Proċedura : 2013/0265(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0022/2015

Testi mressqa :

A8-0022/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0048

RAPPORT SUPPLIMENTARI     ***I
PDF 933kWORD 396k
16.2.2015
PE 549.293v01-00 A8-0022/2015

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażati fuq kard

(COM(2013)0550 – C7-0241/2013 – 2013/0265(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Pablo Zalba Bidegain

EMENDI
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA
 REFERENZA LURA LILL-KUMITAT
 SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażati fuq kard

(COM(2013)0550 – C7-0241/2013 – 2013/0265(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0550),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0241/2013),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2013(1),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 61(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0167/2014),

–       wara li kkunsidra l-emendi li adotta waqt is-seduta plenarja tat-3 ta' April 2014(2),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ħidma mhux mitmuma mis-seba' leġiżlatura parlamentari,

–       wara li kkunsidra r-rapport supplimentari tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0022/2015),

1.      Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.      Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(3)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

REGOLAMENT(UE) 2015/…

TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' ħlas permezz ta' kard

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

---------------------------------------------------------

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(4),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(5),

wara li kkunsidraw l-emenda/emendi li adotta waqt is-seduta plenarja tat-3 ta' April 2014(6),

wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ħidma mhux mitmuma mis-seba' leġiżlatura parlamentari,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(7),

Billi:

(1)         Il-frammentazzjoni tas-suq intern hija ta' detriment għall-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni. L-eliminazzjoni ta' ostakoli diretti u indiretti għall-funzjonament tajjeb u l-ikkompletar ta' suq integrat għall-pagamenti elettroniċi, mingħajr distinzjoni bejn il-pagamenti nazzjonali u transkonfinali, hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)         Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) ipprovdiet sisien legali għall-ħolqien ta' suq intern tal-pagamenti mifrux mal-Unjoni kollha billi ffaċilitat sostanzjalment l-attività tal-fornituri ta' servizzi ta' pagament, filwaqt li ħolqot regoli uniformi fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta' pagament.

(3)         Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9) stabbilixxa l-prinċipju li l-imposti mħallsin mill-utenti fuq pagament transfruntiera bl-euro huma l-istess bħal tal-pagament korrispondenti fi Stat Membru inklużi t-tranżazzjonijiet ta' ħlas permezz ta' kard koperti b'dan ir-Regolament.

(4)         Ir-Regolament (KE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10) ipprovda r-regoli għall-funzjonament tat-trasferimenti tal-kreditu u tad-debiti diretti bl-euro fis-suq intern iżda eskluda t-tranżazzjonijiet ta' ħlas permezz ta' kard mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

(5)         Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11) tarmonizza ċerti regoli dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti, inklużi regoli dwar tariffi għall-użu ta' mezz ta' pagament, li abbażi tagħhom l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li l-kummerċjanti jimponu fuq il-konsumaturi, fir-rigward tal-użu ta' mezz partikolari ta' pagament, tariffi li jeċċedu l-ispiża mġarrba mill-kummerċjant għall-użu ta' tali mezz.

(6)         Pagamenti elettroniċi sikuri, effiċjenti, kompetittivi u innovattivi huma kruċjali biex il-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-kumpaniji jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern, speċjalment bid-dinja li miexja lejn il-kummerċ elettroniku.

(7)         Xi Stati Membri ħarġu jew qed iħejju leġiżlazzjoni ▌sabiex tirregola direttament jew indirettament it-tariffi tal-interkambju, li tkopri għadd ta' kwistjonijiet, inklużi l-limiti fuq it-tariffi tal-interkambju f'diversi livelli, it-tariffi tan-negozjant, ir-regoli "Onora l-Kards Kollha" u l-miżuri dwar prattiki ta' gwida. Id-deċiżjonijiet amministrattivi eżistenti f'xi Stati Membri jvarjaw b'mod sinifikanti. Sabiex il-livelli tat-tariffi tal-interkambju jsiru aktar konsistenti, hija antiċipata l-introduzzjoni ulterjuri ta' miżuri regolatorji fil-livell nazzjonali bil-għan li jiġu indirizzati l-livelli jew id-diskrepanzi bejn dawn it-tariffi. Tali miżuri nazzjonali aktarx li joħolqu ostakoli sinifikanti għall-ikkompletar tas-suq intern fil-qasam tal-pagamenti bil-kards u tal-pagamenti bl-internet u bil-mowbajl li jsiru permezz ta' kards u għaldaqstant ifixklu l-libertà li jiġu fornuti s-servizzi.

(8)         Il-kards ta' pagament huma l-iktar strument ta' pagament elettroniku użat b'mod frekwenti għax-xiri bl-imnut. Madankollu, l-integrazzjoni tas-suq tal-kards ta' pagament tal-Unjoni għad jonqsu ħafna biex jiġi kkompletat billi ħafna soluzzjonijiet ta' pagament ma jistgħux jiżviluppaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom u minħabba li fornituri ġodda pan-Unjoni ma jitħallewx jidħlu fis-suq. ▌ Hemm ▌il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-funzjonament effiċjenti tas-suq tal-kards, inkluż fil-qasam tal-pagamenti bbażati fuq il-kards u tal-pagamenti bl-internet u bil-mowbajl ▌.

(9)         Biex is-suq intern ikun jista' jiffunzjona b'mod effettiv, l-użu tal-pagamenti elettroniċi għandu jiġi promoss u ffaċilitat għall-benefiċċju tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-konsumaturi. Il-kards u pagamenti elettroniċi oħra jistgħu jintużaw b'mod aktar versatili, inklużi l-possibbiltajiet li jsir pagament onlajn sabiex jiġi sfruttat is-suq intern u l-kummerċ elettroniku, waqt li l-pagamenti elettroniċi jipprovdu wkoll pagamenti potenzjalment sikuri lill-kummerċjanti. ▌Għalhekk it-tranżazzjonijiet ta' ħlas permezz ta' kard flok flus kontanti jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-kummerċjanti u għall-konsumaturi, dment li t-tariffi għall-użu tas-sistemi ta' pagament bil-kards ikunu stabbiliti f'livell ekonomikament effiċjenti, filwaqt li jikkontribwixxu għall-kompetizzjoni ġusta, għall-innovazzjoni u għad-dħul fis-suq ta' operaturi ġodda.

(10)       It-tariffi tal-interkambju huma ġeneralment applikati bejn il-fornituri akkwirenti ta' servizzi ta' kards ta' pagament u l-fornituri emittenti ta' servizzi ta' kards ta' pagament li jappartjenu għal ċerta skema ta' pagament bil-kard. It-tariffi tal-interkambju huma parti prinċipali mit-tariffi imposti fuq in-negozjanti mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament li qed jakkwistaw għal kull tranżazzjoni ta' ħlas ibbażata fuq il-kards. Il-kummerċjanti min-naħa tagħhom jinkorporaw dawn l-ispejjeż tal-kards, bħalma jsir għall-ispejjeż l-oħra kollha tagħhom, fil-prezzijiet ġenerali tal-prodotti u s-servizzi. Il-kompetizzjoni bejn l-iskemi tal-kards tal-pagamenti ▌biex tikkonvinċi fornituri ta' servizzi ta' pagament ▌joħorġu l-kards tagħhom ▌twassal għal tariffi tal-interkambju ogħla aktar milli aktar baxxi fis-suq, b'kuntrast mal-effett dixxiplinari fuq il-prezzijiet li s-soltu jkollha l-kompetizzjoni f'ekonomija tas-suq. Flimkien mal-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni għat-tariffi tal-interkambju, ir-regolamentazzjoni ta' tali tariffi ser ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-konsumaturi.

(11)       Il-varjetà kbira li teżisti bħalissa ta' tariffi tal-interkambju u l-livell tagħhom ma jippermettux li joħorġu fis-suq atturi "ġodda" pan Unjoni abbażi ta' mudelli tan-negozju b'tariffi orħos jew l-ebda tariffa tal-interkambju, għad-detriment tal-ekonomiji potenzjali ta' skala u ta' firxa u l-effiċjenzi li jirriżultaw minnhom. Dan iħalli impatt negattiv fuq il-kummerċjanti u l-konsumaturi u jipprevjeni l-innovazzjoni. Billi bħala minimu l-atturi pan-Unjoni jkollhom joffru lill-banek emittenti l-ogħla livell ta' tariffa tal-interkambju prevalenti fis-suq li jkunu jridu jidħlu fih, dan iwassal ukoll għall-frammentazzjoni persistenti tas-suq. L-iskemi domestiċi eżistenti b'tariffi tal-interkambju iktar baxxi jew mingħajr tariffi, ukoll jistgħu jiġu furzati joħorġu mis-suq minħabba l-pressjoni mill-banek biex jiksbu dħul ikbar mit-tariffi tal-interkambju. Bħala riżultat, il-konsumaturi u n-negozjanti jiffaċċjaw għażla ristretta, prezzijiet ogħla u kwalità iktar baxxa ta' servizzi ta' pagament, waqt li hija ristretta l-abbiltà tagħhom li jużaw soluzzjonijiet ta' pagament pan-Unjoni. Barra minn hekk, il-kummerċjanti ma jistgħux jegħlbu d-differenzi tat-tariffi billi jagħmlu użu mis-servizzi ta' aċċettazzjoni tal-kards offruti mill-banek fi Stati Membri oħrajn. Regoli speċifiċi applikati mill-iskemi ta' kards ta' pagament jirrikjedu l-applikazzjoni tat-tariffa tal-interkambju tal-"Punt tal-Bejgħ" (il-pajjiż tal-kummerċjant) għal kull tranżazzjoni ta' ħlas abbażi tal-politiki ta' liċenzji territorjali tagħhom. Din il-ħtieġa ma tippermettix lill-akkwirenti joffru b'suċċess is-servizzi tagħhom fuq bażi transkonfinali. Dan jista' jostakola wkoll lill-kummerċjanti milli jnaqqsu l-ispejjeż tal-pagament tagħhom għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

(12)       L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma wasslitx biex tirrimedja din is-sitwazzjoni.

(13)       Għaldaqstant, biex jiġu evitati l-frammentazzjoni tas-suq intern u d-distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni minħabba liġijiet u deċiżjonijiet amministrattivi diverġenti, hemm il-ħtieġa, f'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jittieħdu miżuri li jindirizzaw il-problema ta' tariffi tal-interkambju għoljin u diverġenti, sabiex il-fornituri ta' servizzi ta' pagament jitħallew jipprovdu s-servizzi tagħhom fuq bażi transkonfinali u biex il-konsumaturi u l-kummerċjanti jitħallew jużaw servizzi transkonfinali.

(14)       L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u nazzjonali. Ma għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu limiti aktar baxxi jew miżuri b'għan jew effett ekwivalenti permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali.

(15)       Sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament mingħajr xkiel ta' suq intern għal pagamenti bil-kard, u l-pagamenti bl-internet u bil-mowbajl ibbażati fuq il-kards, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-kummerċjanti, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħruġ u l-akkwist transkonfinali u domestiku ta' transazzjonijiet ta' pagament ibbażati fuq il-kards. Jekk il-kummerċjanti jistgħu jagħżlu akkwirent minn barra l-Istat Membru tagħhom ("akkwist transkonfinali"), li jkun iffaċilitat bl-impożizzjoni tal-istess livell massimu kemm ta' tariffi tal-interkambju transkonfinali kif ukoll domestiku għal tranżazzjonijiet ta' akkwist u l-projbizzjoni ta' liċenzji territorjali, għandha tkun possibbli li tiġi pprovduta ċ-ċarezza legali meħtieġa u biex ma ssirx distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn is-sistemi ta' kards ta' pagamenti.

(16)       Bħala konsegwenza tar-rabtiet u l-impenji unilaterali aċċettati fil-qafas tal-proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ħafna tranżazzjonijiet transkonfinali ta' pagamenti bbażati fuq il-kards fl-Unjoni diġà jitwettqu filwaqt li jiġu rispettati t-tariffi massimi tal-interkambju. Sabiex tiġi prevista kompetizzjoni ġusta fis-suq għall-akkwist tas-servizzi, id-dispożizzjonijiet marbutin ma' tranżazzjonijiet ▌ transkonfinali u domestiċi għandhom japplikaw simultanjament u fi ħdan perijodu raġonevoli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, b'konsiderazzjoni tad-diffikultà u l-kumplessità tal-migrazzjoni tas-sistemi ta' kards ta' pagament, li dan ir-Regolament jeżiġi.

(14a)     Hemm żewġ tipi ewlenin ta' kards tal-kreditu disponibbli fis-suq. Bil-kards ta' debitu differit, l-ammont totali tat-tranżazzjonijiet jittieħed mill-kont tad-detentur tal-kard f'data speċifika maqbula minn qabel, normalment darba fix-xahar, mingħajr m'għandu jitħallas imgħax. Rigward kards ta' kreditu oħrajn, id-detentur tal-kard jista' juża faċilità ta' kreditu u jħallas lura parti mill-ammonti dovuti f'data aktar tard minn dik speċifikata, flimkien ma' imgħaxijiet jew spejjeż oħra.

(18)       It-tranżazzjonijiet kollha ta' pagamenti permezz ta' kard ta' debitu u kreditu għandhom ikunu soġġetti għal rata ta' tariffa tal-interkambju massima.

(18a)     Il-valutazzjoni tal-impatt turi li projbizzjoni tat-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet b'kard ta' debitu tkun ta' benefiċċju għall-aċċettazzjoni tal-kards, l-użu tal-kards u l-iżvilupp tas-suq uniku u tiġġenera iktar benefiċċji għan-negozjanti u l-konsumaturi minn limitu stabbilit fi kwalunkwe livell ogħla. Barra minn hekk tevita effetti negattivi li jirriżultaw minn limitu ogħla f'dawk l-iskemi nazzjonali li m'għandhom l-ebda tariffa ta' interkambju jew li għandhom tariffi baxxi ħafna għal tranżazzjonijiet ta' debitu minħabba l-espansjoni transkonfinali jew entrati ġodda li jżidu l-livelli tat-tariffi sal-livell tal-limitu. Projbizzjoni fuq tariffi tal-interkambju għal tranżazzjonijiet ta' debitu bil-kard tindirizza wkoll it-theddida ta' esportazzjoni tal-mudell għat-tariffa tal-interkambju, għal servizzi ta' pagament ġodda u innovattivi bħal sistemi mobbli u onlajn.

(19)       Il-limiti stabbiliti f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-hekk imsejjaħ 'Test tal-Indifferenza tan-Negozjant' żviluppat fil-letteratura ekonomika, li jidentifika l-livell ta' tariffa li negozjant ikun lest li jħallas li kieku kellu jqabbel l-ispiża tal-użu mill-konsumatur ta' kard ta' pagament ma' dawk ta' pagamenti mhux bil-kard (bi flus kontanti) (waqt li tiġi kkunsidrata t-tariffa għas-servizz imħallsa lill-banek akkwirenti, jiġifieri t-tariffa għas-servizz tan-negozjant apparti t-tariffa tal-interkambju). B'hekk jiġi stimolat l-użu ta' strumenti ta' pagament effiċjenti permezz tal-promozzjoni ta' dawk il-kards li jipprovdu benefiċċji transazzjonali ogħla, waqt li fl-istess ħin jipprevjenu tariffi sproporzjonati għan-negozjant, li jimponu spejjeż moħbija fuq konsumaturi oħrajn. Tariffi eċċessivi għan-negozjant jistgħu jinħolqu wkoll minħabba l-arranġamenti kollettivi għat-tariffa tal-interkambju, minħabba li n-negozjanti jsibuha diffiċli li jirrifjutaw strumenti ta' pagament għaljin għax jibżgħu li jitilfu n-negozju. L-esperjenza wriet li dawk il-livelli huma proporzjonati, għax ma jqanqlux dubju dwar l-operat ta' skemi internazzjonali ta' kards u fornituri ta' servizzi ta' pagament. Huma jipprovdu wkoll benefiċċji għan-negozjanti u għall-konsumaturi u jipprovdu ċertezza legali.

(19a)     Madankollu, kif muri fil-valutazzjoni tal-impatt, f'ċerti Stati Membri, it-tariffi tal-interkambju żviluppaw sabiex jippermettu lill-konsumaturi jibbenefikaw minn swieq b'kard ta' debitu effiċjenti f'termini ta' użu u aċċettazzjoni tal-kards b'tariffi tal-interkambju orħos mil-livell tal-indifferenza tan-negozjant. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiddeċiedu li jistabbilixxu tariffi tal-interkambju orħos għal tranżazzjonijiet domestiċi bil-kard ta' debitu.

(19b)     Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li t-tariffi tal-kard ta' debitu huma stabbiliti f'livell ekonomikament effiċjenti, filwaqt li titqies l-istruttura ta' swieq domestiċi ta' kards ta' debitu, għandha tinżamm il-possibbiltà li l-limiti fuq it-tariffi tal-interkambju jiġu espressi bħala rata fissa. Rata fissa tista' wkoll tagħti inċentiv għall-użu ta' pagamenti permezz ta' kard ta' ammonti b'valur żgħir (il-"mikropagamenti"). Għandu jkun possibbli wkoll li wieħed japplika din ir-rata fissa flimkien ma' rata perċentwali, sakemm is-somma ta' tali tariffi tal-interkambju ma taqbiżx il-perċentwal speċifikat tal-valur totali annwali tat-tranżazzjonijiet fil-livell domestiku fi ħdan kull skema ta' pagament. Barra minn hekk għandu jkun possibbli li wieħed jiddefinixxi perċentwal għal-limitu tat-tariffa tal-interkambju għal kull tranżazzjoni, u li jimponi ammont ta' tariffa massima fissa bħala limitu għall-ammont ta' tariffa li jirriżulta mir-rata perċentwali applikabbli għal kull tranżazzjoni.

(19c)     Barra minn hekk, b'kont meħud li dan ir-Regolament jarmonizza t-tariffi tal-interkambju għall-ewwel darba f'kuntest fejn skemi ta' kards ta' debitu u tariffi tal-interkambju eżistenti jkunu differenti ħafna, jeħtieġ li tkun prevista l-flessibbiltà fis-swieq domestiċi tal-kards ta' pagament. Għalhekk, matul perjodu ta' tranżizzjoni raġonevoli, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet domestiċi ta' kards ta' debitu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw għat-tranżazzjonijiet ta' kards ta' debitu domestiċi kollha f'kull skema ta' kards ta' pagament tariffa tal-interkambju medja ponderata ta' mhux aktar minn 0.2 % tal-valur annwali medju tat-tranżazzjoni għat-tranżazzjonijiet ta' kards ta' debitu domestiċi kollha f'kull skema ta' kards ta' pagament. Fir-rigward tal-limitu tat-tariffa tal-interkambju kkalkulat fuq il-valur annwali medju tat-tranżazzjoni fi skema waħda ta' kards ta' pagament, huwa biżżejjed li fornitur tas-servizzi ta' pagament jipparteċipa fi skema ta' kards ta' pagament (jew tip ieħor ta' ftehimiet bejn il-fornituri ta' servizzi ta' pagament) li fihom, għat-tranżazzjonijiet domestiċi kollha b'kards ta' debitu, hija applikata medja ponderata tat-tariffa tal-interkambju ta' mhux aktar minn 0.2 %. Hawnhekk ukoll, tista' tiġi applikata tariffa fissa jew rata perċentwali jew kombinament ta' dawn it-tnejn bil-kundizzjoni li jiġi rispettat il-limitu massimu tal-medja ponderata.

(19d)     Sabiex jiġu definiti l-limiti rilevanti tat-tariffi tal-interkambju għal tranżazzjonijiet domestiċi ta' kards ta' debitu, huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali intitolati li jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament jitħallew jiġbru l-informazzjoni rigward il-volum u l-valur ta' referenza għat-tranżazzjonijiet kollha li jsiru bil-kards ta' debitu fi skema ta' kards ta' pagament jew għat-tranżazzjonijiet bil-kards ta' debitu li jappartjenu għal fornitur ta' servizz ta' pagament wieħed jew aktar. Bħala konsegwenza, l-iskemi ta' kards ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom ikunu obbligati li jipprovdu data rilevanti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif speċifikat minn dawk l-awtoritajiet u f'konformità mal-limiti ta' żmien stabbiliti minnhom. L-obbligi ta' rappurtar għandhom jiġu estiżi għall-fornituri ta' servizzi ta' pagament bħall-emittenti jew l-akkwirenti u mhux biss għal skemi ta' kards ta' pagament, sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe informazzjoni rilevanti tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jistgħu fi kwalunkwe każ jirrikjedu li tali informazzjoni tinġabar permezz tal-iskema ta' kards ta' pagament. Barra minn hekk, huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw livell adegwat ta' żvelar tal-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-limiti applikabbli tat-tariffi tal-interkambju. Meta wieħed iqis li l-iskemi ta' kards ta' pagament ġeneralment mhumiex fornituri ta' servizzi ta' pagament soġġetti għal superviżjoni prudenzjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-informazzjoni mibgħuta minn dawn l-entitajiet tkun iċċertifikata minn awditur indipendenti.

(19e)     Xi strumenti tal-pagament fil-livell domestiku jippermettu lill-pagatur jibda tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard li mhumiex distinti bħala tranżazzjonijiet b'kard ta' debitu jew ta' kreditu mill-iskema ta' kards ta' pagament. L-għażliet li jsiru mid-detentur tal-kard mhumiex magħrufin mill-iskema ta' kards ta' pagament u mill-akkwirent; b'konsegwenza ta' dan, l-iskemi ta' kards ta' pagament m'għandhomx il-possibbiltà li japplikaw il-limiti differenti imposti minn dan ir-Regolament għat-tranżazzjonijiet b'kards tad-debitu u tal-kreditu, li huma distinti abbażi taż-żmien maqbul biex jiġu addebitati t-tranżazzjonijiet ta' pagament. Filwaqt li titqies il-ħtieġa li tinżamm il-funzjonalità tal-mudelli kummerċjali eżistenti filwaqt li jiġu evitati spejjeż mhux iġġustifikati jew eċċessivi tal-konformità legali u, fl-istess ħin, filwaqt li titqies l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u adegwati bejn il-kategoriji differenti ta' kards ta' pagament, huwa xieraq li tiġi applikata l-istess regola prevista minn dan ir-Regolament għat-tranżazzjonijiet bil-kards ta' debitu għal tali tranżazzjonijiet ta' pagament domestiċi bil-"kards universali". Madankollu għandu jingħata aktar żmien biex dawk l-istrumenti ta' pagament jiġu adattati. Għalhekk, bl-eċċezzjoni ta' dan u matul perijodu ta' tranżizzjoni ta' 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu sehem massimu ta' tranżazzjonijiet domestiċi tal-"kards universali" li huma kkunsidrati bħala ekwivalenti għal tranżazzjonijiet b'kards ta' kreditu. Pereżempju, il-limitu tal-kard ta' kreditu jista' jiġi applikat għas-sehem definit tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet għan-negozjanti u l-akkwirenti. Ir-riżultat matematiku tad-dispożizzjonijiet imbagħad ikun ekwivalenti għall-applikazzjoni tal-limitu tat-tariffa tal-interkambju uniku fuq tranżazzjonijiet ta' pagamenti domestiċi li jkunu saru b'kards universali.

(20)       Dan ir-Regolament għandu jkopri t-tranżazzjonijiet kollha fejn il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-pagatur u l-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkunu jinsabu fl-Unjoni.

(21)       B'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika stipulat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, dan ir-Regolament għandu japplika għat-tranżazzjonijiet ta' pagament ibbażati fuq kard irrispettivament mill-ambjent li fih isseħħ din it-tranżazzjoni, inkluż permezz ta' strumenti ta' pagament bl-imnut u servizzi li jistgħu jkunu offlajn, onlajn jew bil-mowbajl.

(22)       It-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard ġeneralment isiru abbażi ta' żewġ mudelli kummerċjali ewlenin, l-hekk imsejħa "skemi tal-kard ta' pagament ta' tliet partijiet" (id-detentur tal-kard - l-iskema ta' akkwist u ta' ħruġ - in-negozjant) u "skemi tal-kard ta' pagament ta' erba' partijiet" (id-detentur tal-kard - il-bank emittenti - il-bank akkwirenti - in-negozjant). Ħafna skemi ta' ▌kards ta' pagament ta' erba' partijiet qegħdin jużaw tariffa espliċita tal-interkambju, li hija ħafna drabi multilaterali. ▌Sabiex l-eżistenza ta' tariffi impliċiti tal-interkambju tkun rikonoxxuta u jingħata kontribut għall-ħolqien ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, l-iskemi ta' kards ta' pagament ta' tliet partijiet li jużaw il-fornituri ta' servizzi ta' pagament bħala emittenti jew akkwirenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta' kards ta' pagament ta' erba' partijiet u għandhom isegwu l-istess regoli, filwaqt li t-trasparenza u miżuri oħra marbutin mar-regoli kummerċjali għandhom japplikaw għall-fornituri kollha. Madankollu, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet li jeżistu għal dawn it-tipi ta' skemi ta' tliet partijiet, huwa xieraq li jiġi permess perijodu tranżitorju li matulu l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-regoli rigward il-limitu tat-tariffa tal-interkambju jekk dawn l-iskemi jkollhom sehem mis-suq limitat ħafna fl-Istat Membru kkonċernat.

(22a)     Is-servizz emittenti huwa bbażat fuq relazzjoni kuntrattwali bejn l-emittent tal-istrument tal-pagament u l-pagatur, irrispettivament minn jekk l-emittent hux qiegħed iżomm il-fondi f'isem il-pagatur. L-emittent jagħmel kards ta' pagament għad-dispożizzjoni tal-pagatur, jawtorizza t-tranżazzjonijiet fit-terminals jew l-ekwivalenti tagħhom u jista' jiggarantixxi l-pagament lill-akkwirent għal tranżazzjonijiet li huma f'konformità mar-regoli tal-iskema relevanti. Għalhekk, is-sempliċi distribuzzjoni ta' kards ta' pagament jew servizzi tekniċi, bħas-sempliċi proċessar u l-ħażna ta' data, ma jikkostitwixxux ħruġ.

(22b)     Is-servizz akkwirenti jikkostitwixxi katina ta' operazzjonijiet mill-bidu ta' tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard għat-trasferiment tal-fondi lejn il-kont ta' pagament tal-benefiċjarju. Skont l-Istat Membru u l-mudell tan-negozju stabbilit, is-servizz tal-akkwist huwa organizzat b'mod differenti. Għalhekk, il-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jħallas it-tariffa tal-interkambju mhux dejjem jidħol f'kuntratt direttament mal-benefiċjarju. Intermedjarji li jipprovdu parti mis-servizzi tal-akkwist iżda mingħajr relazzjoni kuntrattwali diretta mal-benefiċjarji huma madankollu koperti fid-definizzjoni ta' akkwirent skont dan ir-Regolament. Is-servizz tal-akkwist huwa provdut irrispettivament minn jekk l-akkwirent huwiex qiegħed iżomm il-fondi f'isem il-benefiċjarju. Servizzi tekniċi, bħas-sempliċi proċessar u ħażna tad-data jew it-tħaddim ta' terminals, ma jikkostitwixxux akkwist.

(23)       Huwa importanti li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-tariffi tal-interkambju li għandhom jitħallsu jew jiġu riċevuti mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament ma jiġux evitati bi flussi alternattivi ta' tariffi lill-emittenti. Biex dan jiġi evitat, il-"kumpens nett" tat-tariffi mħallsa u riċevuti mill-emittent, inklużi tariffi ta' awtorizzazzjoni possibbli, minn skema ta' kards ta' pagament, akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor għandu jitqies bħala t-tariffa tal-interkambju. Meta tiġi kkalkolata t-tariffa tal-interkambju, bil-għan li jiġi vverifikat jekk tkunx qed isseħħ l-evażjoni, għandu jitqies l-ammont totali tal-pagamenti jew l-inċentivi riċevuti minn emittent minn skema ta' kards ta' pagament fir-rigward tat-tranżazzjonijiet irregolati u billi jitnaqqsu t-tariffi mħallsa mill-emittent lill-iskema ta' kards ta' pagament. Il-pagamenti, l-inċentivi u t-tariffi kkunsidrati jistgħu jkunu diretti (jiġifieri bbażati fuq il-volum jew speċifiċi għat-tranżazzjoni) jew indiretti (inklużi inċentivi tal-kummerċjalizzazzjoni, bonuses, skontijiet talli jintlaħqu ċerti volumi ta' tranżazzjonijiet). Meta jiġi vverifikat jekk tkunx qed issir ċirkonvenzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, għandu jittieħed kont, b'mod partikolari, tal-profitti tal-emittenti tal-kards li jirriżultaw minn programmi speċjali mwettqa b'mod konġunt mill-emittenti u mill-iskemi ta' kards ta' pagament u d-dħul mill-ipproċessar, il-liċenzjar, u tariffi oħra li jipprovdu dħul għall-iskemi ta' kards ta' pagament. Kif inhu xieraq, u jekk dan ikun sostnut minn elementi oġġettivi ulterjuri, il-ħruġ ta' kards ta' pagament f'pajjiżi terzi jista' wkoll jitqies meta jiġu vvalutati ċ-ċirkonvenzjonijiet potenzjali tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(24)       Hemm it-tendenza li l-konsumaturi ma jkunux konxji tat-tariffi mħallsin min-negozjanti għall-istrument ta' pagament li jużaw. Fl-istess waqt, serje ta' prattiki ta' inċentiv applikati minn emittenti (bħal vouchers tal-ivvjaġġar, bonuses, skontijiet, ħlasijiet lura, assigurazzjonijiet b'xejn, eċċ.) jistgħu iħajru lill-konsumaturi jużaw strumenti ta' pagament u b'hekk jiġġeneraw tariffi għoljin għall-emittenti. Sabiex jiġi evitat dan, il-miżuri li jimponu restrizzjonijiet fuq it-tariffi tal-interkambju għandhom japplikaw biss għal kards ta' pagament li saru prodotti tal-massa u li n-negozjanti ġeneralment isibuha diffiċli biex jirrifjutaw minħabba l-ħruġ u l-użu mifrux tagħhom (jiġifieri kards ta' debitu u ta' kreditu tal-konsumatur). Sabiex jittejjeb il-funzjonament effettiv tas-suq fil-partijiet tas-settur li mhumiex regolati u sabiex jiġi limitat it-trasferiment tan-negozju mill-partijiet regolati tas-settur għal dawk mhux regolati, huwa meħtieġ li jiġu adottati serje ta' miżuri, li jinkludu s-separazzjoni tal-iskema u l-infrastruttura, l-iggwidar tal-pagatur mill-benefiċjarju, u l-aċċettazzjoni b'mod selettiv tal-istrumenti ta' pagament mill-benefiċjarju.

(25)       Is-separazzjoni bejn l-iskema u l-infrastruttura għandha tippermetti li l-proċessuri kollha jikkompetu għall-klijenti tal-iskemi. Billi l-ispiża tal-ipproċessar hija parti sinifikanti mill-ispiża totali tal-aċċettazzjoni tal-kards, huwa importanti għal din il-parti tal-katina ta' valur li tinfetaħ għal kompetizzjoni effettiva. Abbażi tas-separazzjoni tal-iskema mill-infrastruttura, l-iskemi ta' kards u l-entitajiet li jipproċessaw għandhom ikunu indipendenti f'termini ta' kontabbiltà, organizzazzjoni u proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn ma għandhomx jiddiskriminaw, pereżempju, billi jagħtu lil xulxin trattament preferenzjali jew informazzjoni privileġġjata li ma tkunx disponibbli għall-kompetituri tagħhom fis-settur tas-suq rispettiv tagħhom, jew billi jimponu rekwiżiti eċċessivi ta' informazzjoni fuq il-kompetitur tagħhom fis-settur tas-suq rispettiv tagħhom, jew billi japplikaw sussidju inkroċjat għall-attivitajiet rispettivi tagħhom jew billi jkollhom arranġamenti komuni ta' governanza. Prattiċi diskriminatorji bħal dawn jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq, iħallu impatt negattiv fuq id-dħul ta' atturi ġodda fis-suq u jipprevjenu li jitfaċċaw atturi pan-Unjoni, u għaldaqstant ifixklu l-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl, għad-detriment tan-negozjanti, il-kumpaniji u l-konsumaturi.

(26)       Ir-regoli tal-iskemi applikati mill-iskemi ta' kards ta' pagament u l-prattiki applikati mill-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom it-tendenza li jżommu lin-negozjanti u lill-konsumaturi fil-għama dwar id-differenzi fit-tariffi u jnaqqsu t-trasparenza tas-suq, pereżempju billi "jħalltu" t-tariffi jew billi jipprojbixxu lin-negozjanti milli jagħżlu marka ta' kard irħas fuq kards co-badged jew milli jħajru lill-konsumaturi jagħmlu użu minn tali kards irħas. Anke jekk in-negozjanti jkunu konxji tal-ispejjeż differenti, ir-regoli tal-iskema spiss iżommuhom milli jieħdu azzjoni biex inaqqsu t-tariffi.

(27)       L-istrumenti ta' pagament jinvolvu spejjeż differenti għall-benefiċjarju, b'ċerti strumenti jkunu iktar għaljin minn oħrajn. Il-benefiċjarju għandu jkun liberu, skont id-Direttiva 2007/64/KE, li jiggwida lill-pagatur lejn l-użu ta' strument ta' pagament speċifiku, ħlief meta strument ta' pagament partikolari jkun impost bil-liġi għal ċerti kategoriji ta' pagamenti jew ma jkunx jista' jiġi rrifjutat minħabba li jkollu status ta' valuta legali. L-iskemi ta' kards u l-fornituri ta' servizz ta' pagament jimponu bosta restrizzjonijiet fuq il-benefiċjarji f'dan ir-rigward, fosthom restrizzjonijiet fuq ir-rifjut mill-benefiċjarju tal-użu ta' strumenti speċifiċi ta' pagament għal ammonti żgħar, fuq l-għoti ta' informazzjoni lill-pagatur dwar it-tariffi mġarrba mill-benefiċjarju għal strumenti speċifiċi ta' pagament jew limitazzjoni imposta fuq il-benefiċjarju dwar in-numru ta' kxaxen tal-flus li jaċċettaw strumenti speċifiċi ta' pagament fil-ħanut tiegħu jew tagħha. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew.

(28)       F'sitwazzjonijiet fejn il-benefiċjarju jressaq lill-pagatur lejn l-użu ta' strument ta' pagament speċifiku, ma għandhom jintalbu ebda imposti mill-benefiċjarju għall-użu ta' strumenti ta' pagament li t-tariffi tal-interkambju tagħhom huma rregolati fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, billi f'tali sitwazzjonijiet il-vantaġġi tas-soprataxxi jsiru limitati waqt li joħolqu kumplessità fis-suq.

(29)       Ir-regola "Onora l-Kards Kollha" hija obbligu doppju impost mill-fornituri tas-servizzi ta' ħruġ ta' pagament u mill-iskemi ta' kards ta' pagament fuq il-benefiċjarji sabiex, minn naħa, jaċċettaw il-kards kollha tal-istess marka (l-element ta' "Onora l-Prodotti Kollha"), irrispettivament mill-ispejjeż differenti ta' dawn il-kards u irrispettivament mill-bank emittenti individwali li jkun ħareġ il-kard (l-element ta' "Onora l-Emittenti Kollha"). Huwa fl-interess tal-konsumatur li għall-istess kategorija ta' kards il-benefiċjarju ma jistax jiddiskrimina bejn l-emittenti jew id-detenturi tal-kards, u l-iskemi ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta' pagamenti jistgħu jimponu tali obbligu fuqhom. Għalhekk ▌ l-element "Onora l-Emittenti Kollha" tar-regola "Onora l-Kards Kollha" huwa regola ġustifikabbli fi ħdan skema ta' kard ta' pagament, minħabba li ma jħallix lill-benefiċjarji jiddiskriminaw bejn il-banek individwali li jkunu ħarġu kard. L-element ta' "Onora l-Prodotti Kollha" huwa essenzjalment prattika li torbot li għandha l-effett li torbot l-aċċettazzjoni ta' kards b'tariffa baxxa mal-aċċettazzjoni ta' kards b'tariffa għolja. It-tneħħija tal-element ta' "Onora l-Prodotti Kollha" mir-regola ta' "Onora l-Kards Kollha" tippermetti lin-negozjanti jillimitaw l-għażla tal-kards ta' pagament li huma joffru għal kards ta' pagament bi spejjeż (aktar) baxxi biss, li tkun ukoll ta' benefiċċju għall-konsumaturi permezz tal-ispejjeż imnaqqsa tan-negozjanti. Għalhekk, in-negozjanti li jaċċettaw kards ta' debitu ma jiġux sfurzati jaċċettaw ukoll kards ta' kreditu, u dawk li jaċċettaw kards ta' kreditu ma jiġux furzati jaċċettaw kards kummerċjali. Madankollu, biex jipproteġu lill-konsumatur u l-abbiltà tiegħu li juża l-kards ta' pagament kemm jista' jkun ta' spiss, in-negozjanti għandhom ikunu obbligati jaċċettaw ▌ kards li huma soġġetti għall-istess tariffa regolata tal-interkambju biss jekk maħruġa fi ħdan l-istess marka u tal-istess kategorija (kard imħallsa minn qabel, kard ta' debitu jew kard ta' kreditu). Tali limitazzjoni tirriżulta wkoll f'ambjent aktar kompetittiv għall-kards b'tariffi tal-interkambju mhux regolati taħt dan ir-Regolament, billi n-negozjanti jiksbu iktar saħħa ta' negozjar fir-rigward tal-kondizzjonijiet li taħthom jaċċettaw tali kards. Dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati u meqjusa aċċettabbli biss biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi li jagħtu lill-konsumaturi livell adegwat ta' ċertezza dwar il-fatt li l-kards ta' pagament tagħhom ser jiġu aċċettati min-negozjanti.

(29a)     Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li jkun hemm distinzjoni ċara bejn kards tal-konsumatur u dawk kummerċjali kemm fuq bażi teknika kif ukoll dik kummerċjali. Huwa għalhekk importanti li kard kummerċjali tiġi definita bħala strument ta' pagament użat biss għal spejjeż tan-negozju li għandhom jitħallsu direttament mill-kont tal-impriża jew tal-entità tas-settur pubbliku jew il-persuna fiżika li taħdem għal rasha.

(30)       Il-benefiċjarji u l-pagaturi għandhom ikollhom il-mezzi biex jidentifikaw il-kategoriji differenti ta' kards. Għaldaqstant, id-diversi marki u kategoriji għandhom ikunu identifikabbli ▌ b'mod elettroniku u għal strumenti ta' pagament permezz ta' kard li jkunu għadhom kif inħarġu b'mod viżibbli fuq l-apparat. It-tieni, il-pagatur għandu jkun infurmat dwar l-aċċettazzjoni tal-istrument(i) ta' pagament tiegħu f'punt tal-bejgħ partikolari. Huwa meħtieġ li kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu ta' marka partikolari ▌ titħabbar mill-benefiċjarju lill-pagatur fl-istess ħin u taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-informazzjoni li hija aċċettata marka partikolari.

(30a)     Sabiex ikun hemm kompetizzjoni effettiva bejn il-marki, huwa importanti li l-għażla tal-applikazzjoni tal-pagament għandha ssir mill-utenti, u mhux tiġi imposta mis-suq upstream, li jinkludi skemi ta' kards ta' pagament, fornituri u proċessuri ta' servizzi ta' pagament. Tali ftehim ma għandux iżomm lill-pagaturi u lill-benefiċjarji milli jistabbilixxu għażla awtomatika għall-applikazzjoni, fejn teknikament possibbli, sakemm din l-għażla tista' tiġi mibdula għal kull tranżazzjoni.

(31)       Sabiex ikun żgurat li r-rimedju jkun possibbli fejn dan ir-Regolament ikun ġie applikat b'mod żbaljat, jew fejn jinqala' tilwim bejn l-utenti ta' servizzi ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta' pagament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati u effettivi ta' lment u rimedju barra l-qorti jew jieħdu miżuri ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jiżguraw li dawn il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li jiġu applikati.

(31a)     Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport għall-istudju ta' diversi effetti ta' dan ir-Regolament fuq il-funzjonament tas-suq. Jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà tiġbor l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit dan ir-rapport u li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni għall-ġbir ta' data.

(32)       Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għat-tranżazzjonijiet ta' ▌ pagament permezz ta' kard u t-tranżazzjonijiet bl-internet u bil-mowbajl li jsiru permezz ta' pagamenti bil-kard, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(33)       Dan ir-Regolament huwa konformi mad-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment id-dritt għal rimedju effettiv jew għal proċess imparzjali, il-libertà li jitmexxa negozju, il-ħarsien tal-konsumatur u għandu jiġi applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.          Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi tekniċi u tan-negozju għat-tranżazzjonijiet ta' ▌ pagament permezz ta' kard imwettqa fl-Unjoni, fejn kemm il-fornitur tas-servizzi ta' pagament ta' pagatur kif ukoll il-fornitur tas-servizz ta' pagament tal-benefiċjarju jinsabu hemmhekk.

2.          Dan ir-Regolament ma japplikax għal servizzi bbażati fuq strumenti ta' pagament speċifiċi li jistgħu jintużaw biss b'mod ▌ limitat, li jissodisfaw waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)    strumenti li jippermettu lid-detentur jakkwista prodotti u servizzi biss fil-bini tal-emittent jew fi ħdan netwerk limitat ta' fornituri tas-servizz skont ▌ ftehim kummerċjali dirett ma' emittent professjonali;

(b)    strumenti li jistgħu jintużaw biss biex jiġu akkwistati firxa limitata ħafna ta' prodotti u servizzi;

(c)    strumenti validi biss fi Stat Membru wieħed ipprovduti fuq it-talba ta' impriża jew entità tas-settur pubbliku u regolati minn awtorità pubblika nazzjonali jew reġjonali għal finijiet speċifiċi soċjali jew ta' taxxa biex jiġu akkwistati prodotti jew servizzi minn fornituri li jkollhom ftehim kummerċjali mal-emittent;

3.          Il-Kapitolu II ma japplikax għal dawn li ġejjin:

(a)    tranżazzjonijiet b'kards kummerċjali,

(b)    ġbid ta' flus kontanti minn magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus jew mal-kaxxier tal-fornitur ta' servizz ta' pagament; u

(c)    tranżazzjonijiet b'kards ta' pagament maħruġa minn skemi ta' pagament permezz ta' kard ta' tliet partijiet.

4.          L-Artikolu 7 ma japplikax għal skemi ta' pagament permezz ta' kard ta' tliet partijiet.

4a.        Meta skema ta' pagament permezz ta' kard ta' tliet partijiet tagħti liċenzja lil fornituri oħrajn ta' servizzi ta' pagament għall-ħruġ ta' strumenti ta' pagament permezz ta' kard, jew l-akkwist ta' tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard, jew flimkien, jew il-ħruġ ta' strumenti ta' pagament permezz tal-kards ma' sieħeb/sieħba konġunt/a tal-marka jew permezz ta' aġent, hija titqies bħala skema ta' pagament permezz ta' kard ta' erba' partijiet; Madankollu, sakemm ...(12)* fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' pagamenti domestiċi, dan it-tip ta' skema ta' pagament permezz ta' kard ta' tliet partijiet jista' jiġi eżentat mill-obbligi skont il-Kapitolu II, dment li t-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard magħmulin fi Stat Membru taħt tali skema ta' pagament permezz ta' kard ta' tliet partijiet ma jaqbżux, fuq bażi annwali, it-3 % tal-valur tat-tranżazzjonijiet kollha ta' pagament permezz ta' kard magħmula f'dak l-Istat Membru.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)         "akkwirent" tfisser fornitur ta' servizzi ta' pagament li jikkuntratta ▌ ma' benefiċjarju biex jaċċetta u jipproċessa tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard, li jirriżultaw fi trasferiment ta' fondi lill-benefiċjarju;

(2)         "emittent" tfisser fornitur ta' servizzi ta' pagament li jaqbel li jipprovdi lil pagatur bi strument ta' pagament biex jibda u jipproċessa ▌ t-tranżazzjonijiet ta' pagatur ta' pagament permezz ta' kard;

(3)         "konsumatur" tfisser persuna fiżika li, f'kuntratti ta' servizzi ta' pagament koperti minn dan ir-Regolament, qed taġixxi għal finijiet li mhumiex is-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(4)         "tranżazzjoni b'kard ta' debitu" tfisser tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard, inklużi dawk b'kards imħallsin minn qabel, li ma tkunx tranżazzjoni b'kard ta' kreditu;

(5)         "tranżazzjoni b'kard ta' kreditu" tfisser tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard fejn l-ammont tat-tranżazzjonijiet ikun debitat għalkollox jew f'parti minnu lill-pagatur f'data u xahar speċifiċi maqbula minn qabel, f'konformità ma' faċilità ta' kreditu maqbula minn qabel, bl-imgħax jew mingħajru;

(6)         "kard kummerċjali" tfisser kwalunkwe strument ta' pagament permezz ta' kard maħruġ lil impriżi jew entitajiet tas-settur pubbliku jew persuni fiżiċi li jaħdmu għal rashom li jkun limitat fl-użu għall-ispejjeż tan-negozju fejn il-pagamenti magħmula minn tali kards jitħallsu b'mod dirett mill-kont tal-impriża jew l-entità tas-settur pubbliku jew il-persuna fiżika li taħdem għal rasha;

(7)         "tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard" tfisser servizz ibbażat fuq l-infrastruttura u r-regoli tan-negozju ta' skema ta' kards ta' pagament biex issir tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kwalunkwe kard, telekomunikazzjoni, apparat jew software diġitali jew tal-IT jekk dan jirriżulta fi tranżazzjoni b'kard ta' debitu jew ta' kreditu. It-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard jeskludu tranżazzjonijiet ibbażati fuq tipi oħra ta' servizzi ta' ħlas.

(8)         "tranżazzjoni ta' pagament transkonfinali" tfisser ▌ tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard ▌ fejn l-emittent u l-akkwirent ikunu jinsabu fi Stati Membri differenti jew fejn l-istrument ta' pagament permezz ta' kard jinħareġ minn fornitur ta' servizzi ta' pagament li jinsab fi Stat Membru differenti minn dak tal-punt tal-bejgħ;

(8a)       "tranżazzjoni ta' pagament domestika" tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard li ma tkunx tranżazzjoni ta' pagament transkonfinali;

(9)         "tariffa tal-interkambju" tfisser tariffa mħallsa għal kull tranżazzjoni, direttament jew indirettament (jiġifieri permezz ta' terza parti), bejn l-emittent u l-akkwirent involuti fi tranżazzjoni ta' ▌pagament permezz ta' kard. Il-kumpens nett jew remunerazzjonijiet maqbula oħra jitqiesu bħala parti mit-tariffa tal-interkambju;

(9a)       "kumpens nett" tfisser l-ammont nett totali ta' pagamenti, skontijiet jew inċentivi rċevuti minn emittenti minn skemi ta' kards ta' pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' pagament permezz tal-kards jew attivitajiet relatati;

(10)       "tariffa għas-servizzi tan-negozjant" tfisser tariffa mħallsa mill-benefiċjarju lill-akkwirent b'rabta ma' tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard;

(11)       "benefiċjarju" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li hija r-riċevitur intiż ta' fondi li kienu s-suġġett ta' tranżazzjoni tal-ħlas;

(12)       "pagatur" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha kont ta' pagament u tippermetti ordni ta' pagament minn dak il-kont ta' pagament, jew, fejn ma jkun hemm ebda kont ta' pagament, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni ta' pagament;

(12a)     "kard ta' pagament" tfisser kategorija ta' strument ta' pagament li tippermetti lill-pagatur jagħti bidu għal tranżazzjoni b'kard ta' debitu jew ta' kreditu;

(13)       "skema ta' kards ta' pagament" tfisser sett wieħed ta' regoli, prattiki, standards u/jew linji gwida għall-implimentazzjoni għall-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard ▌u li jkun separat minn kwalunkwe sistema ta' infrastruttura jew ta' pagament li tappoġġa l-operazzjoni tiegħu, u li jinkludi kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew entità speċifika li tieħu d-deċiżjonijiet b'responsabbiltà għall-funzjonament tal-iskema;

(14)       "skema ta' pagament permezz ta' kard ta' erba' partijiet" tfisser skema ta' pagament permezz ta' kard li fiha l-pagamenti permezz ta' kard isiru mill-kont ta' pagament ta' pagatur fil-kont ta' pagament ta' benefiċjarju permezz tal-intermedjazzjoni tal-iskema, emittenti (min-naħa ta' pagatur) u akkwirent (min-naħa tal-benefiċjarju) ▌;

(15)       "skema ta' pagament permezz ta' kard ta' tliet partijiet" tfisser skema ta' kards ta' pagament li fiha ▌ l-iskema stess tipprovdi servizzi akkwirenti u emittenti, u t-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard isiru mill-kont ta' pagament ta' pagaturfil-kont ta' pagament ta' benefiċjarju fl-iskema ▌. Meta skema ta' pagament permezz ta' kard ta' tliet partijiet tagħti liċenzja lil fornituri oħrajn ta' servizzi ta' pagament għall-ħruġ ta' strumenti ta' pagament permezz ta' kard, jew l-akkwist ta' tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard, jew flimkien, jew il-ħruġ ta' strumenti ta' pagament permezz tal-kards ma' sieħeb/sieħba konġunt/a tal-marka jew permezz ta' aġent, hija titqies bħala skema ta' pagament permezz ta' kard ta' erba' partijiet;

(16)       "strument ta' pagament" tfisser kwalunkwe apparat personalizzat u/jew sett ta' proċeduri miftiehma bejn l-utent tas-servizzi ta' pagament u l-fornitur tas-servizzi ta' pagament u użat ▌sabiex jagħti bidu għal ordni ta' pagament;

(17)       "strument ta' pagament permezz ta' kard" tfisser kwalunkwe strument ta' ħlas, inklużi kard, mowbajl, kompjuter jew kwalunkwe apparat teknoloġiku ieħor li jkun fih l-applikazzjoni adattata, li tippermetti lill-pagatur jibda tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard li mhijiex trasferiment ta' kreditu jew debitu dirett kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012;

(18)       "applikazzjoni ta' pagament" tfisser softwer tal-kompjuter jew ekwivalenti mtella' fuq apparat li jippermetti li jinbdew tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard u li jħalli lill-pagatur joħroġ ordnijiet ta' pagament;

(18a)     "kont ta' pagament" tfisser kont f'isem wieħed jew aktar fornituri ta' servizzi ta' pagament li jintuża għall-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' pagament, inkluż permezz ta' kont speċifiku għall-flus elettroniċi kif definit fil-Punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13);

(19)       "ordni ta' pagament" tfisser kwalunkwe istruzzjoni minn pagatur lill-fornitur ta' servizzi ta' pagament tiegħu li biha jitolbu jesegwixxi tranżazzjoni ta' pagament;

(21)       "fornitur ta' servizzi ta' pagament" tfisser persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati li jipprovdu s-servizzi ta' pagament ▌ elenkati fl-Anness għad-Direttiva 2007/64/KE jew rikonoxxuti bħala emittenti ta' flus elettroniċi skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/110/KE. Fornitur ta' servizzi ta' pagament jista' jkun emittenti jew akkwirenti jew it-tnejn li huma;

(22)       "utent ta' servizzi ta' pagament" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizz ta' pagament fil-kapaċità jew ta' pagatur jew ta' benefiċjarju, jew it-tnejn li huma;

(23)       "tranżazzjoni ta' pagament" tfisser azzjoni ta' trasferiment ta' fondi, mibdija minn pagatur jew għan-nom tiegħu jew mill-benefiċjarju, irrispettivament minn kwalunkwe obbligi sottostanti bejn pagatur u l-benefiċjarju;

(24)       "ipproċessar" tfisser it-twettiq tas-servizzi ta' pproċessar ta' tranżazzjoni ta' pagament f'termini tal-azzjonijiet rikjesti għall-ittrattar ta' struzzjoni ta' pagament bejn l-akkwirent u l-emittent;

(25)       "entità ta' pproċessar" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizzi ta' pproċessar ta' tranżazzjoni ta' pagament;

(26)       "punt tal-bejgħ" tfisser l-indirizz tal-post fiżiku tan-negozjant fejn tinbeda t-tranżazzjoni ta' pagament. Madankollu,

(a)         fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod jew kuntratti mill-bogħod (jiġifieri l-kummerċ elettroniku) kif definit mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE, il-punt tal-bejgħ għandu jkun l-indirizz tal-post fiss tan-negozju li minnu n-negozjant iwettaq in-negozju tiegħu irrispettivament mis-sit elettroniku jew fejn jinsab is-server u li minnu tinbeda t-tranżazzjoni;

(b)         f'każ li n-negozjant m'għandux post fiss tan-negozju, il-punt tal-bejgħ għandu jkun l-indirizz li fih in-negozjant għandu liċenzja kummerċjali valida u li minnu tinbeda t-tranżazzjoni;

(c)         f'każ li n-negozjant m'għandux post fiss tan-negozju u lanqas liċenzja tan-negozju valida, il-punt tal-bejgħ għandu jkun l-indirizz tal-korrispondenza għall-pagament tat-taxxi tiegħu/tagħha relatati mal-attivitajiet ta' bejgħ tiegħu/tagħha li minnu tinbeda t-tranżazzjoni ta' pagament.

(27)       "marka" tfisser kwalunkwe materjal jew isem, terminu, sinjal, simbolu diġitali jew taħlita tagħhom, li kapaċi jindika taħt liema skema ta' pagament permezz ta' kard isiru t-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard;

(28)       "co-badging" tfisser l-inklużjoni ta' żewġ marki jew aktar ta' pagament jew applikazzjonijiet ta' pagament tal-istess marka fuq l-istess strument ta' pagament permezz ta' kard;

(28a)     "co-branding" tfisser l-inklużjoni ta' mill-inqas marka waħda ta' pagament u mill-inqas marka waħda mhux ta' pagament fuq l-istess strument ta' pagament permezz ta' kard;

(29)       "kard ta' debitu" tfisser kategorija ta' strument ta' pagament li jippermetti lill-pagatur jagħti bidu għal tranżazzjoni b'kard ta' debitu esklużi dawk b'kards imħallsin minn qabel;

(30)       "kard ta' kreditu" tfisser kategorija ta' strument ta' pagament li jippermetti lill-pagatur jibda tranżazzjoni b'kard ta' kreditu;

(31)       "kard imħallsa minn qabel" tfisser kategorija ta' strument ta' pagament li fiha flus elettroniċi jkunu maħżunin, kif definit mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE.

KAPITOLU II

TARIFFI TAL-INTERKAMBJU

Artikolu 3

Tariffi tal-interkambju fuq ▌it-tranżazzjonijiet b'kard ta' debitu ▌tal-konsumatur

1.          Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament ma għandhomx joffru jew jitolbu tariffa tal-interkambju ▌ fuq kull tranżazzjoni ta' iktar minn 0.2 % tal-valur tat-tranżazzjoni għal kwalunkwe tranżazzjoni b'kard ta' debitu.

1a.        Għal tranżazzjonijiet domestiċi ta' kards ta' debitu, l-Istati Membri jistgħu jew:

(a)    jiddefinixxu perċentwal għal-limitu tat-tariffa tal-interkambju għal kull tranżazzjoni li jkun inqas minn dak definit fil-paragrafu 1, u jista' jimponi ammont ta' tariffa massima fissa bħala limitu għall-ammont ta' tariffa li jirriżulta mir-rata perċentwali applikabbli; jew

(b)    jippermettu lill-fornituri ta' servizzi ta' pagament sabiex japplikaw tariffa tal-interkambju fuq kull tranżazzjoni ta' mhux aktar minn 5 ċenteżmi tal-euro, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali ...(14)*, li jistgħu anki jingħaqdu flimkien ma' rati perċentwali massimi ta' mhux aktar minn 0.2 %, sakemm it-total ta' tariffi tal-interkambju tal-iskema ta' kards ta' pagament ma taqbiżx iż-0.2 % tal-valur tat-tranżazzjoni annwali tat-tranżazzjonijiet domestiċi b'kards ta' debitu f'kull skema ta' kards ta' pagament.

1b.        Sakemm…(15)*, fir-rigward ta' tranżazzjonijiet domestiċi ta' kards ta' debitu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-fornituri ta' servizzi ta' pagament japplikaw tariffa tal-interkambju medja ponderata ta' mhux aktar mill-ekwivalenti ta' 0.2 % tal-medja annwali tal-valur tat-tranżazzjoni għat-tranżazzjonijiet domestiċi b'kards ta' debitu kollha f'kull skema ta' kards ta' pagament. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu aktar baxx tat-tariffa tal-interkambju medja ponderata applikabbli għal kull tranżazzjoni domestika b'kard ta' debitu.

1c.         Il-valur ta' tranżazzjoni annwali msemmi fil-paragrafi 1a u 1b għandu jiġi kkalkulat kull sena, jibda mill-1 ta' Jannar u jintemm fil-31 ta' Diċembru u għandu japplika mill-1 ta' April tas-sena ta' wara. Il-perijodu ta' referenza għall-ewwel kalkolu ta' tali valur għandu jibda ħmistax-il xahar tal-kalendarju qabel id-data ta' applikazzjoni tal-paragrafi 1a u 1b u jintemm tliet xhur tal-kalendarju qabel dik id-data.

1d.        L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 13, għandhom jirrikjedu li skemi ta' kards ta' pagament u/jew fornituri ta' servizzi ta' pagament jipprovdu, mat-talba bil-miktub tagħhom, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni korretta tal-paragrafi 1b u 1c ta' dan l-Artikolu. Tali informazzjoni għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti qabel l-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara l-perijodu ta' referenza msemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1c. Kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti mat-talba bil-miktub tagħhom u fl-iskadenza stabbilita minnhom. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li tali informazzjoni tkun iċċertifikata minn awditur indipendenti.

Artikolu 4

It-tariffi tal-interkambju għal tranżazzjonijiet b'kard ▌ta' kreditu tal-konsumaturi

Il-fornituri ta' servizzi ta' pagament ma għandhomx joffru jew jitolbu tariffa tal-interkambju fuq kull tranżazzjoni ta' iktar minn 0.3 % tal-valur tat-tranżazzjoni għal kwalunkwe tranżazzjoni b'kard ta' debitu. Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet domestiċi b'kard ta' kreditu l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu limitu aktar baxx tat-tariffa tal-interkambju fuq kull tranżazzjoni.

Artikolu 5

Il-projbizzjoni tal-evażjoni

▌Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limiti msemmija fl-Artikoli 3 u 4, kwalunkwe remunerazzjoni maqbula, inkluż il-kumpens nett, b'oġġett jew effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju, riċevut minn emittent mill-iskema ta' kard ta' pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta' pagament jew attivitajiet relatati għandu jiġi ttrattat bħala parti mit-tariffa tal-interkambju.

KAPITOLU III

REGOLI TAN-NEGOZJU

Artikolu 6

Għoti ta' liċenzji

1.          Għandha tkun ipprojbita kwalunkwe restrizzjoni territorjali fl-Unjoni jew regoli b'effett ekwivalenti fil-ftehimiet tal-għoti ta' liċenzji jew fir-regoli tal-iskemi ta' kard ta' pagament għall-ħruġ ta' kards ta' pagament jew għall-akkwist ta' tranżazzjonijiet ta' pagament ▌permezz ta' kard.

2.          Għandu jkun ipprojbit kwalunkwe rekwiżit jew obbligu biex tinkiseb liċenzja jew awtorizzazzjoni speċifika għall-pajjiż għal operazzjoni fuq bażi transkonfinali jew regola b'effett ekwivalenti fil-ftehimiet tal-għoti ta' liċenzji jew fir-regoli ta' skemi ta' kard ta' pagament għall-ħruġ ta' kards ta' pagament jew għall-akkwist ta' tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard.

Artikolu 7

Separazzjoni tal-iskema ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar

1.          L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar:

(a)    għandhom ikunu indipendenti f'termini ta' kontabbiltà, organizzazzjoni u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

(b)    ma għandhomx joffru prezzijiet għal skemi ta' kard ta' pagament u attivitajiet tal-ipproċessar b'mod konġunt u ma għandhomx jinkroċjaw is-sussidji ta' tali attivitajiet;

(c)    ma għandhom jiddiskriminaw bl-ebda mod bejn is-sussidjarji jew l-azzjonisti tagħhom fuq naħa u l-utenti tal-iskemi ta' kards ta' pagament u sħab kontraenti oħrajn fuq in-naħa l-oħra, u b'mod partikolari ma għandhom jagħtu l-ebda servizz li huma joffru b'kwalunkwe mod soġġett għall-aċċettazzjoni mill-parti kontraenti tagħhom ta' kwalunkwe servizz ieħor li huma joffru.

1a.        L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-iskema tista' tirrikjedi skema ta' kards ta' pagament biex tipprovdi rapport indipendenti li jikkonferma l-konformità tagħha mal-paragrafu 1.

2.          L-iskemi ta' kards ta' pagament għandhom jippermettu l-possibbiltà li l-awtorizzazzjoni u l-messaġġi ta' kklerjar ta' tranżazzjonijiet uniċi ta' pagament permezz ta' kard ikunu separati u pproċessati minn entitajiet ta' pproċessar differenti.

3.          Għandha tkun ipprojbita kwalunkwe diskriminazzjoni territorjali fir-regoli ta' pproċessar operati minn skemi ta' kards ta' pagament.

4.          L-entitajiet ta' pproċessar fl-Unjoni għandhom jiżguraw li s-sistema tagħhom hija teknikament interoperabbli ma' sistemi oħrajn ta' entitajiet ta' pproċessar fl-Unjoni permezz tal-użu ta' standards żviluppati minn korpi ta' standardizzazzjoni internazzjonali jew Ewropej. Barra minn hekk, l-iskemi ta' kard ta' pagament ma għandhomx jadottaw jew japplikaw regoli tan-negozju li jirrestrinġu l-interoperabbiltà ma' entitajiet oħrajn ta' pproċessar fl-Unjoni.

5.          L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tista', wara li tikkonsulta ma' bord konsultattiv kif imsemmi fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn skemi ta' kards ta' pagament u l-entitajiet ta' pproċessar biex tiżgura l-applikazzjoni tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

L-EBA għandha tressaq dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa …(17)*.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 8

Co-badging u l-għażla tal-marka ta' pagament jew tal-applikazzjoni ta' pagament

1.          Kwalunkwe regola ta' skemi ta' kards ta' pagament u regoli fi ftehimiet tal-għoti ta' liċenzji jew miżuri li għandhom l-istess effett li jfixklu jew jipprevjenu emittent milli jagħmel co-badging ta' żewġ ▌ marki ta' pagament jew applikazzjonijiet ta' pagament differenti jew iżjed fuq strument ta' pagament permezz ta' kard għandhom jiġu pprojbiti.

1a.        Meta jsir ftehim kuntrattwali ma' fornitur ta' servizz ta' pagament, il-konsumatur jista' jitlob li jkollu żewġ marki differenti jew aktar ta' pagament fuq strument ta' pagament permezz ta' kard sakemm tali servizz ikun offrut mill-fornitur ta' servizz ta' pagament. Biżżejjed żmien qabel jiġi ffirmat il-kuntratt, il-fornitur ta' servizzi ta' pagament għandu jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni ċara u oġġettiva dwar il-marki ta' pagament kollha disponibbli u l-karatteristiċi tagħhom, inkluż il-funzjonalitajiet, l-ispiża u s-sigurtà tagħhom.

2.          Għandha tkun oġġettivament ġustifikata u mhux diskriminatorja kwalunkwe differenza fit-trattament tal-emittenti jew l-akkwirenti f'regoli ta' skemi u regoli fi ftehimiet tal-għoti ta' liċenzji li jikkonċernaw il-co-badging ta' marki ta' pagament jew applikazzjonijiet ta' pagament differenti fuq strument ta' pagament permezz ta' kard.

3.          L-iskemi ta' kards ta' pagament ma għandhomx jimponu rekwiżiti ta' rapportar, obbligi ta' pagament ta' tariffi jew obbligi simili bl-istess għan jew effett fuq il-fornituri emittenti u akkwirenti tas-servizzi ta' pagament għal tranżazzjonijiet mwettqa bi kwalunkwe apparat li fuqu tkun preżenti l-marka tagħhom fir-rigward ta' tranżazzjonijiet li fihom ma tintużax l-iskema tagħhom.

4.          Ma għandux ikun diskriminatorju u għandu jiġi applikat b'mod mhux diskriminatorju kwalunkwe prinċipju ta' għażla tar-rotta jew miżura ekwivalenti bil-għan li jidderieġu t-tranżazzjonijiet minn mezz jew proċess speċifiku u standards u rekwiżiti tekniċi u ta' sigurtà oħrajn fir-rigward tat-trattament ta' żewġ marki ta' pagament u applikazzjonijiet ta' pagament differenti jew aktar fuq strument ta' pagament permezz ta' kard.

6.          L-iskemi ta' kards ta' pagament, l-emittenti, l-akkwirenti, l-entitajiet ta' pproċessar u l-fornituri ta' servizzi tekniċi oħra ma għandhomx idaħħlu mekkaniżmi awtomatiċi, softwer jew apparat fuq l-istrument ta' pagament jew fuq l-apparat applikat fil-punt tal-bejgħ li jillimitaw l-għażla tal-marka tal-pagament jew l-applikazzjoni tal-pagament, jew flimkien, mill-pagatur jew il-benefiċjarju meta jkunu qed jużaw strument ta' pagament li jkun co-badged.

Il-benefiċjarji għandu jkollhom l-għażla li jinstallaw mekkaniżmi awtomatiċi fl-apparat użat fil-punt tal-bejgħ li jagħmlu għażla ta' prijorità ta' marka ta' pagament jew applikazzjoni ta' pagament partikolari, imma l-benefiċjarji ma għandhomx jipprevjenu l-pagatur, għall-kategoriji ta' kards jew strumenti ta' pagament relatati aċċettati mill-benefiċjarju, milli ma jagħtix kas ta' għażla ta' prijorità awtomatika magħmula mill-benefiċjarju fit-tagħmir tiegħu.

Artikolu 9

Evitar tat-taħlit

1.          Kull akkwirent għandu joffri u jiċċarġja lill-benefiċjarji ▌ tariffi għas-servizzi tan-negozjant speċifikati individwalment għall-kategoriji differenti u l-marki differenti ta' kards ta' pagament b'livelli differenti ta' tariffi tal-interkambju sakemm in-negozjanti ma jitolbux bil-miktub lill-fornituri akkwirenti tas-servizzi ta' pagament biex jiġu ċċarġjati tariffi għas-servizzi tan-negozjant imħalltin flimkien.

2.          Akkwirenti għandhom jinkludu fil-ftehimiet tagħhom mal-benefiċjarji informazzjoni speċifikata b'mod individwali dwar l-ammont tat-tariffi għas-servizzi tan-negozjant, it-tariffi tal-interkambju u t-tariffi tal-iskemi applikabbli fir-rigward ta' kull kategorija u marka ta' kards ta' pagament, dment li l-benefiċjarju sussegwentement ma jagħmilx talba differenti bil-miktub.

Artikolu 10

Ir-regola "Onora l-Kards Kollha"

1.          L-iskemi ta' kards ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta' pagament ma għandhom japplikaw l-ebda regola li tobbliga lill-benefiċjarji jaċċettaw strumenti ta' pagament permezz ta' kard maħruġa minn wieħed mill-emittenti sabiex jaċċettaw ukoll strumenti oħra ta' pagament permezz ta' kard maħruġa fil-qafas tal-istess skema ▌ta' kards ta' pagament.

1a.        Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal strumenti ta' pagament permezz ta' kard tal-konsumatur tal-istess marka u tal-istess kategorija ta' kard imħallsa minn qabel, kard ta' debitu jew ta' kard ta' kreditu soġġetti għat-tariffi tal-interkambju li jaqgħu taħt il-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament.

2.          Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-iskemi ta' pagament u l-fornituri ta' servizzi ta' pagament jipprevedu li ▌kards ma jistgħux jiġu rrifjutati abbażi tal-identità tal-fornitur ta' servizzi ta' ħruġ ta' pagament jew tad-detentur tal-kard.

3.          In-negozjanti li jiddeċiedu li ma jaċċettawx il-kards kollha jew strumenti oħra ta' pagament ta' skema ta' kards ta' pagament għandhom jinformaw lill-konsumaturi dwar dan, b'mod ċar u inekwivoku, fl-istess ħin li jinformaw lill-konsumatur dwar l-aċċettazzjoni ta' kards u strumenti ta' pagament oħra tal-iskema tal-kards ta' pagament. Tali informazzjoni għandha tintwera b'mod prominenti fid-daħla tal-ħanut u ħdejn il-kexxun tal-flus.

Fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod, din l-informazzjoni għandha tintwera fuq is-sit tal-internet jew xi mezz ieħor elettroniku jew mobbli applikabbli tal-benefiċjarju. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-pagatur fi żmien adatt qabel ma jidħol fi ftehim ta' xiri mal-benefiċjarju.

4.          L-emittenti għandhom jiżguraw li l-istrumenti ta' pagament tagħhom huma ▌ elettronikament identifikabbli, u, fil-każ tal-istrumenti tagħhom ta' pagament permezz ta' kard li jkunu għadhom kif inħarġu, ukoll identifikabbli b'mod viżibbli, li jippermetti lill-benefiċjarji u lill-pagaturi jidentifikaw b'mod inekwivoku liema marki u kategoriji ta' kards imħallsa minn qabel, kards ta' debitu, kards ta' kreditu jew kards kummerċjali ▌ jintgħażlu mill-pagatur.

Artikolu 11

Ir-regoli ta' gwida

1.          Għandha tkun ipprojbita kwalunkwe regola, fi ftehimiet tal-għoti ta' liċenzji, f'regoli ta' skemi applikati minn skemi ta' pagament permezz ta' kard u fi ftehimiet bejn l-akkwirenti ta' kards u l-benefiċjarji, li ma tħallix il-benefiċjarji jiggwidaw lill-konsumaturi lejn l-użu ta' kwalunkwe strument ta' pagament ippreferut mill-benefiċjarju. Din il-projbizzjoni għandha tkopri wkoll kwalunkwe regola li tipprojbixxi l-benefiċjarji milli jittrattaw l-istrument ta' pagament permezz ta' kard ta' skema ta' kard ta' pagament partikolari b'mod iktar jew inqas favorevoli minn oħrajn.

2.          Għandha tkun ipprojbita kwalunkwe regola fi ftehimiet tal-għoti ta' liċenzji, f'regoli ta' skemi applikati minn skemi ta' pagament permezz ta' kard u fi ftehimiet bejn l-akkwirenti u l-benefiċjarji li ma tħallix il-benefiċjarji jinfurmaw lil min iħallsu dwar it-tariffi tal-interkambju u t-tariffi għas-servizzi tan-negozjant.

3.          Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar imposti, skontijiet jew mekkaniżmi ta' gwida oħra stabbiliti fid-Direttivi 2007/64/KE u ▌ 2011/83/UE.

Artikolu 12

Informazzjoni lil min qed jitħallas dwar tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard individwali

1.          Wara l-eżekuzzjoni ta' tranżazzjoni individwali ta' pagament permezz ta' kard, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jipprovdi lill-benefiċjarju bl-informazzjoni li ġejja:

(a)    ir-referenza li tippermetti lill-benefiċjarju jidentifika t-tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard;

(b)    l-ammont tat-tranżazzjoni ta' pagament fil-munita li fiha huwa kkreditat il-kont ta' pagament tal-benefiċjarju;

(c)    l-ammont ta' kwalunkwe imposta fuq it-tranżazzjoni ta' pagament permezz ta' kard, li jindika b'mod separat it-tariffa għas-servizzi tan-negozjant u l-ammont tat-tariffa tal-interkambju.

Bil-kunsens espliċitu u minn qabel tal-benefiċjarju, l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tista' tiġi aggregata bil-marka, l-applikazzjoni, il-kategoriji tal-istrument ta' pagament u r-rati ta' tariffi tal-interkambju applikabbli għat-tranżazzjoni.

2.          Il-kuntratti bejn l-akkwirenti u l-benefiċjarji jistgħu jinkludu dispożizzjoni li l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta jew magħmula disponibbli perjodikament, mill-inqas darba f'xahar, u b'mod miftiehem li jippermetti l-benefiċjarji li jaħżnu u jirriproduċu l-informazzjoni mingħajr tibdil.

KAPITLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Awtoritajiet kompetenti

1.          L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa jiżguraw li dan ir-Regolament jiġi infurzat u li jingħataw poteri investigattivi u ta' infurzar.

2.          L-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi eżistenti biex jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti.

3.          L-Istati Membri jistgħu jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar.

4.          L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk l-awtoritajiet kompetenti sa …(18)*. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla sussegwenti li tikkonċerna lil dawn l-awtoritajiet.

5.          L-awtoritajiet kompetenti maħtura msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollhom riżorsi adegwati għall-qadi ta' dmirijiethom.

6.          L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jissorveljaw b'mod effettiv il-konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż li jaħdmu kontra tentattivi mill-fornituri tas-servizzi ta' pagament biex jevitaw dan ir-Regolament, u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw din il-konformità.

Artikolu 14

Penalitajiet

1.          L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu applikati. ▌

2.          L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kumissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijet sa …(19)* u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni, ilmenti barra l-qorti u proċeduri ta' rimedju

1.          L-Istati Membri għandhom jiżguraw u jippromwovu proċeduri adegwati u effettivi ta' lment u rimedju barra mill-qorti jew jieħdu miżuri ekwivalenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim li jinqala' taħt dan ir-Regolament bejn il-benefiċjarji u l-fornituri ta' servizzi ta' pagament tagħhom. Għal dawk il-finijiet, l-Istati Membri għandhom jaħtru korpi eżistenti, fejn adatt, jew jistabbilixxu korpi ġodda. Il-korpi għandhom ikunu indipendenti mill-partijiet.

2.          L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dawn il-korpi sa ...(20)**. Dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien ▌ bi kwalunkwe bidla sussegwenti li tkun tikkonċerna lil dawn il-korpi.

Artikolu 15a

Kards universali

1.          Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' pagament domestiċi li mhumiex distinti bħala tranżazzjonijiet b'kard ta' debitu jew ta' kreditu mill-iskema ta' kards ta' pagament, japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar kards ta' debitu jew tranżazzjonijiet b'kard ta' debitu.

2.          B'deroga mill-paragrafu 1, sa …(21)*, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sehem ta' mhux aktar minn 30 % tat-tranżazzjoniazzjonijiet ta' pagamenti domestiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li huma kkunsidrati bħala ekwivalenti għal tranżazzjonijiet b'karti ta' kreditu li għalihom għandu japplika l-limitu għat-tariffa tal-interkambju stabbilit fl-Artikolu 4.

Artikolu 16

Il-klawżola ta' rieżami

Sa ...(22)**, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu janalizza b'mod partikulari l-adattezza tal-livelli tat-tariffi tal-interkambju u tal-mekkaniżmi ta' gwida, bħall-imposti, waqt li jieħu inkonsiderazzjoni l-użu u l-ispiża tad-diversi mezzi ta' pagamenti u l-livell ta' dħul ta' atturi ġodda, ta' teknoloġija ġdida u ta' mudelli ta' negozju innovattivi fis-suq. Il-valutazzjoni għandha tqis b'mod partikolari:

(a)         l-iżvilupp tat-tariffi għall-pagaturi;

(b)         il-livell ta' kompetizzjoni fost il-fornituri ta' kards ta' pagament u l-iskemi ta' kards ta' pagament;

(c)         l-effetti fuq l-ispejjeż għall-pagatur u l-benefiċjarju;

(d)         il-livelli ta' trasferiment min-negozjanti tat-tnaqqis fil-livelli tat-tariffi tal-interkambju;

(e)         ir-rekwiżiti tekniċi u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-partijiet kollha involuti;

(f)          l-effetti tal-co-badging fuq il-faċilità ta' użu għall-utent, prinċipalment għall-anzjani u l-utenti l-iktar vulnerabbli;

(g)         l-effett fuq is-suq tal-esklużjoni ta' kards kummerċjali mill-Kapitolu II, billi titqabbel is-sitwazzjoni f'dawk l-Istati Membri fejn huma pprojbiti s-soprataxxi mas-sitwazzjoni f'dawk fejn huma permessi;

(h)         l-effett fuq is-suq tad-dispożizzjonijiet speċjali għal tariffi tal-interkambju ta' debitu domestiċi;

(i)          l-iżvilupp ta' akkwisti transkonfinali u l-effett tagħhom fuq is-suq uniku, billi titqabbel is-sitwazzjoni għal kards b'tariffi limitati u kards b'tariffi mhux limitati, biex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi ċċarat liema tariffa tal-interkambju tapplika għall-akkwisti transkonfinali;

(j)          l-applikazzjoni fil-prattika tar-regoli dwar is-separazzjoni tal-iskema u l-ipproċessar ta' kards ta' pagament, u l-ħtieġa li terġa' tiġi kkunsidrata diżassoċjazzjoni legali.

(k)         il-ħtieġa possibbli, skont l-effett tal-Artikolu 3(1) fuq il-valur attwali ta' tariffi tal-interkambju għal tranżazzjonijiet ta' kard ta' debitu ta' valur medju u għoli, li jiġi rivedut dak il-paragrafu billi jiġi previst li l-limitu għandu jiġi limitat għall-ammont aktar baxx ta' 7 ċenteżmi tal-euro jew 0.2 % tal-valur tat-tranżazzjoni.

Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva li tista' tinkludi emenda proposta tal-limitu massimu għal tariffi tal-interkambju.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

1.          Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

1a.        Huwa għandu japplika minn …(23)*, ħlief għall-Artikoli 3, 4, 6 u 12 li għandhom japplikaw minn …(24)**, u u tal-Artikoli 7, 8, 9 u 10 li għandhom japplikaw minn ….(25)***.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew                                         Għall-Kunsill

Il-President                                                                 Il-President

(1)

Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)

Testi adottati minn dik id-data, P7_TA-PROV(2014)0279.

(3)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(4)

           ĠU C 193, 24.6.2014, p. 2.

(5)

           Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-11 ta' Diċembru 2013 għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali

(6)

         P7_TA/2014/279

(7)

           Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' ... (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' ....

(8)

           Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).

(9)

           Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).

(10)

           Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

(11)

          Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(12)

*            ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - tnejn u erbgħin xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(13)

          Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(14)

*            ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(15)

*            ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - ħames snin u sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(16)

          Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(17)

*            ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(18)

*            ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(19)

*            ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(20)

**           ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(21)

*            ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(22)

**           ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(23)

*            ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(24)

**           ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(25)

***          ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data - sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.


PROĊEDURA

Titolu

It-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kard

Referenzi

COM(2013)0550 – C7-0241/2013 – 2013/0265(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

24.7.2013

 

 

 

Kumitat responsabbli

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

8.10.2013

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

8.10.2013

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Pablo Zalba Bidegain

10.9.2013

 

 

 

Eżami fil-kumitat

5.11.2013

17.12.2013

12.2.2014

 

Data tal-adozzjoni

20.2.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marino Baldini, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, George Sabin Cutaş, Rachida Dati, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Syed Kamall, Jürgen Klute, Hans-Peter Martin, Alfredo Pallone, Antolín Sánchez Presedo, Olle Schmidt, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Sampo Terho, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Fabrizio Bertot, Herbert Dorfmann, Bas Eickhout, Sari Essayah, Ashley Fox, Sophia in ‘t Veld, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Catherine Stihler, Nils Torvalds, Emilie Turunen

Sostituti (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen

Data tat-tressiq

11.3.2014


REFERENZA LURA LILL-KUMITAT

Data tar-riferenza lura lill-kumitat (Art. 61 (2))

3.4.2014

Rapporteurs

  Data tal-konferma/tal-ħatra

Pablo Zalba Bidegain

22.7.2014

Eżami fil-kumitat

5.11.2013

17.12.2013

12.2.2014

 

Data tal-adozzjoni

27.1.2015

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Costas Mavrides, Luděk Niedermayer, Patrick O’Flynn, Dariusz Rosati, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Sampo Terho, Michael Theurer, Ernest Urtasun, Marco Valli, Cora van Nieuwenhuizen, Steven Woolfe, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Richard Corbett, Ildikó Gáll-Pelcz, Eva Kaili, Barbara Kappel, Rina Ronja Kari, Jeppe Kofod, Paloma López Bermejo, Thomas Mann, Morten Messerschmidt, Siegfried Mureșan, Michel Reimon, Andreas Schwab, Tibor Szanyi, Romana Tomc, Nils Torvalds

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rikke Karlsson, Helga Stevens

Data tat-tressiq

16.02.2015


SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI

Membri favur

Sylvie Goulard, Petr Ježek, Michael Theurer, Nils Torvalds, Cora van Nieuwenhuizen

 

Rikke Karlsson, Bernd Lucke, Morten Messerschmidt, Helga Stevens, Kay Swinburne, Sampo Terho

 

Sven Giegold, Michel Reimon, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

 

Matt Carthy, Fabio De Masi, Rina Ronja Kari, Paloma López Bermejo

 

Burkhard Balz, Markus Ferber, Ildikó Gáll-Pelcz, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Esther de Lange, Werner Langen, Ivana Maletić, Thomas Mann, Siegfried Mureșan, Luděk Niedermayer, Dariusz Rosati, Andreas Schwab, Theodor Dumitru Stolojan, Romana Tomc, Pablo Zalba Bidegain

 

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Richard Corbett, Anneliese Dodds, Jonás Fernández, Eva Kaili, Jeppe Kofod, Olle Ludvigsson, Costas Mavrides, Alfred Sant, Peter Simon, Renato Soru, Tibor Szanyi

 

Barbara Kappel

Membri kontra

Patrick O'Flynn, Steven Woolfe

Membri li astjenew

Marco Zanni, Marco Valli

Avviż legali