39740 – Google (2013/C 120/09),

–       wara li kkunsidra l-impenji offruti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża COMP/39.398 – Visa MIF,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet)(3),

–       wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2013 dwar kontroll tal-UE fuq il-fużjoni – abbozz rivedut ta' proċedura simplifikata u regolament ta' implimentazzjoni dwar il-fużjoni,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2008 dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (il-Komunikazzjoni Bankarja)(4),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2008 bit-titolu "Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux mistħoqqa (il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni)(5),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2009 dwar it-Trattament ta' Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti)(6),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2009 fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar)(7),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar qafas temporanju [Komunitarju] għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (il-Qafas Temporanju oriġinali)(8),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Qafas temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali" (il-Qafas Temporanju ġdid li jissostitwixxi dak li spiċċa fil-31 ta' Diċembru 2010),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ ta' miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (il-Komunikazzjoni Bankarja)(9),

–       wara li kkunsidra d-dokument dwar kwistjonijiet mill-Kummissjoni għall-attenzjoni tal-KEF dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar tal-banek,

–       wara li kkunsidra l-istudju ta' Ġunju 2011 mid-Dipartiment Tematiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titolu "State aid – Crisis rules for the financial sector and the real economy" ("Għajnuna mill-Istat – Regoli dwar il-kriżi għas-settur finanzjarju u l-ekonomija reali"),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornituri ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (2012/C 8/02)(10),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali(11),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens ta' servizz pubbliku (2011)"(12),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta' April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali(13),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali(14),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-9 ta' Frar 2012 bit-titolu "Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)" (COM(2012)0209),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat(15),

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2012 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' Għajnuna mill-Istat orizzontali u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (COM(2012) 0730),

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (COM(2012) 0725),

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji(16),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-politika reġjonali bħala parti minn skemi usa' ta' għajnuna mill-Istat(17),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-20 ta' Novembru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(18) (minn issa 'l quddiem "il-Ftehim Qafas"), b'mod partikolari l-paragrafi 9, 12, 15 u 16 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Frar 2005 dwar ir-Rapport Nru XXXIII tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni – 2003(19), tal-4 ta' April 2006 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2004(20), tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar ir-Rapport rigward il-Politika tal-Kompetizzjoni 2005(21), tal-10 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007(22), tad-9 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008(23), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009(24), tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni(25), tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(26) u tad-29 ta' Ottubru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(27),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2013 bit-titolu "Towards more effective merger control" ("Lejn kontroll aktar effikaċi fuq il-fużjoni"),

–       wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Towards more effective merger control" ("Lejn kontroll aktar effikaċi fuq il-fużjoni"),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni – it-triq 'il quddiem(28),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Novembru 2014 mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, dwar l-investigazzjonijiet ta' għajnuna fiskali mill-Istat,

–       wara li kkunsidra t-Tabella Diġitali tal-2014 tal-Kummissjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0019/2015),

A.     billi hemm xi setturi fi ħdan is-suq uniku li għadhom maqsuma minn fruntieri nazzjonali u minn ostakoli artifiċjali, u fl-istess ħin hemm prattiki inkwetanti bħad-dumping soċjali jew l-użu ħażin ta' fondi strutturali li jqajmu tħassib u li għandhom jiġu indirizzati wkoll fi ħdan il-qafas tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; billi l-kompetizzjoni ma toperax b'mod ugwalment sodisfaċenti fl-Istati Membri kollha;

B.     billi l-politika tal-kompetizzjoni hija, fiha nnifisha, għodda li tissalvagwarda d-demokrazija Ewropea, minħabba li timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-poter ekonomiku u finanzjarju fi ftit idejn, ħaġa li tista' ddgħajjef il-kapaċità tal-awtoritajiet politiċi Ewropew li jieħdu azzjoni li tkun indipendenti mill-gruppi industrijali u bankarji kbar;

C.     billi l-politika tal-kompetizzjoni bbażata fuq kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha hija pedament tal-ekonomija tas-suq soċjali Ewropew, kif ukoll għodda essenzjali biex tiżgura l-funzjonament tajjeb ta' suq intern dinamiku, effiċjenti, sostenibbli u innovattiv, biex tmexxi t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, u biex tkun kompetittiva fix-xena globali; billi għalhekk il-kriżi ekonomika u finanzjarja m'għandhiex tkun pretest biex jiġi llaxkat l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni;

D.     billi kull sena jiġi akkumulat telf ta' EUR 181-320 biljun – madwar 3 % tal-PDG tal-UE – minħabba l-eżistenza ta' kartelli;

E.     billi l-ekwivalenti ta' EUR 1,6 triljun ingħata f'għajnuna mill-Istat lil banek fl-UE matul il-perjodu mill-2008 sa tmiem l-2011;

F.     billi huwa stmat li l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u r-rifuġji fiskali qed jiswew lill-kontribwenti tal-UE s-somma ta' EUR 1 triljun kull sena fi dħul mitluf, distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq uniku bejn dawk il-kumpaniji li jħallsu t-taxxi u dawk li ma jħallsux;

G.     billi ċ-ċittadini Ewropej iridu li jkollhom servizzi pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja;

H.     billi l-applikazzjoni stretta tal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni hija primarjament ta' benefiċċju għall-konsumatur, filwaqt li n-nuqqas ta' kompetizzjoni twassal għal allokazzjoni żbaljata ta' riżorsi u għal produttività aktar baxxa;

I.      billi f'termini ta' spejjeż tal-enerġija s-suq uniku Ewropew għandu prestazzjoni agħar minn dak tal-Istati Uniti, b'dispersjoni fil-prezzijiet ta' 31 % meta mqabbla ma' 22 % fl-Istati Uniti;

J.      billi l-ħolqien ta' "passaport ta' amministrazzjoni tas-suq uniku" għandu jnaqqas id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u l-frammentazzjoni tas-suq uniku, u jtejjeb il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija Ewropea;

K.     billi l-iżvilupp b'suċċess tal-SMEs f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa huwa wieħed mill-aktar prekondizzjonijiet essenzjali għall-ħolqien tax-xogħol, it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-investiment; billi f'bosta Stati Membri l-SMEs, li jirrappreżentaw 98 % tal-impriżi tal-UE, qed ikunu affettwati minn kriżi finanzjarja serja;

L.     billi l-moviment ħieles tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital huwa essenzjali għat-tkabbir Ewropew; billi l-protezzjoniżmu jista' jillimita l-prospetti ta' tkabbir fuq terminu twil tal-industriji domestiċi;

M.    billi t-tul ta' żmien ta' kartelli mhux skoperti jvarja bejn 6 sa 14-il sena minn meta jkunu bdew u billi dan jaffettwa l-ekonomija b'piż ogħla fuq il-klijenti u finalment fuq il-konsumaturi;

N.     billi l-privattiva unitarja tal-UE hija pass 'il quddiem biex jitlesta s-suq uniku u billi l-Istati Membri kollha għandhom jipparteċipaw fiha;

O.     billi l-pubblikazzjoni tal-hekk imsejħa dokumenti "LuxLeaks" mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ssir investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti tal-prattiki b'rabta ma' deċiżjonijiet dwar it-taxxa tal-Istati Membri u l-konformità tagħhom mar-regoli ta' kontroll dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE; billi l-indipendenza tad-DĠ Kompetizzjoni hija tal-ogħla importanza biex jinkisbu dan l-għan kif ukoll għanijiet oħra jinkisbu b'suċċess;

Kummenti ġenerali

1.      Jilqa' l-fatt li d-dimensjoni ekonomika tal-UE fil-Trattati hija stabbilita bħala "ekonomija tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni ħielsa"; jenfasizza li hi meħtieġa attenzjoni akbar biex tkun promossa l-kompetizzjoni sabiex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi dwar l-impjiegi, it-tkabbir, l-investimenti u l-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea, peress li hija kompetizzjoni sostenibbli u effikaċi li tmexxi l-investimenti u l-benefiċċji għall-utent aħħari u tixpruna lill-ekonomija; jenfasizza r-rwol essenzjali tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi li jħeġġu l-innovazzjoni, il-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment mill-parteċipanti kollha fis-suq uniku u fil-mudelli kollha tan-negozju, inkluż l-SMEs, b'rispett sħiħ tad-differenzi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tinforza r-regoli dwar l-antitrust, l-għajnuna mill-Istat u l-kontroll tal-fużjonijiet sabiex jinkisbu suq intern li jiffunzjona tajjeb u progress soċjali;

2.      Huwa tal-fehma li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern jiddependi wkoll mill-ġlieda kontra d-dumping soċjali u l-implimentazzjoni tad-dritt soċjali u ambjentali Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-impatti soċjali u tax-xogħol tal-interventi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-istat, speċjalment f'dawk ir-reġjuni b'livelli għolja ta' qgħad, billi tintegra din l-analiżi fid-deċiżjonijiet tagħha;

3.      Jenfasizza l-bżonn li jittieħdu miżuri xierqa fil-qasam tal-kompetizzjoni u tat-tassazzjoni bħala għajnuna biex il-gruppi industrijali u l-SMEs Ewropej ikunu jistgħu jiffaċċjaw il-globalizzazzjoni;

4.      Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika żbilanċi possibbli bejn l-Istati Membri li jistgħu joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, kif ukoll tidentifika l-kawżi u l-impatt ekonomiku tagħhom;

5.      Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-approċċ olistiku lejn is-suq uniku li għandu l-għan li jindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta b'mod effikaċi l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-SMEs billi tqiegħed it-tħassib tagħhom fil-qofol tal-proċess deċiżjonali sabiex il-politiki proposti tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jipprovdu valur miżjud għaċ-ċittadini Ewropej;

6.      Itenni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-allokazzjoni mill-ġdid ta' riżorsi minn linji baġitarji skaduti jew sottoutilizzati lid-DĠ Kompetizzjoni; jirrimarka li l-Kummissjoni trid tingħata r-riżorsi xierqa ta' persunal biex iżżid u tapprofondixxi b'mod sinifikattiv l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-għajnuna fiskali mill-Istat bħad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u l-evitar tat-taxxa biex tagħti lill-politika tal-kompetizzjoni pożizzjoni proattiva suffiċjenti; jemmen li l-Kummissjoni jeħtieġ ikollha wkoll riżorsi legali profiċjenti biex tkompli tidentifika lakuni li sirna konxji minnhom permezz tar-rivelazzjoni tal-iskemi tat-taxxa mmirati li kienu fil-prattika f'diversi Stati Membri; jirrakkomanda, b'mod partikolari, it-tisħiħ tal-unità tal-għajnuna fiskali mill-Istat tad-DĠ Kompetizzjoni, fid-dawl tar-rivelazzjonijiet LuxLeaks;

7.      Jistenna l-iżvelar imminenti tal-eżerċizzju ta' rendikont tal-Kummissjoni wara għaxar snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament 1/2003 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament Ewropew fl-inizjattivi kollha segwenti; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri xierqa biex tallinja r-Regolament mas-sitwazzjoni legali ġodda, b'mod partikolari b'konsegwenza tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar Azzjonijiet għad-Danni;

8.      Ifakkar lill-Kummissjoni li l-kwistjoni tal-indipendenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandha tiġi ssorveljata mill-qrib;

9.      Jinsisti fuq il-fatt li l-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni m'għandhomx jintużaw ħażin b'mod li jippermettu l-implimentazzjoni ta' miżuri fiskali; jinkoraġġixxi l-Kummissjoni biex tesprimi b'mod ċar it-tħassib tagħha fil-qasam tat-tassazzjoni;

10.    Jemmen li l-prinċipji bażiċi u l-linji gwida ewlenin tal-politika tal-kompetizzjoni fil-futur għandhom ikunu mfasslin u adottati b'kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-Parlament, sabiex tiżdied il-leġittimità demokratika tal-awtorità tal-kompetizzjoni;

11.    Jikkondividi l-approċċ komuni segwit fil-proċess ta' modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, bl-għan li tiġi promossa aktar effikaċja fin-nefqa pubblika f'kuntest ta' marġini baġitarji limitati, b'mod speċjali fl-Istati Membri li ntlaqtu bl-agħar mod mill-kriżi;

12.    Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni effiċjenti tal-politika tal-kompetizzjoni teħtieġ interpretazzjoni ġudizzjarja koerenti u konsistenti;

13.    Jinnota li l-Kummissjoni Ewropea qed tiddependi dejjem iżjed minn deċiżjonijiet ta' impenn; jemmen, madankollu, li huma meħtieġa aktar trasparenza dwar is-sustanza tal-allegazzjonijiet u t-twaqqif ta' numru ogħla ta' preċedenti legali; iqis li b'mod partikolari dan japplika għal każijiet li jindirizzaw kwistjonijiet ta' antitrust f'oqsma ġodda, bħas-swieq għall-prodotti diġitali, li fihom il-kumpaniji jistgħu jsibuha diffiċli biex jivvalutaw jekk imġiba partikolari tikkostitwixxix ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni;

14.    Jemmen li sabiex tiġi żgurata aktar trasparenza u jittaffew uħud mill-iżvantaġġi tad-deċiżjonijiet ta' impenn, filwaqt li jinżammu l-benefiċċji ewlenin tagħhom, id-dettall sħiħ tal-oġġezzjonijiet indirizzati mill-Kummissjoni lill-konvenuti għandu jiġi ppubblikat;

Għajnuna mill-Istat u Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (SIEĠ)

15.    Jinnota li s-SIEĠ jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-forniment totali tas-servizzi fl-Istati Membri, u jsostni li l-forniment aktar effiċjenti tagħhom (meta mqabbel ma' servizzi oħrajn) jista' jwassal għal kisbiet sinifikanti; jafferma mill-ġdid l-importanza tad-denominazzjoni tas-SIEĠ għas-servizzi aċċessibbli universalment li huma ta' sinifikat vitali għaċ-ċittadini Ewropej, mill-kura tas-saħħa għas-sigurtà soċjali għall-provvista tal-akkomodazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jenfasizza r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura li l-kumpens mogħti lis-SIEĠ ikun kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat;

16.    Itenni li l-Fondi Strutturali tal-UE ma jistgħux jintużaw b'mod li direttament jew indirettament jappoġġaw ir-rilokazzjoni ta' servizzi jew tal-produzzjoni lejn Stati Membri oħra;

17.    Jemmen li għandha ssir aktar investigazzjoni fil-klabbs sportivi (partikolarment fil-klabbs tal-futbol) li għandhom jagħtu somom ta' miljuni lill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali, somom li għadhom ma ħallsux jew li ma ġewx reklamati mill-gvern, peress li de facto dan jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;

18.    Jenfasizza l-importanza li jiġu vvalutati l-effetti kumulattivi tat-tassazzjoni fuq l-impriżi u tal-għajnuna mill-istat;

Antitrust u kartelli

19.    Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri u tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tagħha fl-Unjoni kollha;

20.    Itenni t-tħassib tiegħu li l-użu ta' multi bħala l-unika sanzjoni disponibbli tista' ma tkunx effikaċi biżżejjed; jerġa' jitlob li jiġu żviluppati strumenti aktar sofistikati li jżidu l-effikaċja tas-sistema ta' penalitajiet; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis reviżjoni ġenerali tal-Linji Gwida dwar il-Multi tagħha tal-2006 u jitlob li dawk il-linji gwida jkunu integrati fir-Regolament 1/2013; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tikkomplementa l-multi lill-kartelli b'sanzjonijiet individwali bħall-multi individwali u l-iskwalifika ta' diretturi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji li jiksru l-liġi ma jsofrux konsegwenzi negattivi lil hinn minn azzjoni ta' rimedju proporzjonata għall-ksur li jkun sar;

21.    Jitlob lill-Kummissjoni toħloq task forces speċjali trans-DĠ maħsuba biex jimmonitorjaw is-setturi li fihom il-karatteristiċi strutturali (bħal ostakoli kbar għad-dħul jew spejjeż għoljin biex jibdlu l-klijenti) jagħmlu l-ksur tal-antitrust aktar probabbli;

22.    Jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex jitwaqqaf mekkaniżmu istituzzjonali li jiżgura li kull darba li awtorità nazzjonali tieħu deċiżjoni tal-antitrust, isir kontroll ta' segwitu awtomatiku fejn il-Kummissjoni teżamina jekk kwistjonijiet simili jaffettwawx is-swieq ġeografiċi differenti fl-Ewropa kolllha fejn il-kumpaniji sanzjonati huma wkoll attivi;

23.    Jappoġġa l-kooperazzjoni li għaddejja fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) li tippermetti koerenza fl-UE kollha fil-qasam tal-infurzar pubbliku tar-regoli tal-kompetizzjoni u jħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tagħha;

24.    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċeduri ċari dwar l-iskedi u l-iskadenzi sabiex jitħaffef il-proċess tal-investigazzjoni u jiġu evitati estensjonijiet mhux ġustifikati; jitlob drittijiet formali għall-vittmi u l-partijiet kollha involuti f'każijiet ta' antitrust u ta' kartelli, b'enfasi xierqa fuq il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

25.    Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni legali u ekonomika komprensiva ta' każijiet ta' antitrust u ta' kartelli, partikolarment fis-swieq li jinbidlu malajr, sabiex ikun hemm fehim ċar tal-istruttura tas-suq u tat-tendenzi tas-suq u jistedinha tieħu miżuri xierqa li jipproteġu l-konsumaturi;

26.    Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun iffukata b'mod partikolari fuq il-ħarsien tal-konsumaturi, it-titjib tal-benessri tal-konsumatur, it-tħeġġiġ tal-innovazzjoni u l-istimular tat-tkabbir ekonomiku;

27.    Jappella, f'dan ir-rigward, biex ikunu indikati l-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpaniji prinċipali, li jeżerċitaw ċerta influwenza fuq il-kumpaniji sussidjarji tagħhom, iżda li mhumiex involuti direttament fi ksur tal-liġi, jinżammu responsabbli in solidum għal ksur tal-antitrust min-naħa tal-kumpaniji sussidjarji tagħhom;

28.    Itenni, fir-rigward tar-reċidiva, it-talba li tiġi stabbilita relazzjoni ċara bejn il-ksur tal-liġi li jkunu qed jiġi investigat minn naħa waħda u l-ksur tal-liġi mwettaq fil-passat mill-kumpanija kkonċernata min-naħa l-oħra;

29.    Jirrikonoxxi li l-għadd ta' applikazzjonijiet għal tnaqqis ta' multi minħabba n-nuqqas ta' likwidità żdied, b'mod partikolari għal impriżi ta' "monoprodotti" u SMEs; itenni l-ħtieġa li l-linji gwida dwar il-multi jiġu adattati fir-rigward ta' impriżi ta' "monoprodotti" u SMEs;

30.    Jemmen li d-dominanza fis-suq permezz tat-tkabbir, l-innovazzjoni u s-suċċess bħala tali mhijiex problema għall-kompetizzjoni; madankollu jikkunsidra l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq bħala problema serja għall-kompetizzjoni; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm l-indipendenza u l-oġġettività fil-proċeduri relatati mal-kompetizzjoni;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'determinazzjoni t-tħassib identifikat kollu fl-investigazzjonijiet attwali dwar l-antitrust u tadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex ittemm il-prattiki dannużi u tistabbilixxi mill-ġdid il-kompetizzjoni ġusta;

Kontroll tal-fużjonijiet

32.    Jaqbel li l-kontroll effikaċi tal-fużjonijiet huwa strument importanti għall-infurzar tal-kompetizzjoni peress li jikkontribwixxi għaż-żamma ta' pressjoni kompetittiva fuq il-parteċipanti fis-suq;

33.    Jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta għal dawk il-każijiet fejn eżatt wara li sseħħ il-fużjoni, il-prezzijiet għall-konsumatur jogħlew jew ikun hemm tnaqqis rilevanti fil-kwalità tal-prodott;

34.    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2013 dwar is-simplifikazzjoni tal-fużjoni u l-proposti ppreżentati fl-aħħar White Paper(29)tagħha, iżda jitlob li jitfasslu definizzjonijiet aktar ċari dwar il-kunċetti tas-sehem tas-suq u tal-poter fis-suq, jew id-definizzjoni tas-suq;

35.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-prassi eżistenti tal-kontroll tal-fużjoni tiħux kont tal-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni spazjali tas-swieq; jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu kont tar-riżultati ta' tali skrutinju fil-kuntest tar-reviżjoni tar-regoli dwar il-kontroll tal-fużjonijiet;

36.    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa jekk fil-fatt hemmx lakuni regolatorji fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-eżami tal-ishma minoritarji li ma jikkontrollawx;

Żviluppi settorjali

L-enerġija u l-ambjent

37.    Jenfasizza l-importanza tal-affordabbiltà, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-ekonomija Ewropea u l-kompetittività tagħha; iqis li l-politika tal-kompetizzjoni trid tikkunsidra dan it-triangolu ta' objettivi meta tindirizza l-frammentazzjoni attwali tas-suq, meta tiżgura l-implimentazzjoni korretta u f'waqtha tat-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni għall-gass u l-elettriku, meta tħeġġeġ is-separazzjoni ta' servizzi bl-ingrossa minn servizzi bl-imnut sabiex timpedixxi prattiki antikompetittivi, u meta tagħti kontribut għal provvista tal-enerġija affordabbli għall-konsumaturi u l-impriżi; jirrikonoxxi li l-"Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien Ambjentali u l-Enerġija" l-ġodda tal-Kummissjoni jistgħu jirrestrinġu l-isforzi ta' wħud mill-Istati Membri biex jippromwovu l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza li r-regolament dwar l-għajnuna mill-Istat għal sorsi ta' enerġija sostenibbli jridu, sal-akbar limitu possibbli, isiru fl-istess spirtu bħal kwalunkwe settur ieħor, filwaqt li jitqiesu l-miri tal-UE għall-2030 fil-qasam tal-klima u l-enerġija kif ukoll id-differenzi nazzjonali;

38.    Jenfasizza l-importanza li jiġu evitati prattiki monopolistiċi sabiex jinkiseb suq tal-enerġija Ewropew kompletament ġust u kompetittiv; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-eliminazzjoni tal-fornituri monopolistiċi u l-prattiki diskriminatorji fuq l-utenti; iqis li s-suq Ewropew tal-gass għandu jevolvi lejn Unjoni ta' Enerġija bi prezzijiet ekwi u stabbli billi tittejjeb id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija tiegħu u jissaħħaħ l-aċċess għall-infrastrutturi strateġiċi;

39.    Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-interkonnetturi eżistenti tal-elettriku jsiru kompletament disponibbli għas-suq tal-enerġija mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (TSOs) sabiex tittejjeb il-funzjoni tas-suq intern tal-elettriku u sabiex jiġi appoġġat it-twettiq tal-miri tal-UE għall-2030 fil-qasam tal-klima u l-enerġija bi prezz soċjoekonomiku l-aktar baxx possibbli fil-livell tal-Unjoni;

40.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi rappurtar tar-riżervi ta' fjuwils fossili u l-emissjonijiet tas-CO2 potenzjali minn kumpaniji elenkati u dawk li japplikaw għall-elenkar fi ħdan is-suq uniku, kif ukoll tagħmel rappurtar ambjentali korrett u affidabbli b'mod globali u tippubblika l-livelli tar-riżervi u tal-emissjonijiet li jużaw il-linji gwida xierqa tal-kontabilità għaliex dan hu essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq ta' investiment sostenibbli;

41.    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa liema punt il-konċentrazzjoni ta' fornituri tal-materja prima kritika tista' toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi, tkun ta' ħsara għall-attività ta' setturi klijenti u ma tkunx favur ekonomija aktar ekoeffiċjenti; iqis li xi wħud minn dawn il-materjali huma ta' importanza kbira għall-użu ta' teknoloġiji ekoeffiċjenti u ta' innovazzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ambjentali;

42.    Itenni li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tikkontribwixxi biex tippromwovi t-trasparenza, standards miftuħa u l-interoperabbiltà biex jiġi evitat li jkun hemm irbit teknoloġiku tal-konsumaturi u tal-klijenti ma' kwalunkwe parteċipant tas-suq fis-settur tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-livell ta' kompetizzjoni billi l-ikbar tliet parteċipanti għadhom jirrappreżentaw madwar 75 % tas-suq tal-elettriku u 'l fuq minn 60 % tas-suq tal-gass minkejja l-ftuħ progressiv tas-swieq f'nofs is-snin disgħin; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni xierqa fis-suq tal-enerġija sabiex jitjiebu l-appoġġ mill-Istat għall-innovazzjoni u l-aċċess għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

43.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regolamenti u d-direttivi dwar l-enerġija jkunu trasposti u applikati b'mod tajjeb fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment viġilanti fuq il-prezzijiet meta jaqbżu l-medja tal-UE, peress li l-prezzijiet għolja jxekklu l-kompetizzjoni u jkunu ta' dannu għall-konsumaturi;

It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) u l-midja

44.    Jemmen li s-Suq Uniku Diġitali jrid jinżamm fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex jinkisbu riżultati fl-għanijiet tal-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment; jirrikonoxxi r-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fit-twettiq ta' Suq Uniku Diġitali; jemmen li l-qafas leġiżlattiv tal-UE jeħtieġ li jkun aġġustat malajr għall-iżviluppi tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-kapaċità tal-istrumenti relatati mal-liġi dwar il-kompetizzjoni li jilħqu d-domanda tal-era diġitali; jemmen li l-prijoritajiet stabbiliti fir-Rapport "Priorities towards a Digital Single Market in the Baltic Sea Region" ("Prijoritajiet għal Suq Uniku Diġitali fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku") jistgħu jsiru ambizzjonijiet għall-UE kollha;

45.    Jilqa' l-fatt li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni ħabbret investigazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-prattiki antikompetittivi ta' Google fis-settur mobbli u fis-suq diġitali b'mod ġenerali; jiddispjaċih li, minkejja erba' snin ta' investigazzjoni u tliet settijiet ta' proposti ta' impenn, il-Kummissjoni ma waslet għal ebda riżultat li jindirizza t-tħassib ewlieni tal-kompetizzjoni fil-kawża ta' antitrust tagħha kontra Google, i.e. it-trattament preferenzjali minn Google fir-rigward tas-servizzi tiegħu huwa u juri r-riżultati tat-talbiet għal tiftix; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni ssolvi b'mod urġenti l-każ ta' Google sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi jekk l-istrateġija tagħha tal-Aġenda Diġitali trid tibqa' kredibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv fuq it-tħassib kollu li ġie identifikat, tieħu miżuri sodi abbażi tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni kontra ksur tal-kompetizzjoni fi swieq diġitali dinamiċi u li jinbidlu malajr bħat-tiftix onlajn u s-swieq tar-reklamar, u ssib soluzzjoni fuq terminu twil għal struttura ta' tiftix fuq l-internet li tkun bilanċjata, ġusta u trasparenti;

46.    Jitlob lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-għodda ta' mobilizzazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni u tal-għarfien espert tas-suq sabiex dawn jikkontribwixxu, kif xieraq, għall-aġenda tal-impjiegi u t-tkabbir, inkluż fil-qasam tas-suq uniku diġitali; f'dan il-kuntest, jemmen li hu importanti li jibqa' jkun żviluppat approċċ ekonomiku u legali għall-valutazzjoni tal-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni u li tkun żviluppata aktar is-sorveljanza tas-suq b'appoġġ għall-attivitajiet aktar wiesgħa tal-Kummissjoni;

47.    Jenfasizza li, fil-ġenerazzjoni li jmiss tas-settur tal-broadband, il-monopolji ta' qabel għandhom sehem kbir ħafna ta' aktar minn 80 % fis-suq; ifakkar li kompetizzjoni effikaċi hija l-aqwa mutur għal investimenti effiċjenti u tipprovdi benefiċċji massimi għall-konsumaturi fir-rigward tal-għażla, il-prezz u l-kwalità; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li jkunu applikati b'mod xieraq regoli ex post u ex ante tal-kompetizzjoni tal-UE sabiex jiġu evitati konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq u abbuż tad-dominanza, minħabba li l-pressjoni kompetittiva hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista' jkun minn servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli;

48.    Jenfasizza li l-limitazzjoni tal-kompetizzjoni x'aktarx li ma twassalx għal aktar investimenti fil-broadband, anki f'żoni remoti, billi kopertura sħiħa ta' servizzi bażiċi ta' broadband inkisbet fl-Ewropa permezz ta' qafas regolatorju li jiżgura aċċess għal netwerks ta' operaturi dominanti;

49.    Jemmen li l-investiment fl-infrastruttura tal-broadband tal-ġenerazzjoni li jmiss huwa ċar li għandu fil-mira l-kisba ta' ekonomija u ta' soċjetà diġitali, iżda sabiex jiġu mmassimizzati l-investimenti, il-politiki tat-telekomunikazzjoni għandhom jippermettu lill-parteċipanti kollha li jagħmlu investimenti effiċjenti billi jipprovdulhom aċċess effikaċi għal assi ta' netwerks mhux duplikabbli u prodotti ta' aċċess għalll-ingrossa li jkunu tajbin biżżejjed;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha u l-proposti ta' politika fuq analiżi bir-reqqa u imparzjali ta' settijiet tad-data korretti, rilevanti u indipendenti; jenfasizza b'mod partikolari d-dubji dwar il-korrettezza tad-data ppreżentata li tirrigwarda l-prestazzjoni mhux tant għolja tal-UE fil-broadband b'veloċità għolja inklużi l-veloċitajiet li jirċievu l-utenti finali, l-investimenti infrastrutturali u l-istat finanzjarju tas-settur fi tqabbil globali;

51.    Ifakkar li n-newtralità tal-internet hija tal-ikbar importanza sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn is-servizzi tal-Internet u li l-kompetizzjoni tiġi ggarantita bis-sħiħ;

52.    Jenfasizza li biex jiġu stimulati t-tkabbir u l-kompetittività u titrawwem il-fiduċja tal-konsumatur fis-settur diġitali, huwa essenzjali li tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali, inkluż billi tiġi investigata n-natura tal-ostakli eżistenti għal setturi ewlenin ta' dak is-suq, li jiġi garantit internet miftuħ u li n-newtralità tal-internet titnaqqax fid-dritt tal-UE, sabiex jiġi żgurat li t-traffiku kollu tal-internet ikun trattat bl-istess mod, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza; huwa tal-fehma li l-istandards miftuħa u l-interoperabbiltà jikkontribwixxu għal kompetizzjoni ġusta; jenfasizza l-ħtieġa li l-politika tal-kompetizzjoni tkun tgħodd għall-ġejjieni u tkun tqis il-modi ġodda ta' bejgħ fuq l-internet;

53.    Jenfasizza li l-isforzi biex titrawwem kompetizzjoni ħielsa u ġusta, inkluż permezz tal-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, kif ukoll aspetti oħra tas-settur tas-servizzi, għandhom jaħdmu fl-interessi tal-konsumaturi u tal-SMEs; itenni li sforzi bħal dawn itejbu l-għażla għall-konsumaturi u jiżviluppaw ambjent li fih l-SMEs u l-mikrointrapriżi jistgħu jkunu aktar innovattivi u kreattivi; jemmen li azzjoni rapida mir-regolaturi u mill-awtoritajiet tal-infurzar fil-konfront ta' prattiki qarrieqa u inġusti hija essenzjali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni;

Il-konsum kollaborattiv

54.    Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza kif se takkomoda t-tkabbir tal-konsum kollaborattiv fil-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li dan l-adattament hu meħtieġ sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi li jiżguraw kompetizzjoni ġusta fost il-parteċipanti kollha involuti;

55.    Jemmen li l-kumpaniji relatati mal-hekk imsejjaħ konsum kollaborattiv jeħtiġilhom iħallsu t-taxxi u jikkonformaw mar-regolamenti bl-istess mod bħal negozji tradizzjonali, għax jekk ma jsirx hekk mhux biss ikun hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni, iżda wkoll ikun hemm konsegwenzi fiskali negattivi għall-finanzi tal-Istati Membri;

56.    Jenfasizza li huma partikolarment importanti skrutinju effikaċi tal-imġiba ta' kumpaniji dominanti kif ukoll reazzjoni rapida f'każ ta' abbużi, peress li prattiki illegali jistgħu jikkawżaw il-ħruġ kmieni mis-suq ta' kompetituri żgħar u innovattivi;

57.    Jinnota li n-nuqqas ta' regolamentazzjoni fil-konsum kollaborattiv jagħti lil xi kumpaniji vantaġġ inġust, filwaqt li fl-istess ħin inaqqas l-inċentivi għall-investiment f'dawn is-setturi kkonċernati;

L-akkwist pubbliku

58.    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw f'waqthom ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, fosthom id-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, inklużi l-karatteristiċi soċjali, ambjentali u innovattivi, u dwar l-amministrazzjoni elettronika, l-akkwist elettroniku u t-tqassim f'lottijiet, sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni ġusta u tiġi żgurata l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża għall-awtoritajiet pubbliċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn ir-regoli jiġu applikati bl-aħjar mod possibbli sabiex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżat mill-immanuvrar tal-offerti, mill-abbużi ta' pożizzjoni dominanti u mid-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' aċċess għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-azzjoni tagħha fi ħdan qafas globali billi torbot il-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fl-Ewropa mal-promozzjoni tal-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku barra mill-UE;

59.    Jisħaq fuq l-importanza ta' gwida dettaljata u ċara mill-Kummissjoni għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u l-awtoritajiet pubbliċi biex tgħinhom jifhmu aħjar il-leġiżlazzjoni adottata reċentement dwar l-akkwist pubbliku u, b'mod partikolari, il-flessibbiltajiet ġodda li din toffri;

60.    Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja sew iċ-ċentralizzazzjoni tal-akkwisti fis-swieq tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi sabiex tkun evitata konċentrazzjoni tal-kapaċità tal-akkwist u tal-kollużjoni, u jistedinha tippreserva l-opportunitajiet tal-aċċess għas-suq għall-SMEs skont is-"Small Business Act" għall-Ewropa;

61.    Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tniedi proċeduri ta' akkwist pubbliku permezz tad-Direttorati Ġenerali u l-aġenziji tagħha, tagħti aktar kuntratti ta' valur baxx u kuntratti ta' 'l fuq minn EUR 193 000, minflok ma tuża kważi esklussivament kuntratti qafas, li jikkostitwixxu ostaklu għall-ftuħ tas-suq tal-akkwist pubbliku għall-SMEs Ewropej peress li minnhom jibbenefikaw biss il-kumpaniji l-kbar u l-konsorzji li jinsabu qrib iċ-ċentri ta' fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet;

Is-servizzi finanzjarji

62.    Jitlob għar-raba' darba konsekuttiva li jintemm malajr ir-reġim tal-għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet tas-settur bankarju; jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni Bankarja tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2013 mhijiex suffiċjenti biex tipproteġi lill-kontribwenti Ewropej u biex tillimita l-ammont ta' għajnuna li l-banek jistgħu jirċievu; jenfasizza li l-għajnuna mill-Istat lis-sistema bankarja la żiedet il-kreditu u lanqas ġabet lura l-fiduċja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm għassa stretta fuq is-settur bankarju sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq bankarji Ewropej, biex b'hekk timmassimizza l-benefiċċji għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jerġa' lura għall-applikazzjoni tradizzjonali tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat minħabba li dan hu vijabbli għas-settur bankarju;

63.    Jenfasizza l-kontribut tal-infurzar tal-kartelli lejn aktar trasparenza fis-settur tas-servizzi finanzjarji;

64.    Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib is-settur finanzjarju biex ittejjeb il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-investituri u l-konsumaturi fis-suq bankarju u ta' investiment Ewropew; jinnota li l-konsolidazzjoni fis-settur bankarju żiedet is-sehem tas-suq ta' diversi istituzzjonijiet finanzjarji b'mod li issa dawn jeċċedu l-livelli ta' qabel il-kriżi, u li l-industrija ta' investiment finanzjarju kibret simultanjament mingħajr ebda gwadann għall-ekonomija reali fi ħdan l-Unjoni; jemmen li biex jinżamm suq uniku li jiffunzjona b'mod sħiħ, jinħtieġu kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti fl-industrija finanzjarja u jridu jittieħdu miżuri biex jiġu evitati n-nuqqas ta' trasparenza u l-iżvilupp ta' kostruzzjonijiet bħal kartelli;

65.    Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat sa mill-bidu tal-kriżi bħala mekkaniżmu ta' ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni għall-banek li jinsabu f'diffikultà;

66.    Jemmen li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat matul il-kriżi għandu jiffoka kemm fuq l-istabbilizzazzjoni tas-sistema tal-banek kif ukoll fuq l-indirizzar ta' segmentazzjoni inġusta tal-kundizzjonijiet ta' kreditu u d-diskriminazzjoni tal-SMEs fis-suq uniku;

67.    Jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li torbot l-għajnuna mill-Istat lill-banek mal-kundizzjonalità fuq il-kreditu għall-SMEs;

68.    Jemmen li r-regolamenti bankarji għandhom iqisu li l-istituzzjonijiet iż-żgħar għandhom inqas riżorsi biex jiżguraw il-konformità tagħhom, u għalhekk, għandhom ikunu sempliċi kemm jista' jkun sabiex jiġi evitat li jinħolqu distorsjonijiet favur banek kbar.

69.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib dawk is-swieq fis-settur bankarju fejn il-konċentrazzjoni hija għolja jew qed tikber, b'mod partikolari bħala riżultat tar-ristrutturazzjoni b'reazzjoni għall-kriżi; ifakkar li s-swieq oligopolistiċi huma suxxettibbli partikolarment għal prattiki antikompetittivi; jibża' li din il-konċentrazzjoni finalment tista' tkun ta' dannu għall-konsumaturi;

70.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-banek, qabel ma jirċievu għajnuna mill-Istat, għandhom ibigħu l-ishma tagħhom f'kumpaniji oħra, u b'hekk inaqqsu l-piż fuq il-kontribwenti;

71.    Jemmen li trid tingħata attenzjoni speċjali għall-frammentazzjoni fis-suq ta' ħlas elettroniku bil-kard, inklużi l-problemi ta' telf ta' servizz meta l-konsumatur jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor;

72.    Jilqa' s-sentenza tal-QtĠ-UE tal-11 ta' Settembru 2014 dwar it-tariffi antikompetittivi tal-karti tal-kreditu, kif ukoll l-azzjonijiet li ttieħdu b'suċċess mill-Kummissjoni biex ikun żgurat li l-proċessi ta' standardizzazzjoni fis-settur tal-pagamenti ma jaffettwawx id-dħul fis-suq u l-innovazzjoni; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament li għandhom jiġu introdotti limiti fuq it-tariffi għall-pagamenti bil-karti tal-kreditu sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż żejda għall-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tħaffef il-proċess ta' ħidma tal-istandardizzazzjoni tal-immappjar għall-pagamenti mobbli, filwaqt li tiżgura li kull azzjoni li tittieħed ma teskludix parteċipanti ġodda u ma tiffavorixxix atturi dominanti, u li l-qafas regolatorju jkun teknoloġikament newtrali sabiex jiffaċilita l-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni;

73.    Jemmen li l-esternalitajiet tal-iżviluppi f'dan is-settur għandhom ikunu suġġetti għal monitoraġġ bir-reqqa; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżvilupp ta' standards differenti fost kompetituri ugwali bħala konsegwenza tal-istandardizzazzjoni tar-regolamenti finanzjarji;

74.    Jinnota l-progress konsiderevoli li sar sa mill-2008 biex ikun regolat is-settur finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata wkoll il-problema ta' istituzzjonijiet finanzjarji li huma wisq kbar biex ifallu u bħala riżultat ikomplu jibbenefikaw minn sussidji impliċiti; jemmen li r-rapport li jmiss tal-Kumitat ECON dwar il-valutazzjoni tal-impatt u tal-analiżi tal-leġiżlazzjoni finanzjarja għandu jinkludi analiżi komprensiva tal-aspetti kompetittivi tar-regolamentazzjoni finanzjarja l-ġdida tal-UE , sabiex ikun garantit li l-banek tal-UE jkunu kompetittivi mal-istituzzjonijiet finanzjarji fiċ-ċirkustanzi kollha;

L-għajnuna fiskali mill-Istat

75.    Jenfasizza l-importanza li titwettaq analiżi bir-reqqa tad-dispożizzjonijiet fiskali ta' kull Stat Membru sabiex, f'konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, ikunu introdotti miżuri ta' armonizzazzjoni fiskali li jkunu ta' benefiċċju għall-SMEs u għat-tkabbir tagħhom u li jiżguraw li l-Istati Membri jkunu kompetittivi fis-swieq dinjija;

76.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar prattiki possibbli ta' taxxa korporattiva illegali fl-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi malajr kemm jista' jkun l-investigazzjonijiet li għaddejjin dwar id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa billi tuża' l-evidenza kollha disponibbli; jitlob li l-investigazzjonijiet tat-tnaqqis fit-taxxi, li possibbilment jirrappreżentaw għajnuna mill-Istat mhux permessa, ikunu ttrattati bi prijorità; jenfasizza li kompetizzjoni ġusta tat-taxxa hija indispensabbli għall-integrità tas-suq intern, il-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni;

77.    Jenfasizza l-pubblikazzjoni tal-hekk imsejħa dokumenti "LuxLeaks" mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi; jilqa' l-impenn tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni biex issir investigazzjoni bir-reqqa u indipendenti dwar il-prattiki b'rabta ma' deċiżjonijiet dwar it-taxxa tal-Istati Membri u l-konformità tagħhom mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE; jinnota li l-evitar ta' taxxi minn xi impriżi jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq uniku; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinforza b'attenzjoni r-regoli ta' kontroll tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat;

78.    Jistieden lill-President tal-Kummissjoni jiżgura l-indipendenza tal-investigazzjonijiet li għaddejjin u dawk futuri dwar il-prattiki tad-deċiżjonijiet fiskali tal-Istati Membri mmexxija mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni; jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar il-progress tal-investigazzjonijiet bl-għan li jiġi żgurat li dawn ikunu qed jitmexxew b'mod trasparenti u indipendenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha kemm jista' jkun malajr; ifakkar l-impenn li ħadet il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni biex tqis l-implikazzjonijiet aktar wiesgħa għall-kompetizzjoni ta' prattiki aggressivi ta' evitar tat-taxxa mwettqa mill-kumpaniji u nkoraġġiti mill-istati u biex testendi l-investigazzjoni jekk dan ikun meħtieġ ladarba l-fatti jkunu nġabru;

L-industrija agroalimentari

79.    Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami li waslet biex tagħmel tar-riforma tal-PAK, tinvestiga l-kofinanzjament għall-fondi trasferiti, jitlob is-simplifikazzjoni tal-miżuri EFA (Ecological Focus Area – Erja b'Fokus Ekoloġiku) li jiffukaw fuq il-kompetittività, u reviżjoni newtrali għall-kompetizzjoni tal-fatturi EFA għal uċuħ tar-raba' li jikbru malajr u l-uċuħ tar-raba' li jassimilaw in-nitroġenu;

80.    Jistieden lill-Kummissjoni, wara r-reviżjoni riċenti tagħha dwar l-impatt ekonomiku tal-livell tal-konsum modern dwar l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur tal-ikel tal-UE, biex tqis l-impatt potenzjali ta' supermarkets kbar li jiddominaw is-suq sa tali punt li s-saħħa tax-xiri kollettiva tagħhom tfixkel il-kompetizzjoni fost ktajjen tal-provvista, kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja li qed tiżviluppa;

Is-settur farmaċewtiku u tas-servizzi tas-saħħa

81.    Jinnota li dan is-settur huwa frammentat minħabba r-regolamentazzjoni nazzjonali; jilqa' l-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fl-indirizzar tal-ostakli artifiċjali għad-dħul;

82.    Jappella biex tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-prodotti mediċinali u proċeduri mediċi fl-evalwazzjoni ta' każijiet li jinvolvu formazzjoni tal-prezz temporanja;

83.    Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni jista' jkollha rwol fit-titjib tal-aċċess għall-farmaċewtiċi ġeneriċi;

It-trasport u s-servizzi postali

84.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet ekwi li jippermettu kompetizzjoni ħielsa iżda anki ġusta fil-modi kollha tat-trasport; jagħraf, madankollu, f'dan il-kuntest, li jridu jitqiesu sew l-għadd kbir ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali dwar it-trasport; jenfasizza li l-infrastruttura tat-trasport hija parti essenzjali għas-sopravivenza u l-benesseri ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, speċjalment fir-reġjuni b'popolazzjoni baxxa u l-gżejjer periferiċi;

85.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta u kwalità aħjar tas-servizzi fis-settur tal-ferrovija, kif ukoll fil-ġestjoni tan-netwerks tal-portijiet u tal-ajruporti, partikolarment fejn il-ġestjoni tagħhom hi monopolju tal-gvern ċentrali; jenfasizza li l-kompetizzjoni mhux bilfors tirrikjedi l-privatizzazzjoni tas-servizzi eżistenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li t-trasportaturi ma jabbużawx mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fi wħud mill-ajruporti;

86.    Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika tat-trasport sabiex ittejjeb il-kompetittività tas-settur Ewropew tat-trasport u tkompli tagħmel progress lejn it-tlestija tas-suq uniku fit-trasport;

87.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti l-implimentazzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, tiżgura trasparenza sħiħa fil-flussi ta' flus bejn il-maniġers tal-infrastrutturi u l-impriżi ferrovjarji, u tivverifika li kull Stat Membru għandu regolatur nazzjonali b'saħħtu u indipendenti;

88.    Jenfasizza li s-suq uniku fis-settur tal-merkanzija bil-ferrovija huwa affettwat minn traspożizzjoni ħażina jew mhux kompleta tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri u minn konġestjoni għall-mobbiltà transkonfinali li hi ta' dannu għall-kompetizzjoni u t-tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-ostakli tekniċi jew tas-suq li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, bħall-wisa' bejn il-binarji, il-provvista tal-enerġija u s-sistemi ta' sinjali, jistgħux jitqiesu bħala ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni;

89.    Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ħarsa ġenerali ġustifikata biex taċċerta liema trasportaturi tal-ajru jibbenefikaw minn vantaġġi fuq fornituri oħra tas-servizz permezz ta' kundizzjonijiet speċjali jew allegati abbużi tal-pożizzjoni dominanti tagħhom f'ċerti ajruporti;

90.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar implimentazzjoni u infurzar differenti mill-Istati Membri tar-regolamentazzjoni relatata mat-trasport internazzjonali bit-triq, pereżempju r-regolament tal-kabotaġġ u tal-ħin tal-mistrieħ fit-trasport bit-triq, kif ukoll ta' prattiki ta' dumping soċjali potenzjali fis-servizzi tat-trasport f'sens usa', u jemmen li dawn il-problemi jridu jkunu indirizzati;

91.    Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni kontra kumpaniji internazzjonali tal-kiri tal-karozzi biex jieqfu l-prattiki li jżommu lill-konsumaturi milli jiksbu l-aqwa prezzijiet disponibbli fuq il-bażi tal-pajjiż ta' residenza tagħhom; jenfasizza li l-konsumaturi m'għandhomx jinżammu milli jagħmlu użu mill-aħjar rata disponibbli meta jixtru oġġetti jew servizzi fis-suq uniku;

92.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex tnaqqas il-frammentazzjoni fis-settur tal-kiri tal-karozzi, billi attwalment ir-regolamenti nazzjonali jżidu ħafna l-ispejjeż għall-movimenti transkonfinali, u b'hekk jagmlu ħsara lis-suq uniku;

93.    Jenfasizza li l-isforzi li jinkoraġġixxu UE kompetittiva jridu f'kull ħin jaħdmu fl-interess tal-pubbliku; jirrikonoxxi r-rabta bejn politika tal-kompetizzjoni effikaċi tal-UE u l-ħtieġa ta' investiment fuq skala kbira f'servizzi pubbliċi vitali, inklużi s-servizzi tat-trasport;

Kultura u sport

94.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudja l-prattiki restrittivi u abbużivi ta' federazzjonijiet sportivi internazzjonali, bħal meta jiċħdu lill-membri tagħhom id-dritt li jieħdu sehem f'avvenimenti sportivi alternattivi li ma jkunux sanzjonati mill-federazzjonijiet rispettivi u meta jimponu fuq atleti, uffiċjali u kowċijiet projbizzjoni għal għomorhom milli jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet bħal-Logħob Olimpiku u Kampjonati tad-Dinja fil-każ ta' nuqqas ta' konformità;

Id-dimensjoni internazzjonali

95.    Jitlobl-inklużjoni ta' kapitolu dwar il-kompetizzjoni, li jinkludi dispożizzjonijiet li jkopru l-antitrust, il-fużjonijiet, l-impriżi tal-Istat, is-sussidji u aċċess mhux ugwali għas-swieq, fil-Ftehim dwar Sħubija Transatlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment; jappella għal rappurtar newtrali tal-midja fir-rigward tal-miżuri, il-problemi u l-progress f'dawn il-ftehimiet;

96.    Jirrikonoxxi u jappoġġa l-ħtieġa tal-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fil-kooperazzjoni ekonomika internazzjonali, inkluż permezz tal-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-kompetizzjoni b'mod globali; ifakkar li din il-kooperazzjoni regolatorja u ta' infurzar tgħin biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji Ewropej attivi fis-swieq globali;

97.    Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni effikaċi tal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-era tal-globalizzazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni trawwem kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-kompetizzjoni;

98.    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina hemmx lok għall-konklużjoni ta' ftehimiet dwar il-kompetizzjoni ma' aktar pajjiżi terzi biex tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet investigattivi; jenfasizza li, f'dan ir-rigward, il-ftehim dwar il-kompetizzjoni konkluż riċentement mal-Isvizzera jista' jservi bħala eżempju għal ftehimiet oħrajn ta' din in-natura;

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

99.    Jenfasizza l-fatt li l-Ftehim Qafas jipprovdi għal trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill dwar l-aċċess għal-laqgħat u l-għoti ta' informazzjoni fit-tħejjija ta' leġiżlazzjoni jew ta' liġijiet mhux vinkolanti fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni;

100.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Parlament Ewropew biex jirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi Ewropej fl-infurzar xieraq tar-regoli dwar il-kompetizzjoni;

101.  Jilqa' r-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur għad-Direttiva dwar Azzjonijiet għal Danni tal-Antitrust u jikkunsidra l-proċedimenti dwar din id-Direttiva bħlaa mudell għall-kollaborazzjoni interistituzzjonali futura fi kwistjonijiet dwar il-kompetizzjoni;

102.  Itenni li fit-tiswir tal-politika tal-kompetizzjoni l-Kummissjoni jeħtiġilha tkun kompletament responsabbli u ssegwi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament;

103.  Jappella għal impenn min-naħa tal-Kummissarju biex iżżomm laqgħat frekwenti mal-kumitat(i) rilevanti tal-Parlament kif ukoll mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji;

104.  Iqis li l-PE għandu jkollu setgħat ta' kodeċiżjoni fil-politika tal-kompetizzjoni; jiddispjaċih li l-Artikoli 103 u 109 tat-TFUE jipprevedu biss konsultazzjoni tal-Parlament; jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat; jipproponi li dan id-defiċit għandu jiġi ssuperat kemm jista' jkun malajr, permezz ta' arranġamenti interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, u korrett fit-tibdil li jmiss tat-Trattat;

Il-prijoritajiet tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni

105.  Jenfasizza r-rwol tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni fil-promozzjoni tal-impjiegi u t-tkabbir, kif ukoll is-suq uniku diġitali, il-politika tal-enerġija, is-servizzi finanzjarji, il-politika industrijali u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa;

106.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida u proċeduri fi ħdan il-qafas tan-NEK, li jiżguraw sorveljanza effiċjenti tal-konformità tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tal-Istati Membri mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat;

107.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni favur l-infurzar effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-oqsma tal-antitrust u l-kartelli, il-fużjonijiet u l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li żżomm l-istrumenti tal-kompetizzjoni allinjati mal-iżviluppi tas-suq kif ukoll tippromwovi kultura ta' kompetizzjoni innovattiva, kemm fl-UE u kemm fil-livell dinji;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-mod li bih ittrattat każijiet reċenti ta' antitrust u tindirizza l-preokkupazzjonjiet formalistiċi li tqajmu;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni telabora b'mod koordinat proposti fil-qasam tal-kompetizzjoni fiskali u tissottemettihom lill-Kunsill;

110.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirrapporta lill-Parlament Ewropew fuq bażi annwali dwar l-iżviluppi u l-effetti tal-applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni;

111.  Jilqa' l-impenji magħmula mill-Kummissarju waqt is-seduta ta' smigħ tagħha b'mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni futura u tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew;

112.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'iktar qawwa politika tal-kompetizzjoni attiva bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija tas-suq soċjali;

113.  Jemmen li għandha tkun ipprovduta malajr ġabra ta' każijiet bħala indikatur tal-kompetizzjoni lill-konsumaturi u lill-impriżi;

114.  Jinnota n-nuqqas kontinwu ta' ċarezza f'ħafna Stati Membri dwar jekk il-finanzjament ta' Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jitqiesx bħala għajnuna illegali mill-Istat; huwa mħasseb li minħabba f'hekk il-finanzjament għal ċentri bħal dawn qed jiġi pperikolat; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri malajr kemm jista' jkun dwar il-ħtieġa li jipprovdu notifika ta' dan il-finanzjament sabiex jiggarantixxu t-tkomplija tal-operazzjonijiet ta' appoġġ taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet fil-livelli politiċi kollha jimpenjaw lilhom infushom li jkunu strettament konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

116.  Jitlob li jitwaqqaf korp konġunt, kostitwit minn rappreżentanti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u akkademiċi, biex janalizza x-xejriet fuq terminu twil u l-iżvilupp futur tal-politika tal-kompetizzjoni f'setturi orjentati lejn il-futuri bħall-ekonomija diġitali jew is-settur tal-enerġija;

117.  Jitlob analiżi bla kompromessi tal-politika fiskali responsabbli fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari rigward politiki fiskali inġusti, skemi fiskali u eżenzjonijiet mit-taxxa li jxekklu l-kompetizzjoni, sabiex fil-futur ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri effikaċi kontra dawn il-prattiki;

°

°          °

118.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

(1)

ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)

ĠU L 61, 5.3.2009, p. 1.

(3)

ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(4)

ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.

(5)

ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.

(6)

ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

(7)

ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.

(8)

ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.

(9)

ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.

(10)

ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

(11)

ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.

(12)

ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.

(13)

ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8.

(14)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 51.

(15)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0026.

(16)

ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13.

(17)

Testi adottati, P7_TA(2013)0267.

(18)

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(19)

ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 114.

(20)

ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 143.

(21)

ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 105.

(22)

ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 43.

(23)

ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 16.

(24)

ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 60.

(25)

ĠU C 239 E, 20.8.2013, p.97.

(26)

Testi adottati, P7_TA(2013)0268.

(27)

Testi adottati, P7_TA(2013)0576.

(28)

Testi adottati, P7_TA(2014)0079.

(29)

COM (2014) 0449, 9 ta' Lulju 2014.


NOTA SPEJGATTIVA

Għandu jkun ċar għal kulħadd li l-politika tal-kompetizzjoni u l-kompetittività b'mod ġenerali huma ta' importanza vitali għas-saħħa u s-suċċess tal-UE kollha kemm hi u għaldaqstant għaċ-ċittadini tagħha. Huwa bit-trawwim ta' kultura kompetittiva innovattiva li għandna mnejn fl-aħħar noħorġu mill-kriżi finanzjarja. Permezz ta' politika tal-kompetizzjoni effikaċi nistgħu nikkonsolidaw u ntejbu l-importanza tal-UE fid-dinja. Hekk kif qed nibdew mandat politiku ġdid, il-"kompetittività" trid tkun fuq quddiem nett fl-aġenda politika tagħna.

Hekk kif qed nippruvaw inħeġġu Unjoni Ewropea kompetittiva u nfittxu li ntejbu kontinwament il-politika tal-kompetizzjoni, ir-rapporteur jixtieq jenfasizza r-rwol importanti li l-Parlament Ewropew jeħtieġlu jiżvolġi f'dan l-isforz. Ir-rapporteur jilqa' l-impenji magħmula mill-Kummissarju waqt is-seduta ta' smigħ tagħha quddiem il-Kumitat ECON u b'mod partikolari:

-    li tistabbilixxi relazzjoni mill-qrib u produttiva mal-Parlament fil-livelli kollha;

-    li tinforza r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni b'mod sod u ġust;

-    li tirrispetta s-sussidjarjetà u d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni;

-    li tiġġieled il-kartelli b'determinazzjoni;

-    li tinvestiga kumpaniji f'sitwazzjoni ta' monopolju jew f'pożizzjoni dominanti sabiex ma jitħallewx jabbużaw mill-poter tagħhom fis-suq;

-    li tiżgura s-segwitu tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat;

-    li tosserva s-settur finanzjarju sabiex tkun tista' twettaq monitoraġġ tal-provvista ta' għajnuna mill-Istat, u b'mod partikolari wara l-eżerċizzju ta' simulazzjoni ta' kriżi li l-BĊE se jagħmel dalwaqt;

-    li tikkoopera mill-qrib ma' awtoritajiet oħra f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tinvestiga kwalunkwe suspett ta' użu illegali ta' benefiċċji tat-taxxa relatati ma' għajnuna mill-Istat u tesplora kif il-politika tal-kompetizzjoni tista' tappoġġa politiki oħra bħalma huma l-politika tat-tassazzjoni tal-UE;

-    li tkun trasparenti mal-partijiet interessati esterni fil-laqgħat kollha tagħha;

-    li ssawwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE b'rispett sħiħ tat-Trattati.

Ir-rapporteur jixtieq li dawn l-impenji jiġu inklużi fil-prijoritajiet strateġiċi tagħha għall-ħames snin li ġejjin. Ir-rapporteur jixtieq li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni tieħu l-impenn li żżomm laqgħat regolari mal-Parlament Ewropew, kemm mal-kumitati rilevanti iżda wkoll ma' gruppi iżgħar ta' Membri tal-Parlament Ewropew interessati sabiex jissaħħaħ id-djalogu dwar il-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet. Il-Membri tal-Parlament Ewropew huma eletti biex jirrappreżentaw l-interessi u t-tħassib tal-elettorat tagħhom. Il-politika tal-kompetizzjoni trid tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi, in-negozji u s-soċjetà inġenerali. Ir-rapporteur jixtieq b'mod partikolari li l-Parlament Ewropew ikollu rwol fil-formulazzjoni tal-politika tal-Unjoni għal suq uniku diġitali, is-settur tal-enerġija, is-servizzi finanzjarji, is-settur industrijali u s-settur tat-trasport.

Ir-rapporteur jemmen li l-prijoritajiet stabbiliti fir-Rapport "Priorities towards a Digital Single Market in the Baltic Sea Region" (Prijoritajiet għal Suq Uniku Diġitali fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku) għandhom ikunu ambizzjonijiet għall-UE kollha fl-iżvilupp ta' suq uniku diġitali ġenwin, b'mod partikolari rigward dan li ġej:

-    il-fiduċja;

-    il-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

-    iċ-ċiberkriminalità u s-sigurtà;

-    il-kontenut diġitali u d-drittijiet tal-awtur;

-    l-interoperabbiltà u l-istandards;

-    il-pagamenti elettroniċi;

-    il-kuntrattar, is-sottomissjoni tal-offerti u l-fatturazzjoni elettroniċi;

-    il-gvern elettroniku;

-    l-infrastruttura diġitali;

-    l-akkwist elettroniku;

-    l-informazzjoni tas-settur pubbliku u d-data miftuħa;

-    ir-roaming, u

-    l-intermedjarji onlajn.

Il-Kulleġġ tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida huwa bbażat fuq il-ksib ta' objettivi relatati mal-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment u l-kompetittività u nħolqu pożizzjonijiet ġodda ta' viċi presidenti biex jippromwovu u jikkoordinaw il-politiki bil-għan li jinkisbu dawn l-għanijiet. Ir-rapporteur jilqa' l-impenn muri mill-Kulleġġ il-ġdid u speċjalment mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni li jaħdmu id f'id fi ħdan il-Kulleġġ u b'mod partikolari mal-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali u l-Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija matul il-formulazzjoni tal-linja politika tal-UE. Il-politiki tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat u l-istrumenti ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali relatati magħhom se jiġu żviluppati f'koordinazzjoni mal-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività sabiex jiġu żgurati l-adegwatezza u l-effikaċja tagħhom. Aħna u naħdmu lejn l-ikkompletar tas-suq uniku, il-kooperazzjoni bejn is-setturi u l-inizjattivi koordinati huma tal-ogħla importanza.

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE ġabet magħha bosta benefiċċji f'termini ta' benessri tal-konsumatur u tibqa' għodda essenzjali fit-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment ħieles tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital. Ir-rapporteur jixtieq jibni fuq dan il-kapital u jemmen li l-politika tal-kompetizzjoni tibqa' għodda essenzjali għaż-żamma tas-suq uniku u l-ħarsien tal-interessi tal-konsumatur. Hekk kif qed nibdew leġiżlatura ġdida, ir-rapporteur jixtieq li jkun hemm valutazzjoni tal-inizjattivi attwali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u mbagħad proposti ġodda jew emendi għar-regoli attwali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li qed niffaċċjaw.


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (23.1.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE

(2014/2158(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Kaja Kallas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li biex jiġu stimulati t-tkabbir u l-kompetittività u titrawwem il-fiduċja tal-konsumatur fis-settur diġitali, huwa essenzjali li tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali, inkluż billi tiġi investigata n-natura tal-ostakli eżistenti għal setturi ewlenin ta' dak is-suq, billi jiġi garantit internet miftuħ u billi n-newtralità tal-internet titnaqqax fid-dritt tal-UE, sabiex jiġi żgurat li t-traffiku kollu tal-internet ikun trattat bl-istess mod, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza; huwa tal-fehma li l-istandards miftuħa u l-interoperabilità jikkontribwixxu għall-kompetizzjoni ġusta; jenfasizza l-ħtieġa li l-politika tal-kompetizzjoni tkun tgħodd għall-ġejjieni u tkun tqis il-modi ġodda ta' bejgħ fuq l-internet;

2.  Jenfasizza li l-isforzi biex titrawwem kompetizzjoni ħielsa u ġusta, inkluż permezz tal-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, kif ukoll aspetti oħra tas-settur tas-servizzi, għandhom jaħdmu fl-interessi tal-konsumaturi u tal-SMEs; itenni li sforzi bħal dawn itejbu l-għażla għall-konsumaturi u jiżviluppaw ambjent li fih l-SMEs u l-mikrointrapriżi jistgħu jkunu aktar innovattivi u kreattivi; jemmen li azzjoni rapida mir-regolaturi u mill-awtoritajiet tal-infurzar fil-konfront ta' prattiki qarrieqa u inġusti hija essenzjali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni;

3.  Jinnota li s-swieq tal-magni tat-tiftix u tar-riklamar fuq l-internet huma ta' importanza partikolari fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet kompetittivi fi ħdan is-suq uniku diġitali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tinforza bis-sħiħ ir-regoli tal-kompetizzjoni u tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni f'dawn is-swieq, billi tqis l-istruttura kollha tas-suq uniku diġitali u tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex ittejjeb is-sitwazzjoni kompetittiva, sabiex jinstabu rimedji li jkunu ta' benefiċċju għall-partijiet kollha; jemmen li għandhom ikunu sorveljati aktar mill-qrib il-pożizzjonijiet dominanti abbużivi maħluqa mill-vantaġġi tal-hekk imsejħa 'first mover' (dak li jagħmel l-ewwel pass) u l-effetti tan-netwerk fis-settur diġitali, b'mod partikolari f'servizzi peer-to-peer diġitali ġodda;

4.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li kompetizzjoni ġusta ma tfissirx biss li m'għandux ikun hemm abbuż ta' poter fis-suq, iżda wkoll li għandu jkun hemm għadd suffiċjenti ta' atturi fis-suq u li s-swieq għandhom jibqgħu miftuħa għal parteċipanti ġodda; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinvestiga n-natura tal-ostakli eżistenti għad-dħul f'setturi ewlenin tas-suq uniku diġitali;

5.  Jilqa' bis-sħiħ l-impenn li ħadet il-Kummissarju Vestager fis-seduta ta' smigħ tagħha quddiem il-Parlament, speċjalment fir-rigward ta' kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-Parlament; jilqa' favorevolment il-kumment tagħha li l-protezzjoni mit-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u mill-abbużi ta' pożizzjoni dominanti fl-ekonomija diġitali hija fl-aħħar mill-aħħar għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jirrispetta l-indipendenza tal-proċeduri u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-antitrust, inkluż fejn jidħlu lmenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar trasparenza mill-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data;

6.  Iqis li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni m'għandhiex tkun ta' detriment għal politiki oħrajn; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp ta' mexxejja globali Ewropej f'oqsma li jiġġeneraw it-tkabbir bħalma hu s-settur diġitali;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw f'waqthom ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, fosthom id-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, inklużi l-karatteristiċi soċjali, ambjentali u innovattivi, u dwar l-amministrazzjoni elettronika, l-akkwist elettroniku u t-tqassim f'lottijiet, sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni ġusta u tiġi żgurata l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża għall-awtoritajiet pubbliċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn ir-regoli jiġu applikati bl-aħjar mod possibbli sabiex jiġi indirizzat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni kkawżat mill-immanuvrar tal-offerti, mill-abbużi ta' pożizzjoni dominanti u mid-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' aċċess għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-azzjoni tagħha fi ħdan qafas globali billi torbot il-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fl-Ewropa mal-promozzjoni tal-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku barra mill-UE;

8.  Jisħaq fuq l-importanza li l-Kummissjoni tagħti gwida dettaljata u ċara lin-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi, biex tiffaċilita l-għarfien tagħhom rigward il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku adottata reċentement u, b'mod partikolari, il-flessibbiltajiet ġodda li din toffri;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa ċ-ċentralizzazzjoni tal-akkwisti fis-swieq tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi sabiex tkun evitata l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-kapaċità tal-akkwist u l-kollużjoni, u sabiex ikunu ppreservati l-opportunitajiet tal-aċċess għas-suq għall-SMEs bi qbil mas-"Small Business Act" għall-Ewropa;

10. Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tniedi proċeduri ta' akkwist pubbliku permezz tad-Direttorati Ġenerali u l-aġenziji tagħha, tagħti aktar kuntratti ta' valur baxx u kuntratti ta' 'l fuq minn EUR 193 000, minflok ma tuża kważi esklussivament kuntratti qafas, li jikkostitwixxu ostaklu għall-ftuħ tas-suq tal-akkwist pubbliku għall-SMEs Ewropej peress li minnhom jibbenefikaw biss il-kumpaniji l-kbar u l-konsorzji li jinsabu qrib iċ-ċentri ta' fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet;

11. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust, li se tagħti aċċess għal kumpens lill-vittmi ta' ksur tal-liġijiet tal-UE dwar l-antitrust; jemmen li l-implimentazzjoni adegwata u f'waqtha ta' din id-Direttiva hi essenzjali sabiex jiġi evalwat l-effett pożittiv intenzjonat tagħha fuq iż-żieda fl-aċċess għal azzjoni legali għall-SMEs u għall-konsumaturi individwali; jenfasizza li l-aċċess għall-ġustizzja f'dan il-qasam, inkluża d-disponibbiltà ta' approċċ kollettiv għar-rimedju, huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva min-naħa tal-Istati Membri u tiżgura li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu applikati b'mod ugwali fl-UE kollha;

12. Jinnota n-nuqqas kontinwu ta' ċarezza f'ħafna Stati Membri dwar jekk il-finanzjament ta' Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jitqiesx bħala għajnuna illegali mill-Istat; jinsab imħasseb li, minħabba f'hekk, il-finanzjament għal ċentri bħal dawn qed jiġi pperikolat; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri malajr kemm jista' jkun dwar il-ħtieġa li jipprovdu notifika ta' dan il-finanzjament sabiex tiġi garantita l-kontinwazzjoni tal-operat ta' appoġġ taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi;

13. Jilqa' l-White Paper 'Towards more effective merger control' li għandha l-għan li ttejjeb u tissimplifika l-proċeduri; iqis li l-eżistenza ta' għodod effettivi biex jiġi indirizzat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni hija kruċjali għall-funzjonament tas-suq uniku, u li fl-aħħar mill-aħħar dawn ikunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi; jemmen li, billi l-akkwist ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji mhux kontrollanti jista', f'ċerti każijiet, ikun ta' ħsara għall-kompetizzjoni, għandu jinstab bilanċ ġust bejn il-ġlieda kontra t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-ħolqien ta' piż żejjed fuq in-negozji;

14. Iqis li n-nuqqas ta' kompetizzjoni fl-industriji li jużaw netwerk jitlob approċċ aktar koordinat bejn l-azzjoni politika u dik regolatorja, l-infurzar tal-antitrust, u l-investiment pubbliku u privat fl-infrastruttura; jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li tindirizza l-isfidi li jeżistu fis-suq tal-enerġija; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-kompetizzjoni ġusta u tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, bħala fattur li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà, il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista;

15. Jilqa' s-sentenza tal-QtĠ-UE tal-11 ta' Settembru 2014 dwar it-tariffi antikompetittivi tal-karti tal-kreditu, kif ukoll l-azzjonijiet li ttieħdu b'suċċess mill-Kummissjoni biex ikun żgurat li l-proċessi ta' standardizzazzjoni fis-settur tal-pagamenti ma jaffettwawx id-dħul fis-suq u l-innovazzjoni; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament li għandhom jiġu introdotti limiti fuq it-tariffi għall-pagamenti bil-karti tal-kreditu sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż żejda għall-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tħaffef il-proċess ta' ħidma tal-istandardizzazzjoni tal-immappjar għall-pagamenti mobbli, filwaqt li tiżgura li kull azzjoni li tittieħed ma teskludix parteċipanti ġodda jew tiffavorixxi atturi dominanti, u li l-qafas regolatorju jkun teknoloġikament newtrali sabiex jiffaċilita l-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni;

16. Jenfasizza d-dimensjoni tas-suq intern tal-politika tal-kompetizzjoni fil-qafas tat-Trattat u l-importanza tal-ħarsien tal-konsumatur fit-tiswir tal-politika tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu strutturat li l-Kummissjoni preċedenti kienet bdiet mal-Parlament;

17. Itenni li hemm bżonn ta' suq uniku kompetittiv biex tingħata spinta lit-tkabbir u jinħolqu impjiegi ta' kwalità fl-Ewropa; jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni hija qasam ewlieni fejn l-Ewropa tista' tkompli tagħti aktar liċ-ċittadini tagħha billi tagħmel is-suq uniku aktar effiċjenti;

18. Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-approċċ olistiku tas-suq uniku biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta effettivament il-ħtiġijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-SMEs billi tqiegħed it-tħassib tagħhom fil-qofol tal-proċess deċiżjonali sabiex il-politiki proposti dwar il-kompetizzjoni jkunu jistgħu jipprovdu valur miżjud għaċ-ċittadini Ewropej;

19. Jilqa' l-inizjattiva li ħadet il-Kummissjoni fil-konfront ta' kumpaniji internazzjonali tal-kiri tal-karozzi sabiex jieqfu l-prattiki li jimpedixxu lill-konsumaturi milli jiksbu aċċess għall-aqwa prezzijiet disponibbli abbażi tal-pajjiż ta' residenza tagħhom; jenfasizza li l-konsumaturi m'għandhomx jinżammu milli jagħmlu użu mill-aħjar rata disponibbli meta jixtru oġġetti jew servizzi fis-suq uniku.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Eduard-Raul Hellvig, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Jiří Maštálka, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Marcus Pretzell, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Pascal Arimont, Kaja Kallas, Roberta Metsola, Marc Tarabella


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Patrick O’Flynn, Dariusz Rosati, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Sampo Terho, Michael Theurer, Ernest Urtasun, Marco Valli, Cora van Nieuwenhuizen, Jakob von Weizsäcker, Steven Woolfe, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Richard Corbett, Ildikó Gáll-Pelcz, Sophia in ‘t Veld, Ramón Jáuregui Atondo, Eva Kaili, Barbara Kappel, Rina Ronja Kari, Jeppe Kofod, Paloma López Bermejo, Thomas Mann, Morten Messerschmidt, Siegfried Mureșan, Michel Reimon, Andreas Schwab, Tibor Szanyi, Romana Tomc, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rikke Karlsson, Helga Stevens

Avviż legali