Proċedura : 2014/2155(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0024/2015

Testi mressqa :

A8-0024/2015

Dibattiti :

PV 10/03/2015 - 17
CRE 10/03/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2015 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0062

RAPPORT     
PDF 234kWORD 329k
26.2.2015
PE 539.821v03-00 A8-0024/2015

dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi

(2014/2155(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Georgi Pirinski

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi

(2014/2155(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2014 intitolat "Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi: Rapport Annwali 2013" (COM(2014)0474) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2014)0243, SWD(2014)0244, SWD(2014)0245, SWD(2014)0246, SWD(2014)0247 u SWD(2014)0248),

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali 2013 tal-OLAF,

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF: Frar 2013 - Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2014, bit-titolu “Protezzjoni tal-Baġit tal-UE sa tmiem l-2013” (COM(2014) 0618),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2014 intitolat "Rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni" (COM(2014)0038),

–       wara li kkunsidra r-Rapport 397 tal-Ewrobarometru Speċjali dwar il-Korruzzjoni,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar id-diskrepanza fil-VAT,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni tal-attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Hercule III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE(1),

–       wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2013 dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jissostitwixxi r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999(2),

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2012 dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(4), id-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(5) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 intitolata "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea(6),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet dwar il-Liġi Ċivili u l-Liġi Kriminali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Korruzzjoni,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l- Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0024/2015),

A.     billi l-baġit tal-UE, li kull Stat Membru jikkontribwixxi għalih b'mod proporzjonali skont kriterji oġġettivi komuni, jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni u jirrappreżenta espressjoni ta' unità u strument biex tavvanza l-integrazzjoni Ewropea;

B.     billi l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, flimkien mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, għandha tiggarantixxi li d-dħul u l-infiq tal-baġit jikkontribwixxu għall-ksib tal-prijoritajiet u l-objettivi tal-UE u għal aktar fiduċja min-naħa taċ-ċittadini billi tassigurahom li flushom qed jintużaw b'mod trasparenti, f'konformità sħiħa mal-għanijiet u l-politiki tal-UE u fl-interess taċ-ċittadini tal-UE;

C.     billi d-diversità fis-sistemi legali u amministrattivi fl-Istati Membri tirrappreżenta ambjent ta' sfida fejn ikunu megħluba l-irregolaritajiet u tkun miġġielda l-frodi, filwaqt li kwalunkwe użu mhux korrett tal-fondi tal-UE jinvolvi mhux biss telf individwali iżda saħansitra kollettiv u huwa ta' dannu għall-interessi ta' kull Stat Membru u tal-Unjoni kollha;

D.     billi bil-għan li ssaħħaħ il-miżuri eżistenti, bħalma hi l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (Konvenzjoni PIF), għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti għal strumenti tal-liġi kriminali, id-Direttiva PIF u r-Regolament dwar it-Twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ir-Regolament UPPE), immirati biex jiżguraw investigazzjoni aktar effettiva u protezzjoni aħjar tal-flus tal-kontributuri tat-taxxa fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja Ewropew kollu kemm hu;

E.     billi l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fl-Unjoni għandha tkun prijorità tal-azzjoni politika tal-istituzzjonijiet Komunitarji u billi, għalhekk, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri hija fundamentali;

1. Identifikazzjoni u rappurtar ta' irregolaritajiet mhux frodulenti u frodulenti

1.      Jenfasizza r-responsabbiltà kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiġġieldu kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe tip ieħor ta' attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li l-kooperazzjoni mill-qrib u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma essenzjali biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li għaldaqstant huwa importanti ħafna li kemm il-kooperazzjoni kif ukoll il-koordinazzjoni għandhom jissaħħu u jsiru kemm jista' jkun effettivi; jirrimarka li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kemm għall-parti tar-riżorsi kif ukoll għall-infiq, teħtieġ l-istess livell ta' viġilanza;

2.      Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2013 (ir-"rapport annwali" tal-Kummissjoni); jilqa' l-firxa wiesgħa ta' miżuri legali u amministrattivi meħuda mill-Kummissjoni sa mill-2011, biex b'hekk jinħoloq xenarju ġdid għal aktar tisħiħ tal-politika għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jissottolinja li n-nuqqas attwali ta' riżultati fil-ġlieda kontra l-frodi mhuwiex minħabba nuqqas ta' regolamentazzjoni iżda minħabba nuqqas ta' implimentazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tirrispondi għat-talbiet tal-Parlament fir-rapporti PIF annwali preċedenti b'mod aktar f'waqtu fir-rapport tal-Kummissjoni li jmiss;

3.      Ifakkar li, fil-kuntest tad-diffikultajiet ekonomiċi li l-Istati Membri għaddejjin minnhom bħalissa u minħabba r-riżorsi insuffiċjenti fil-baġit tal-UE, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hi partikolarment importanti; jenfasizza l-fatt li l-fondi tal-UE għandhom jiġu ġestiti u użati bl-aktar mod effiċjenti possibbli;

4.      Jinnota li fl-2013 kienu rrappurtati total ta' 15 779 irregolarità lill-Kummissjoni, li 14 170 minnhom ma kinux frodulenti u 1 609 kienu frodulenti, li jinvolvu ammont globali ta' madwar EUR 2,14-il biljun, li minnhom madwar EUR 1,76 biljun kienu relatati mal-infiq, li jirrappreżentaw 1.34 % tal-pagamenti kollha, bil-bqija tat-EUR 380 miljun jirrappreżentaw 1.86 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali gross miġbura;

5.      Jinnota li minkejja li l-impatt finanzjarju globali tal-irregolaritajiet mhux frodulenti rrappurtati fl-2013 naqas għal madwar EUR 1,84 biljun, jew 36 % inqas mill-2012, l-għadd ta' tali irregolaritajiet irreġistrati naqas bi 17 % fuq is-sena preċedenti; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd ta' irregolaritajiet frodulenti rrappurtati fl-2013 żdied sa 30 % meta mqabbla mal-2012, filwaqt li l-impatt finanzjarju tagħhom, li jinvolvi EUR 309 miljun f'finanzjament tal-UE, naqas b'21 %;

6.      Jinnota li, minħabba d-disponibbiltà tal-informazzjoni l-ġdida bħala riżultat tal-bidliet sinifikanti fil-mod ta' kif l-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrapportaw irregolaritajiet, kien hemm bidla fir-rapport annwali tal-2013 tal-Kummissjoni rigward l-attenzjoni minn irregolaritajiet trattati f'termini ġenerali għal dawk irrappurtati bħala frodulenti; jistieden lill-Kummissjoni żżomm dan l-approċċ fir-Rapport Annwali futur tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni, madankollu, biex tkompli żżid id-disponibbiltà tal-informazzjoni u ssaħħaħ l-analiżi dwar l-iskop, it-tipi u l-impatt ta' irregolaritajiet li mhumiex frodulenti fid-dawl tan-numru għoli ħafna tagħhom u l-impatt monetarju negattiv relatat, li jaffettwa b'mod ħażin l-interessi finanzjarji tal-UE;

7.      Jinsab imħasseb li fl-2013 ir-rata ta' rkupru għal każijiet ta' frodi kienet ta' 23.74 % biss, ċifra iżgħar mir-rata medja ta' 33.5 % għall-perjodu 2008-2012; jirrimarka li r-rata ta' rkupru għal każijiet ta' irregolarità rrappurtati għall-2013 hija ta' 67.9 %; jissottolinja r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u s-servizzi tal-Kummissjoni lejn l-irkupru ta' somom imħallsa indebitament u jistedinhom jassumu bix-xieraq din ir-responsabbiltà u jżidu b'mod sostanzjali r-rata ta' rkupru f'każijiet ta' frodi, li tinsab f'livell baxx ħafna meta mqabbla mar-rata ta' rkupru għal irregolaritajiet mhux frodulenti;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-irkupru ta' fondi mħallsa indebitament fil-baġit tal-UE u biex tistabbilixxi prinċipji uniformi ta' rappurtar fl-Istati Membri kollha bil-għan li tiġbor id-data komparabbli u preċiża xierqa;

9.      Jinnota li t-tendenza ġenerali fl-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-irregolaritajiet frodulenti potenzjali f'dawn l-aħħar ħames snin turi li qed jonqsu bil-mod, għalkemm l-għadd ta' irregolaritajiet mhux irrappurtati bħala frodulenti naqas b'mod progressiv; jitlob li l-Kummissjoni teżamina f'aktar dettall ir-raġunijiet ewlenin sottostanti għal din iż-żieda u li twettaq analiżi li twieġeb il-mistoqsija dwar jekk ix-xejra hijiex dovuta għal bidla lejn l-identifikazzjoni ta' każijiet irregolari jew għall-mod li bih l-Istati Membri jikklassifikaw il-każijiet;

10.    Jinnota li f'perspettiva ta' ħames snin, ir-rata ta' rkupru hija ta' 54.4 % għal irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u 63.9 % għal irregolaritajiet mhux frodulenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-proċess ta' rkupru u tagħmlu aktar f'waqtu;

11.    Jinsab konvint li l-mezzi tal-liġi kriminali msemmija fid-Direttiva PIF se jkunu effettivi biss jekk jirnexxilhom jagħtu definizzjoni ċara tal-offiżi fil-qasam tal-PIF, tal-pieni ta' ħabs minimi u massimi applikabbli fl-Istati Membri parteċipanti kollha, u r-regoli minimi dwar il-preskrizzjoni, u jekk dawn id-dispożizzjonijiet sussegwentement jiġux implimentati bl-istess mod u b'effiċjenza mill-Istati Membri kollha;

Dħul ‒ Riżorsi proprji

12.    Jilqa' l-fatt li 98 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali jinġabru mingħajr problemi kbar, b'irregolaritajiet frodulenti rrappurtati li jirrappreżentaw 0.29 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali gross stabbiliti (b'valur ta' EUR 61 miljun) u irregolaritajiet mhux frodulenti jirrappreżentaw 1.57 % ta' riżorsi proprji tradizzjonali (b'valur ta' EUR 327.4 miljun); jinnota li l-każijiet ta' frodi u irregolarità identifikati fl-2013 ammontaw għal EUR 380 miljun, li minnhom EUR 234 miljun ġew irkuprati mill-Istati Membri; jinnota, b'mod partikolari, il-fatt li r-rata ta' rkupru ta' 62 % għal riżorsi proprji tradizzjonali fl-2013 tirrappreżenta l-aħjar riżultat miksub s'issa matul l-aħħar deċennju;

13.    Jinsab imħasseb li fl-2013 il-maġġoranza tal-ammonti stabbiliti fil-bażi tad-data OWNRES fl-UE-28 kienet relatata mal-proċedura doganali magħrufa bħala r-"rilaxx għal ċirkolazzjoni libera" kemm għal każijiet ta' frodi (93 %) kif ukoll għal każijiet ta' irregolarità (87 %); jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet xierqa mmirati lejn it-tisħiħ tal-proċedura doganali magħrufa bħala r-"rilaxx għal ċirkolazzjoni libera" sabiex il-proċedura ssir inqas suxxettibbli għal okkorrenzi ta' frodi u irregolarità; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li bosta proġetti ffinanzjati mill-BEI ġew affettwati mill-korruzzjoni u l-frodi; iqis li d-dokument tal-BEI, bid-data tat-8 ta' Novembru 2013, li jiddefinixxi l-politika tal-BEI dwar il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' prattiki ta' korruzzjoni, frodi, kollużjoni, koerċizzjoni, ostruzzjoni, ħasil tal-flus u finanzjament għat-terroriżmu, jindika nuqqas ta' kontroll suffiċjenti f'għadd ta' każijiet matul l-implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-BEI; jitlob, għaldaqstant, li, f'każijiet ta' frodi u korruzzjoni bi prova, ikun jeħtieġ li l-BEI jissospendi u/jew jimblokka kwalunkwe finanzjament għall-proġett affettwat li jkun previst u li jkun għaddej;

14.    Jilqa' l-firma mill-Unjoni Ewropea, fl-2013, tal-Protokoll tan-NU biex jiġi eliminat il-kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk; josserva li 15-il Stat Membru ffirmaw il-Protokoll iżda li attwalment ġie ratifikat mill-Awstrija biss; jistieden, għaldaqstant, il-bqija tal-Istati Membri biex itemmu l-proċess ta' ratifika rispettiv tagħhom kemm jista' jkun malajr;

15.    Jissottonlinja l-fatt li l-kuntrabandu ta' prodotti intaxxati ħafna jikkawża telf ta' dħul sinifikanti għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, u li t-telf dirett mid-dħul doganali bħala riżultat tal-kuntrabandu tas-sigaretti waħdu huwa stmat li huwa aktar minn EUR 10 biljun kull sena; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, lejn it-traffikar ta' prodotti foloz, li jikkaġuna ħsara kemm fuq l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kif ukoll fuq kumpaniji tal-UE;

16.    Jirreferi għall-ħidma li għaddejja biex tittejjeb id-data tal-introjtu nazzjonali gross (ING), u għall-kwistjonijiet imqajma fir-Rapport Speċjali Nru 11/2013 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jitlob verifikazzjoni iqsar, aktar iffukata taċ-ċifri tal-ING u rappurtar aħjar u koordinazzjoni rigward ir-riżultati, sabiex is-sistema tal-ING issir dejjem aktar affidabbli fil-kontribut tagħha għall-kalkolu ta' dħul tal-UE;

17.    Jissottolinja l-fatt li f'ħafna Stati Membri, id-diskrepanza fil-VAT hija kontinwament għolja minħabba l-frodi u l-evitar tal-VAT; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha l-awtorità li tikkontrolla u tissorvelja l-miżuri meħuda mill-Istati Membri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tuża l-poteri kollha tagħha sabiex tgħin lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi tal-VAT u l-evitar tat-taxxa;

18.    Jinnota, barra minn hekk, li 133 każ ta' sigaretti b'kuntrabandu ġew irreġistrati mill-Istati Membri fl-2013, li jinvolvi stima ta' riżorsi proprji tradizzjonali ta' madwar EUR 7 miljun; jissottolinja li din ix-xejra tirrappreżenta tnaqqis qawwi meta mqabbla mal-2012, fejn kienu rrappurtati 224 każ li jinvolvu madwar EUR 25 miljun ; huwa mħasseb b'mod serju dwar il-fatt li d-Danimarka, l-Estonja, Spanja, Franza, Ċipru, il-Lussemburgu, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Isvezja ma rrappurtaw l-ebda każ ta' sigaretti b'kuntrabandu lill-Kummissjoni fl-2013, u jpoġġi f'dubju l-effiċjenza tal-proċess ta' rappurtar f'dawk l-Istati Membri; jinsisti li l-Istati Membri kollha jirrappurtaw l-każijiet ta' kuntrabandu u iffalsifikar lill-Kummissjoni, b'mod preċiż u fil-ħin, sabiex issir stima aħjar tar-riżorsi proprji tradizzjonali affettwati b'mod negattiv;

19.    Jinnota li l-Kummissjoni se tippubblika studju dwar il-fattibbiltà ta' sistema ta' lokalizzazzjoni u traċċar għall-prodotti tat-tabakk; jissottolinja li dan huwa pass enormi 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu; jitlob li l-Kummissjoni tfassal u timplimenta sistema miftuħa u kompetittiva ta' lokalizzazzjoni u traċċar, b'tali mod li d-disinn u l-mod li bih tiġi implimentata s-sistema ma jiffavorixxux fornitur tas-soluzzjonijiet wieħed jew ftit biss;

20.    Jinnota li l-inklużjoni ta' ekonomija inviżibbli fil-kontijiet nazzjonali għandha tikkontribwixxi biex tiżgura data tal-ING aktar kompluta u affidabbli, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Eurostat biex japprofondixxu l-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika biex jiżguraw li dan l-element huwa ttrattat b'mod koerenti u komparabbli fl-Istati Membri kollha, billi tuża l-iktar informazzjoni aġġornata;

Sistema Kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli Intrakomunitarji ta' Prodotti Soġġetti għas-Sisa

21.      Ifakkar li:

–  il-Parlament innota fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar ir-Rapport Annwali 2012 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(7) li ż-żieda fl-abbuż tas-Sistema Kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli Intrakomunitarji ta' Prodotti Soġġetti għas-Sisa (EMCS) minn gruppi kriminali ġiet osservata mill-aġenziji tal-infurzar u li l-Parlament kien konvint li hemm nuqqas ta' kontrolli fiżiċi tal-prodotti li qed jiġu trasportati skont l-EMCS;

–  il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament b'aġġornament dwar il-miżuri meħuda biex jiżdiedu l-kontrolli fiżiċi fir-Rapport Annwali li jmiss għall-2014 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni;

–  id-drittijiet ta' aċċess tal-EMCS għandhom ikunu iktar stretti sabiex jinkludu passat komprensiv ta' konformità qabel in-negozju, sabiex l-atturi kummerċjali jkunu jistgħu jingħataw l-istatus ta' "operatur ekonomiku awtorizzat" ("atturi kummerċjali fdati") u għalhekk jippermettu lil dawn l-atturi biss biex joperaw waħedhom direttament skont l-EMCS;

–  il-Parlament talab lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati tal-investigazzjonijiet attwali fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi emendata d-Direttiva 2008/118/KE;

–  il-kontrolli tal-verifika mwettqa mill-Istati Membri fuq il-persuni u l-kumpaniji li japplikaw għar-reġistru jeħtieġu li jkunu aktar robusti u komprensivi;

–  il-Kummissjoni għandha tispjega l-azzjoni meħuda dwar grad ogħla ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa, peress li l-prodotti jistgħu faċilment jiġu ddikjarati ħażin sabiex jevadu d-dazji tas-sisa;

–  il-limiti taż-żmien permessi għall-movimenti tas-sisa bejn l-imħażen awtorizzati huma twal iżżejjed, li jfisser li bosta movimenti fuq l-istess dikjarazzjoni u diverżjoni huma possibbli qabel ma tiddaħħal id-data tal-konsenja fis-sistema; itenni, għalhekk, it-talbiet tiegħu li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ddikkjarat bħala d-destinazzjoni u d-destinazzjoni l-ġdida jeħtieġ li jiġu infurmati immedjatament minn min jikkonsenja dwar kwalunkwe tibdil;

–  Il-Parlament talab li ż-żmien massimu permess għas-sottomissjoni tar-rapport dwar il-wasla tal-prodotti tas-sisa għandu jkun ta' ġurnata ta' ħidma waħda u barra minn hekk, li ż-żmien tal-vjaġġ għandu jiġi kkalkulat u stabbilit għal kull trasportazzjoni f'konformità mat-tip ta' mezz ta' trasport użat u d-distanza bejn il-postijiet ta' dispaċċ u d-destinazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament ladarba dawn it-talbiet jiġu implimentati;

–  li l-garanziji meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-imħażen doganali huma baxxi wisq meta mqabbla mal-valur tal-prodotti tas-sisa u li għalhekk il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi varjabbli li tiddependi fuq it-tip ta' prodotti u l-livell ta' kummerċ li jseħħ fir-realtà; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament ladarba dawn it-talbiet jiġu implimentati;

–  Il-Parlament jinsab imħasseb peress li l-Istati Membri implimentaw is-sistemi tal-EMCS tagħhom stess skont rekwiżiti definiti b'mod wiesa' mill-Kummissjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva li tintroduċi sistema aktar uniformi madwar l-UE;

Nefqa

22.    Jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda allarmanti ta' 76 % fl-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti rigward l-infiq tal-UE u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jipprevjenu tali tendenza negattiva fis-snin li ġejjin;

23.    Jappella għal proposti biex jitnaqqas l-għadd ta' programmi ta' nfiq, b'mod partikolari meta huma jikkoinċidu parzjalment, u sabiex il-programmi jkunu mmirati, kull meta jkun possibbli, lejn l-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn ta' appoġġ, b'tali mod li mhux il-programmi kollha neċessarjament jibbenefikaw attivitajiet fl-Istati Membri kollha;

24.    Jesprimi tħassib li fis-settur tal-agrikoltura l-għadd taż-żewġ irregolaritajiet b'mod ġenerali u partikolarment l-attivitajiet frodulenti żdiedu b'mod sinifikanti fl-2013 meta mqabbla mal-2012; jinnota li fl-2013 seħħet tendenza ġdida sinifikanti ta' ksur li tirreferi għal “benefiċjarju li ma għandhux il-kwalità meħtieġa”, b'51 każ ta' irregolarità frodulenti rrappurtati; iqis li dawn it-tendenzi jeħtieġu miżuri speċifiċi mmirati minn naħa lejn l-eliminazzjoni ta' prattiki li jistgħu potenzjalment iwasslu għal ksur mhux intenzjonali, u min-naħa l-oħra jikkonfrontaw b'mod aggressiv imġiba korrotta u kriminali;

25.    Jirrikonoxxi li fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, l-Istati Membri rkupraw EUR 197 miljun mill-benefiċjarji matul is-sena finanzjarja 2013 filwaqt li EUR 1 318.3 miljun għad iridu jiġu rkuprati mill-benefiċjarji fi tmiem is-sena, li minnhom EUR 1 097.1 miljun huma pendenti għall-baġit tal-UE wara l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu ta' 50/50; jinsab mħasseb, minħabba li l-irkupru għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) huwa taħt il-medja globali u lanqas nofs l-irregolaritajiet identifikati fl-2009 ma kienu ġew irkuprati sa tmiem l-2013;

26.    Jirrimarka d-differenzi sinifikanti bejn Stati Membri dwar il-kapaċità tagħhom li jirkupraw somom mitlufa minħabba pagamenti irregolari li jinstabu taħt il-PAK u jħeġġeġ lill-Istati Membri b'rati ta' rkupru taħt it-33 % jtejbu b'mod sinifikanti r-riżultati tagħhom fl-2015 u fis-snin sussegwenti;

27.    Jirrikonoxxi li wara r-riforma tal-2013 tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), l-Istati Membri jibbenefikaw minn livell ogħla ta' flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-politika u huma b'mod partikolari jistgħu jippersonalizzawha għall-kapaċitajiet u l-prijoritajiet reġjonali jew nazzjonali tagħhom, u jagħmlu trasferimenti bejn il-pilastri differenti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li din iż-żieda fil-flessibbiltà mhux se tkun għad-detriment tas-sistemi ta' monitoraġġ u valutazzjoni; jinnota wkoll li fil-qafas tal-PAK il-ġdida, il-Kummissjoni qed taħdem fuq aġenda ta' simplifikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tallinja l-aġenda ta' simplifikazzjoni bis-sħiħ mal-istrateġija kontra l-frodi tad-DĠ AGRI u biex iżżomm bilanċ bejn is-simplifikazzjoni u l-ġestjoni tajba tal-fondi tal-UE billi tiżgura kontrolli adegwati;

28.    Jistenna li ż-żieda sinifikanti ta' 475 % f'irregolaritajiet indikati fis-settur tas-sajd fl-2013 tirrappreżenta l-ogħla żieda ta' sena, dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni ta' programmi fis-settur, u li m'għandhiex tirrappreżenta tendenza negattiva li ddgħajjef il-perċezzjoni tal-valur tal-politika tas-sajd tal-UE;

29.    Jinnota bi tħassib li fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, kien hemm żieda ta' 15 % fl-għadd ta' każijiet ta' irregolaritajiet indikati; jinnota wkoll, madankollu, li ġie nnutat tnaqqis ta' 49 % fl-ammonti involuti f'każijiet mhux frodulenti u 22 % f'każijiet ta' frodi;

30.    Jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' informazzjoni disponibbli dwar l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati u r-rati ta' rkupru relatati mal-politika ta' koeżjoni għas-sena finanzjarja 2013; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata f'dan ir-rigward fir-rapport annwali futur tagħha;

31.    Huwa sodisfatt li l-għadd ta' każijiet irrappurtati bħala frodulenti li jappartjenu lill-Fond Soċjali Ewropew fl-2013 kien 40 % inqas minn dak fis-snin 2009 u 2010 u li l-2013 kienet it-tielet sena konsekuttiva fejn din it-tendenza pożittiva inżammet;

32.    Jinnota b'sodisfazzjon li għall-perjodu ta' programmar 2007-2013 il-verifiki amministrattivi u dawk fuq il-post u l-operazzjonijiet ta' awditjar wasslu għar-rata ferm ogħla ta' 63 % fl-identifikazzjoni ta' irregolaritajiet frodulenti, meta mqabbla ma' rata ta' inqas minn 20 % għall-perjodu preċedenti ta' seba' snin, minkejja li kien hemm tnaqqis żgħir għal 55 % fl-2013;

33.    Jieħu nota li fl-2013, il-Kummissjoni pproċediet bi 217-il interruzzjoni ta' pagament fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u li 131 kienu għadhom miftuħa fi tmiem is-sena, u li dawn jinvolvu ammont ta' kważi EUR 2 miljuni; jirrikonoxxi wkoll li l-Kummissjoni adottat erba' deċiżjonijiet ta' sospensjoni fl-2013 u tnejn f'Jannar 2014;

34.    Jinnota li 321 irregolarità rrappurtati bħala frodulenti u 4 672 irrappurtati bħala mhux frodulenti kienu marbuta mal-poltika ta' koeżjoni; jirrikonoxxi l-fatt li fiż-żewġ kategoriji kien hemm żieda ta' 15 % fin-numru tar-rapporti meta mqabbel mal-2012, u li bħal ma ġara fi snin preċedenti, l-akbar sehem ta' ammonti li jinvolvu irregolaritajiet fl-2013 (63 %) għadu marbut mal-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, li fiż-żewġ kategoriji kien hemm tnaqqis fl-ammonti korrispondenti u jidher li abbażi tal-esperjenza tas-snin preċedenti dan hu titjib gradwali filwaqt li għall-ewwel darba l-politika ta' koeżjoni ma kinitx il-qasam tan-nefqa baġitarja bl-ogħla numru ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti;

35.    Jirrikonoxxi li fl-2013, bħala parti mill-assistenza ta' qabel l-adeżjoni, 33 irregolarità kienu rrappurtati bħala frodulenti, u li dawn jinvolvu ammont ta' EUR 14.4 miljun, u li dawn l-irregolaritajiet huma marbuta l-aktar mal-Programm Speċjali tal-Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (SAPARD); jinnota, barra minn hekk, li disa' irregolaritajiet frodulenti li jinvolvu ammont ta' EUR 1.2 miljun ġew irrappurtati taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA); josserva li bejn l-2003 u l-2013, taħt l-assistenza ta' qabel l-adeżjoni, ir-rati ta' rkupru laħqu s-37.36 % u 29.22 % rispettivament għal każijiet ta' irregolaritajiet u każijiet ta' frodi; jistieden lill-Kummissjoni u l-pajjiżi benefiċjarji tal-IPA jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw rata ogħla ta' rkupru taħt l-IPA;

36.    Josserva li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Istati Membri fl-2012 – partikolarment dwar servizzi ta' koordinazzjoni kontra l-frodi, ir-regoli komuni dwar il-frodi, ir-riforma tal-akkwist pubbliku, l-irregolaritajiet frodulenti rrappurtati, u tas-sistemi ta' verifiki u kontrolli u ta' valutazzjoni tar-riskju – kienu ġeneralment xierqa u jiddispjaċih li numru ta' problemi ma ġewx indirizzat kompletament; jinnota, pereżempju, li t-tħejjijiet ma ġewx imnedija mill-Istati Membri kollha għall-implimentazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-prevenzjoni tal-frodi; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni indirizzatilhom fl-2012 u biex jiżguraw li dawk li indirizzatilhom fir-rapport tagħha tal-2011 ikunu segwiti bis-sħiħ u jagħtu spjegazzjoni motivata fil-każ fejn ma setgħux jaġixxu fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

2. Problemi identifikati u miżuri meħtieġa

37.    Jissottolinja t-tħassib tiegħu fir-rigward tat-theddid persistenti għall-baġit tal-UE, minħabba ż-żewġ nuqqasijiet biex ikunu konformi mar-regoli (irregolaritajiet mhux frodulenti) u l-għemejjel ħżiena bi skop u reati kriminali (jiġifieri, frodi); jinsisti fuq kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni bil-għan li jiżguraw miżuri u mezzi rilevanti u adegwati biex irregolaritajiet mhux frodulenti jkunu evitati u korretti u tkun miġġielda l-frodi;

38.    Jisħaq fuq il-fatt li s-sitwazzjoni fejn l-Istati Membri jonqsu milli jibagħtu d-data fiż-żmien jew li jressqu data preċiża hija waħda li ilha tirrikorri għal bosta snin; itenni t-tħassib tiegħu li għad hemm approċċi differenti fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti, inkluż f'tali oqsma bħall-politika ta' koeżjoni u tal-agrikoltura, u li f'xi każijiet hemm interpretazzjonijiet mhux standardizzati meta jkun applikat il-qafas legali; jirrimarka li dan ifixkel il-possibilità li jsiru paraguni u li ssir valutazzjoni oġġettiva u l-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-OLAF; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida u indikaturi komuni sabiex jonqos id-distakk bejn l-approċċi differenti tal-Istati Membri u biex tiżviluppa bank ta' informazzjoni unifikat u komprensiv dwar irregolaritajiet li fil-fatt ġew instigati u dwar miżuri meħuda, inklużi każijiet ta' frodi u korruzzjoni li jinvolvu persuni fis-servizz ċivili, u b'hekk jipprovdu lill-awtoritajiet u liċ-ċittadini b'data affidabbli, komparabbli u ċentralizzata għall-implimentazzjoni ta' miżuri korrettivi effettivi, u għal valutazzjoni oġġettiva tal-gravità attwali, aktar milli perċepita, tal-ksur u tal-partijiet responsabbli;

39.    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li fir-rigward ta' ordnijiet ta' rkupru kwalifikati bħala irregolaritajiet (kemm dawk irrappurtati bħala frodulenti kif ukoll dawk mhux irrappurtati bħala frodulenti) maħruġa bejn l-2009 u l-2013 taħt ġestjoni ċentralizzata, id-dewmien medju bejn l-okkorrenza ta' irregolarità u l-identifikazzjoni tagħha huwa ta' 3.4 snin: aktar minn nofs il-każijiet (54 %) kienu identifikati fi żmien 4 snin tas-sena meta twettqet l-irregolarità, u d-dewmien għan-nofs l-ieħor (46 %) varja bejn 4 snin u 13-il sena; ifakkar li wara tiġi identifikata l-irregolarità, isiru proċeduri ulterjuri (ordnijiet ta' rkupru, investigazzjonijiet tal-OLAF, eċċ.); jitlob li l-Kummissjoni tiddetermina t-tul ta' ħajja medja, minima u massima ta' irregolarità identifikata taħt ġestjoni ċentralizzata;

40.    Jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li d-dewmien medju bejn l-okkorrenza ta' irregolarità, tal-identifikazzjoni tagħha u fl-aħħar nett ir-rappurtar tagħha lill-Kummissjoni huwa ta' 6.3 snin fis-settur agrikolu u 2.75 snin f'setturi oħra; ifakkar li wara li tiġi identifikata l-irregolarità jsiru proċeduri ulterjuri (ordnijiet ta' rkupru, investigazzjonijiet tal-OLAF, eċċ.); jitlob li l-Kummissjoni tiddetermina t-tul ta' ħajja medja, minima u massima ta' irregolarità identifikata taħt ġestjoni ċentralizzata għal kull settur tal-politika;

41.    Jirrikonoxxi l-fatt li l-irregolaritajiet mhux frodulenti spiss huma kkawżati minn għarfien insuffiċjenti tar-regoli, u minn rekwiżiti u regolamenti kumplessi; jirrimarka li l-modifiki għar-regoli li jappartjenu kemm għad-dħul kif ukoll għall-infiq, inklużi dawk immirati lejn is-simplifikazzjoni, jeħtieġu ż-żmien għall-adozzjoni min-naħa tal-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni xierqa tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex jikkoordinaw aħjar l-interpretazzjoni tal-qafas legali u l-applikazzjoni stretta tiegħu, biex jimplimentaw miżuri mmirati u f'waqthom li jsaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi, kemm fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u fost il-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż permezz ta' gwida u taħriġ u billi jistabbilixxu skemi biex jinżamm persunal kwalifikat u b'ħiliet xierqa; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iwettqu valutazzjoni ta' nofs it-term dwar jekk l-istruttura regolatorja ġdida tal-politika ta' koeżjoni tkomplix tipprevjeni u tnaqqas ir-riskju ta' irregolaritajiet, u biex tevalwa l-possibbiltà ta' aktar simplifikazzjoni regolatorja fir-rigward tar-regoli eżistenti;

42.    Iqis li Stati Membri li waħedhom jidentifikaw u jirrappurtaw irregolaritajiet, inklużi każijiet ta' frodi, għandhom jiġu appoġġjati u mħeġġa jkomplu jtejbu s-sistemi ta' rappurtar u ta' ġestjoni; jesprimi tħassib għan-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi jekk l-għadd baxx ta' irregolaritajiet u każijiet ta' frodi indikati minn ċerti Stati Membri u d-differenzi kbar fl-għadd ta' każijiet irrappurtati għal snin differenti humiex minħabba n-nuqqas ta' effikaċja tas-sistemi ta' kontroll ta' dawn l-Istati Membri;

43.    Jiddispjaċih dwar il-fatt li xi Stati Membri biss jallokaw ir-riżorsi rilevanti sabiex jiġġieldu kontra l-frodi u jidhirlu li huwa inaċċettabbli li f'każijiet ta' irregolaritajiet frodulenti xi Stati Membri jillimitaw l-azzjonijiet tagħhom għal miżuri korrettivi biss mingħajr ma jipproċedu b'investigazzjonijiet tar-reat kriminali potenzjali u jissanzjonaw lil dawk responsabbli, filwaqt li b'hekk jonqsu milli jipproteġu b'mod adegwat l-interessi finanzjarji kemm tal-kontribwenti tal-UE u dawk individwali; jinnota li l-istatistika ppreżentata mill-Istati Membri dwar il-każijiet kriminali u l-eżitu tagħhom mhijiex kompluta, fatt li jagħmilha diffiċli biex jiġu evalwati l-effikaċja tal-investazzjoni dwar il-frodi u l-proċeduri ta' prosekuzzjoni fl-Istati Membri; iqis, għaldaqstant, li l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jintroduċu r-responsabbiltà ġuridika penali fil-livell tal-UE, u l-introduzzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bħala għodda sabiex jinbdew u jiġu kkoordinati l-investigazzjonijiet f'tali irregolaritajiet, għandha tirrappreżenta diżinċentiv qawwi għall-atti illegali kif ukoll ir-rinunzja ta' proċess ġust fl-insegwiment u l-kastig ta' imġiba korrotta jew kriminali li hija ta' dannu għall-interessi finanzjarji tal-UE;

44.    Huwa tal-opinjoni li azzjoni effettiva kontra l-korruzzjoni hija possibbli jekk miżuri tad-dritt kriminali jiġu rispettati u kkumplimentati minn miżuri oħra bħal trasparenza u responsabbiltà aħjar; jinsisti, għaldaqstant, li l-Istati Membri juru rieda politika soda biex jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-korruzzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni effikaċi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u billi jipproċedu bil-proposti eżistenti fil-livell tal-UE, u jistieden liċ-ċittadini jeżerċitaw pressjoni b'mod konvinċenti fuq il-gvernijiet biex iwettqu b'mod vigoruż politiki sinifikanti kontra l-korruzzjoni;

45.    Jilqa' l-ewwel Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni ta' Frar 2014 bħala għodda siewja biex tissorvelja u tivvaluta l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jafferma mill-ġdid l-importanza partikolari ta' intensifikazzjoni tal-iskambji ta' prattiki attwali tajbin enfasizzati f'dan ir-rapport; jilqa' wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308 final), li tesplora l-passi meħtieġa biex jiġu implimentati aħjar l-istrumenti eżistenti kontra l-korruzzjoni u jipproponi modi biex jiġu integrati kunsiderazzjonijiet iktar b'saħħithom kontra l-korruzzjoni f'għadd ta' oqsma ta' politika interna u esterna; jinnota, madankollu, l-importanza tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rapport kontra l-Korruzzjoni għall-element transkonfinali u fil-livell tal-UE ta’ korruzzjoni u għall-valutazzjoni tal-miżuri meħuda biex ikomplu jtejbu l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija kompletament komprensiva u koerenti kontra l-korruzzjoni li tiġbor fiha l-politiki kollha tal-UE, li tindirizza, inter alia, it-tħassib li tqajjem fl-ewwel Rapport tal-UE kontra l-Korruzzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE tal-politiki interni tagħhom kontra l-korruzzjoni, inklużi l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni;

46.    Jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni strutturata bejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-korpi ta’ kontra l-frodi, u l-importanza ta’ koordinazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u fost l-amministrazzjonijiet differenti fl-istess Stat Membru sabiex l-approċċ għall-indirizzar tal-frodi jiġi omoġenizzat kemm jista’ jkun; jistieden lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, sabiex jippermettu paragun/tqabbil tar-reġistri tal-kontabilità dwar it-tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar bil-ħsieb li jgħin biex jinstab kwalunkwe frodi transnazzjonali fil-kuntest tal-QFP 2014-2020 il-ġdid, fir-rigward ta' makrokategorija ta’ Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (Fond Soċjali Ewropew — FSE; Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – FEŻR; Fond ta’ Koeżjoni – FK; Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali – FAEŻR; Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd – FEMS), sabiex jiġi żgurat approċċ orizzontali biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea;

47.    Jenfasizza l-fatt li aktar trasparenza li tippermetti skrutinju xieraq hija fundamentali biex jiġu identifikati l-iskemi ta’ frodi; ifakkar li fis-snin li għaddew il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura sors uniku ta' trasparenza rigward il-benefiċjarji kollha ta’ fondi tal-UE mill-Istati Membri kollha billi tippubblika fuq il-websajt tal-Kummissjoni lista tal-benefiċjarji kollha, b’mod indipendenti mill-amministratur tal-fondi u li tkun ibbażata fuq kategoriji standard ta’ informazzjoni li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu, b’mill-inqas waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni u jipprovdulha informazzjoni kompluta u affidabbli fir-rigward tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE ġestiti mill-Istati Membri; jiddispjaċih għall-fatt li din il-miżura ma ġietx implimentata u jistieden lill-Kummissjoni timplimentaha b’mod urġenti; jiddispjaċih għall-fatt li din it-talba ripetuta ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni;

48.    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi leġiżlazzjoni adegwata dwar il-protezzjoni tal-informaturi, l-aċċess għall-informazzjoni u t-trasparenza tal-lobbying, peress li dawn huma meħtieġa biex jiġi żgurat il-kontroll ċiviku tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE u jissuġġettaw il-prattiki tagħhom għall-iskrutinju pubbliku, u biex tuża l-finanzjament tal-UE li jappoġġja l-ħidma ta’ organizzazzjonijiet indipendenti f’dan il-qasam, inter alia biex jiġi stabbilit appoġġ finanzjarju għal ġurnaliżmu investigattiv transkonfinali;

49.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ ir-rwol superviżorju tagħha fir-rigward tal-infiq baġitarju tal-UE permezz ta' attivitajiet ta' awditjar, kontroll u spezzjoni, pjanijiet ta' azzjoni ta' rimedju u ittri ta' twissija li jippreċedu t-talbiet għall-ħlas; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tagħhom biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom sabiex jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jintalab rimborż mill-Kummissjoni billi jsir użu sħiħ mill-informazzjoni disponibbli għalihom; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-valur partikolari ta' azzjonijiet preventivi biex jiġu evitati żborżamenti illegali u b'hekk tiġi eliminata l-ħtieġa għal azzjonijiet sussegwenti biex ikunu rkuprati fondi miżapproprjati;

50.    Jilqa' l-adozzjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku u d-direttiva dwar l-għoti ta' konċessjonijiet, u jilqa' l-fatt li għaxar Stati Membri diġà introduċew miżuri speċifiċi jew sett ta' miżuri fl-akkwist pubbliku sabiex tittaffa l-korruzzjoni u tissaħħaħ it-trasparenza u l-effikaċja tas-sistemi ta' ġestjoni, kontroll u awditjar; jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bl-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku sabiex tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri permezz ta' gwida, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u t-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni biex kontinwament u b’mod imparzjali timmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mad-direttivi eżistenti u tibda proċeduri ta’ ksur jekk ikun meħtieġ;

51.    Jilqa' l-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Kompetenza għall-bini ta' kapaċità amministrattiva b'appoġġ għal amministrazzjonijiet pubbliċi responsabbli għall-ġestjoni tal-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni u l-introduzzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Akkwist Pubbliku żviluppat miċ-Ċentru ta' Kompetenza flimkien mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni; jitlob, madankollu, li l-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati konkreti miksuba s'issa bħala riżultat tal-attivitajiet taċ-ċentru u tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni msemmi hawn fuq;

52.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm l-politika stretta tagħha ta’ interruzzjonijiet u sospensjoni ta’ pagamenti;

53.    Jilqa' r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi u l-gwida pprovduta lill-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti kontra l-frodi; jinsisti, madankollu, li l-Kummissjoni tadotta regoli aktar simplifikati li jiffaċilitaw assorbiment effikaċi u effiċjenti fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni li jappartjenu lill-fondi Ewropej strutturali u ta’ investiment, filwaqt li jiġi żgurat li l-livell tal-ġlieda kontra l-frodi ma jkunx imminat minn dawn l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni;

54.    Itenni t-talba tiegħu għal UPPE indipendenti u effiċjenti, li jopera bħala uffiċċju waħdieni li jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-qorti lil dawk li jwettqu offiżi kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li s-salvagwardji proċedurali għal persuni ssuspettati u akkużati jiġu mħarsa; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm qbil komuni bejn il-Parlament u l-Kunsill fil-proċeduri tal-għażla u l-ħatra ta' prosekuturi indipendenti b'setgħat investigattivi fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kunsill iqis kif dovut il-fehmiet tal-Parlament – bħala l-istituzzjoni li tiġi eletta direttament miċ-ċittadini Ewropej – fl-istadji kollha tan-negozjati bil-għan li jintlaħaq il-livell meħtieġ ta' kunsens biex b'hekk il-Parlament ikun jista' jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu; jinnota li t-twaqqif tal-UPPE se jirrikjedi koordinament effikaċi bejn l-UPPE, il-Eurojust u l-OLAF;

55.    Jilqa’ t-twaqqif ta’ Servizzi ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) fl-Istati Membri kif meħtieġ mill-Artikolu 3(4) tar-Regolament il-ġdid tal-OLAF u l-fatt li l-Ġermanja kkonfermat mill-ġdid l-arranġament ta’ kooperazzjoni ta' ħidma tagħha mal-OLAF; jinnota li l-AFCOS għandhom l-għan li jiffaċilitaw kooperazzjoni effikaċi u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF u jinsisti li Stati Membri li għadhom ma stabbilixxewx l-AFCOS biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; jistenna li l-AFCOS jassistu biex jiffaċilitaw rappurtar aħjar ta' irregolaritajiet u jikkontribwixxu għal interpretazzjoni bbilanċjata tal-atti rilevanti tal-UE; jinsab madankollu mħasseb dwar diskrepanzi sostanzjali li diġà jeżistu bejn id-diversi AFCOS stabbiliti fl-Istati Membri f’termini ta’ funzjonijiet, kompiti u setgħat kif ukoll ir-riżorsi umani allokati; jirrikonoxxi li l-mandat tal-AFCOS, il-qafas istituzzjonali u l-kompiti mhumiex definiti fid-dettall fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, iżda huwa tal-opinjoni li l-AFCOS li huma operazzjonalment indipendenti b’mandat komprensiv, inklużi setgħat investigattivi, jirrappreżentaw punt ta’ referenza biex jiġu żviluppati mill-Istati Membri kollha;

56.    Jirrikonoxxi r-rappurtar tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-programm Hercule II; jinnota li fl-2013 il-baġit ta' Hercule II ġie mnaqqas għal EUR 14-il miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 9.9 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament meta mqabbla mal-2012, u dan irriżulta f'diffikultajiet biex jissodisfaw l-impenji finanzjarji magħmula fl-2013 u fis-snin ta' qabel; josserva b'sodisfazzjon li l-attivitajiet ta' Hercule II huma suġġett ta' interess dejjem akbar fost l-Istati Membri, kif jixhed l-għadd dejjem jikber ta' applikazzjonijiet li waslu wara sejħiet għal proposti; jilqa’ r-riżultati pożittivi miksuba fl-2013, fil-Ġermanja, Spanja u r-Rumanija pereżempju, bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ tagħmir tekniku kompatibbli sofistikat ħafna u transnazzjonali mixtri skont il-Programm;

57.    Jilqa’ l-adozzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi Hercule III għall-perjodu finanzjarju 2014-2020, li jippermetti żieda perċentwali massima ta’ kofinanzjament għal għotjiet ta’ assistenza teknika ta’ 80 % tal-ispejjeż eliġibbli, u sa 90 % f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, minflok il-massimu ta’ 50 % taħt id-Deċiżjoni ta' Hercule II; jinnota li l-ewwel sejħa għal proposti ġiet imnedija b’suċċess fl-2014; jinsab, madankollu, imħasseb li l-programm diġà huwa affettwat b’mod partikolari mill-kwistjoni tal-pagamenti pendenti, li jwassal għal effetti negattivi possibbli fuq proġetti ffinanzjati u futuri; ifakkar kemm huma importanti l-istrumenti finanzjarji sodi bħalma huma Pericles 2020 u Hercule III fil-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali li jaffettwaw ir-riżorsi tal-Unjoni;

58.    Jilqa' l-eżiti ta' suċċess ta' bosta operazzjonijiet doganali konġunti li jinvolvu l-kooperazzjoni tal-OLAF u tal-Istati Membri ma' bosta servizzi ta' pajjiżi terzi flimkien ma' appoġġ attiv minn DĠ Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Europol u l-Frontex, li rriżultaw fil-qbid ta' 68 miljun sigaretti tal-kuntrabandu, 124 kg ta' kokaina u 140 000 litru ta' diżil fost l-oħrajn;

59.    Jinnota li, fl-2013, l-OLAF ħareġ 353 rakkomandazzjoni għan-nefqa amministrattiva, dixxiplinarja, finanzjarja jew ta’ azzjoni ġudizzjarja li għandhom jittieħdu mill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, il-korpi, l-uffiċċji, l-aġenziji jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u li madwar EUR 402.8 miljun ġew rakkomandati għall-irkupru; jinsab imħasseb li r-rata ta’ akkuża wara r-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF għall-perjodu 2006-2013 hija biss ta' madwar 54 %; huwa mħasseb minħabba li r-rata baxxa ta’ akkuża titfa’ wkoll dawl ikrah fuq il-kwalità u l-utilità tar-riżultati investigattivi tal-OLAF; jistieden lill-Kummissjoni sabiex b’mod urġenti ttejjeb l-effikaċja tal-OLAF; iqis li sorveljanza komprensiva u xierqa fuq affarijiet tal-OLAF mill-Kumitat ta' Sorveljanza (mingħajr interferenza fl-investigazzjonijiet li għaddejjin) hija indispensabbli, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-OLAF biex itejbu s-sitwazzjoni attwali fejn il-Kumitat ta’ Sorveljanza ma jkunx jista’ jissodisfa l-għan tiegħu; jiddispjaċih ukoll dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli dwar ir-rati ta’ kundanna f’każijiet li jinvolvu reati kontra l-baġit tal-Unjoni;

60.    Jinnota li l-livell ta' irregolaritajiet u frodi kkawżat min-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku għadu għoli; jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu malajr fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, adottata dan l-aħħar, tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku(8), id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali(9), u d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni(10), sabiex ikomplu jnaqqsu r-riskju ta’ irregolaritajiet u frodi;

3. Investigazzjonijiet u r-rwol tal-OLAF

61.    Jieħu nota li fl-2013 l-OLAF irrapporta huwa stess li rċieva l-akbar ammont ta’ informazzjoni reġistrata s’issa u jiddikjara li ħareġ għadd mingħajr preċedent ta’ rakkomandazzjonijiet; jinnota li l-metodu biex tingħadd informazzjoni li tkun dieħla u rakkomandazzjonijiet maħruġa ġie modifikat; jitlob lill-Kumitat ta’ Sorveljanza biex janalizza l-effetti ta’ dawn il-bidliet tad-data u l-kwalità tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF;

62.    Jistieden lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF biex jinforma lill-Parlament dwar it-tul tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u l-metodu tal-kalkolu tiegħu, peress li dan il-metodu ġie mibdul fl-2012; jirrimarka li din il-bidla apparenti tista’ tnaqqas b’mod artifiċjali t-tul tal-investigazzjonijiet; jitlob lill-Kumitat ta’ Sorveljanza biex janalizza mill-qrib il-kwalità tal-informazzjoni mogħtija mill-OLAF, inklużi rapporti lill-istituzzjonijiet;

63.    Jinnota l-adozzjoni tal-arranġamenti ġodda ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-Kumitat ta' Sorveljanza tiegħu u jappella għal riżoluzzjoni malajr ta’ kwistjonijiet li fadal bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet;

o

o       o

64.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.

(1)

ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6.

(2)

ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 121.

(5)

ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 62.

(6)

ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2014)0338.

(8)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(9)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(10)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (5.12.2014)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi

(2014/2155(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pascal Arimont

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li, fil-kuntest tad-diffikultajiet ekonomiċi li l-Istati Membri għaddejjin minnhom bħalissa u minħabba r-riżorsi insuffiċjenti fil-baġit tal-UE, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea hi partikolarment importanti; jenfasizza l-fatt li l-fondi tal-UE għandhom jiġu ġestiti u użati bl-aktar mod effiċjenti possibbli;

2.  Jinnota li 321 irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti u 4 672 irrappurtati bħala mhux frodulenti kienu marbuta mal-poltika ta' koeżjoni; jirrikonoxxi l-fatt li fiż-żewġ kategoriji, kien hemm żieda ta' 15% fin-numru tar-rapporti meta mqabbel mal-2012, u li bħal ma ġara fi snin preċedenti, l-akbar sehem ta' ammonti li jinvolvu irregolaritajiet fl-2013 (63%) ukoll kienu marbuta mal-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, li fiż-żewġ kategoriji, kien hemm tnaqqis fl-ammonti korrispondenti, abbażi tal-esperjenza tas-snin preċedenti dan hu titjib gradwali u jidher li, għall-ewwel darba, il-politika ta’ koeżjoni ma kinitx it-taqsima tan-nefqa baġitarja bl-ogħla numru ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti;

3.  Jinnota li s'issa d-dejta statistika tagħti biss indikazzjoni approsimattiva tal-impatt tal-irregolaritajiet fil-baġit tal-UE; jemmen li din l-ineżattezza toriġina minn approċi differenti bejn u fi ħdan tal-Istati Membri, għad-detezzjoni, il-klassifikazzjoni u r-rappurtar tal-irregolaritajiet u hu tal-fehma li tenħtieġ armonizzazzjoni akbar; jikkunsidra li l-preżentazzjoni tal-irregolaritajiet li jiddefinixxu t-tip u n-natura tagħhom li għandha utilità f'termini tal-allinjament tal-politiki;

4.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-irregolaritajiet mhux frodulenti spiss huma kkawżati minn għarfien insuffiċjenti tar-regoli, u minn rekwiżiti u regolamenti kumplessi; jemmen li s-semplifikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri għandha tnaqqas l-ammont ta' irregolaritajiet mhux frodolenti; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali biex jipprovdu taħriġ komprensiv lill-awtoritajiet u l-persunal involut fil-ġestjoni tal-fondi skont il-qafas tal-politika ta’ koeżjoni; jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex - minbarra r-rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - iwettqu valutazzjoni ta’ nofs it-term dwar jekk l-istruttura regolatorja tal-politika ta’ koeżjoni ġdida tkomplix tipprevjeni u tnaqqas ir-riskju ta’ irregolaritajiet, u biex tevalwa l-possibilità ta’ aktar semplifikazzjoni regolatorja fir-rigward tar-regoli eżistenti;

5.  Iqis li għandu jsir sforz partikolari fir-rigward tal-oqsma li fihom iseħħu irregolaritajiet frodulenti sinifikanti; ifakkar l-importanza ta’ edukazzjoni kontra l-frodi u l-bini ta’ kapaċità, kemm fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u fost il-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, flimkien ma’ regoli ċari u l-applikazzjoni stretta tagħhom, peress li dawn huma kruċjali għal prevenzjoni effettiva tal-frodi;

6.  Japprezza l-isforzi magħmula mill-Istati Membri għad-detezzjoni, l-evalwazzjoni u għar-rappurtar tal-irregolaritajiet, inkluż il-frodi; jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki bil-għan li jiżguraw koordinazzjoni u evalwazzjoni ex ante aktar b'saħħitha, u sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom biex jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma ssir talb għal rimborż mill-Kummissjoni billi jsir użu sħiħ mill-informazzjoni disponibbli għalihom;

7.  Jenfasizza barra minn hekk, l-importanza ta' assistenza u kontrolli esterni fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi; jinsab konvint mill-benefiċċji potenzjali ta’ qafas legali Ewropew koerenti li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE u f’dan il-kuntest jappoġġja strateġiji kontra l-frodi żviluppati dan l-aħħar mill-UE, u b’mod partikolari, jistieden:

     a.  l-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS) u jafdawh b’kompetenzi u poteri sostanzjali, u b'riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti, u lill-Kummissjoni biex tiżgura l-armonizzazzjoni tal-AFCOS fost l-Istati Membri;

     b.  lill-Kunsill jappoġġa d-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali; kif ukoll

     c.  lill-Kunsill biex jappoġġa l-istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) dment li r-relazzjoni bejn l-UPPE u entitajiet eżistenti oħra tal-UE tkun iddefinita aktar u ddemarkata b’mod ċar sabiex tiġi evitata l-ineffiċjenza ta' duplikazzjoni ta’ kompetenzi;

8.  Jinnota li l-livell ta’ irregolaritajiet u frodi kkawżat min-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku għadu għoli; jistieden lill-Istati Membri biex mingħajr dewmien jittrasponu fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, adottata dan l-aħħar, tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku(1), id- Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali(2), u d- Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni(3), sabiex ikomplu jnnaqqsu r-riskju ta’ irregolaritajiet u frodi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, José Blanco López, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Bill Etheridge, Michela Giuffrida, Anna Hedh, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Monika Smolková, Maria Spyraki, Olaf Stuger, Ruža Tomašić, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Derek Vaughan, Kerstin Westphal

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Martina Anderson, Andor Deli, Jan Olbrycht, Pina Picierno, Claudia Schmidt

(1)

ĠU L 94, 28. 3. 2014, p. 65.

(2)

ĠU L 94, 28. 3. 2014, p. 243.

(3)

ĠU L 94, 28. 3. 2014, p. 1.


OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (9.1.2015)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar Il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE - Il-Ġlieda kontra l-Frodi

(2014/2155(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Monica Macovei

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi bil-għan li ssaħħaħ il-miżuri eżistenti, bħalma hi l-Konvenzjoni PIF, għall-ġlieda lill-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti għal strumenti tal-liġi kriminali, id-Direttiva PIF u r-Regolament UPPE, immirati biex jiżguraw investigazzjoni aktar effettiva u protezzjoni aħjar tal-flus tal-kontributuri tat-taxxa fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja Ewropew kollu kemm hu;

B.  billi l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus fl-Unjoni għandha tkun prijorità tal-azzjoni politika tal-istituzzjonijiet Komunitarji u billi, għalhekk,il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri hija fundamentali;

1.  Jirrikonoxxi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-koleġiżlaturi dwar it-tlestija malajr tal-ħidma leġiżlattiva u l-adozzjoni tad-Direttiva PIF u r-Regolament UPPE; ifakkar, madankollu, li l-għan aħħari hu li fil-ġlieda lill-frodi dak li jkun ikun jista' jafda fuq strumenti ġuridiċi sodi u effettivi;

2.  Jinsab konvint li l-mezzi tal-liġi kriminali fid-Direttiva PIF se jkunu effettivi biss jekk jirnexxilhom jagħtu definizzjoni ċara tal-offiżi fil-qasam tal-PIF, tal-pieni ta' ħabs massimi minimi applikabbli fl-Istati Membri perteċipanti kollha, u r-regoli minimi dwar il-preskrizzjoni, u jekk dawn id-dispożizzjonijiet sussegwentement jiġu implimentati bl-istess mod u bl-effiċjenza mill-Istati Membri kollha;

3.  Jistieden lill-Kunsill iżomm lill-Parlament mgħarraf f'kull waqt u bis-sħiħ u jikkonsultah tul il-proċedura leġiżlattiva kollha kemm hi rigward ir-Regolament UPPE; iħeġġeġ lill-Kunsill iqis kif dovut il-fehmiet tal-Parlament – bħala l-istituzzjoni li tiġi eletta direttament miċ-ċittadini Ewropej – fl-istadji kollha tan-negozjati bil-għan li jintlaħaq il-livell meħtieġ ta' kunsens biex b'hekk il-Parlament ikun jista' jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu;

4.  Itenni t-talba tiegħu għal UPPE assolutament indipendenti, li jkollu biżżejjed riżorsi biex jaġixxi b'mod effikaċi, effiċjenti u rapidu, li jkun jopera uffiċċju waħdieni li jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-qorti lil dawk li jwettqu offiżi kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jiżgura li s-salvagwardji proċedurali għall-persuni ssuspettati u akkużati jiġu mħarsa; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm qbil komuni tal-Parlament u l-Kunsill fil-proċeduri tal-għażla u l-ħatra ta' prosekuturi indipendenti b'setgħat investigattivi fl-Istati Membri; ifakkar li l-ħolqien tal-UPPE se jirrkjedi koordinament effikaċi bejn l-UPPE, il-EUROJUST u l-OLAF;

5.  Jappella lill-Istati Membri biex iħarrku lil min ikun issuspettat bi frodi jew attivitajiet illegali oħra li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ukoll jekk ikunu saru korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni;

6.  Ifakkar kemm huma important l-istrumenti finanzjarji sodi bħalma huma Pericles 2020 u Hercule III fil-ġlieda lill-attivitajiet illegali li jaffettwaw ir-riżorsi tal-Unjoni;

7.  Ifakkar fis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika ta' kontra l-korruzzjoni fl-UE, li ġie ppubblikat fi Frar 2014, u jtenni jafferma kemm hu partikolarment importanti li jiġu intensifikati l-iskambji tal-aħjar prattiki attwali ssottolinjati f'dan ir-rapport.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.1.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

6

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Malin Björk, Michał Boni, Bodil Ceballos, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Rachida Dati, Frank Engel, Lorenzo Fontana, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Monica Macovei, Vicky Maeijer, Louis Michel, Claude Moraes, József Nagy, Péter Niedermüller, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Beatrix von Storch, Kristina Winberg

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Hugues Bayet, Andrea Bocskor, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Miriam Dalli, Dennis de Jong, Gérard Deprez, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Emilian Pavel, Salvatore Domenico Pogliese, Elly Schlein, Barbara Spinelli, Daniele Viotti, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Georg Mayer, Georgi Pirinski


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Verónica Lope Fontagné, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu, Julia Pitera, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Judith Sargentini

Avviż legali