Proċedura : 2015/2018(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0030/2015

Testi mressqa :

A8-0030/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0042

RAPPORT     
PDF 209kWORD 130k
2.3.2015
PE 546.792v02-00 A8-0030/2015

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/014 DE/Aleo Solar ippreżentata mill-Ġermanja)

(COM(2014)0726 – C8-0012/2015 – 2015/2018(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Iris Hoffmann

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/014 DE/Aleo Solar ippreżentata mill-Ġermanja)

(COM(2014)0726 – C8-0012/2015 – 2015/2018(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0726 – C8-0012/2015),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (Ir-Regolament dwar il-FEG)

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikulari l-punt 13 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0030/2015),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG),

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

D. billi l-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2014/014 DE/Aleo Solar għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 657 sensja, 390 minn Aleo Solar AG, kumpanija li topera fis-settur NACE 2 Diviżjoni 26 “Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi”, u 267 minn żewġ sussidjarji tagħha, b'476 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri, matul u wara l-perjodu ta' referenza bejn is-7 ta' Marzu 2014 u s-7 ta' Lulju 2014, marbuta ma' tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-Unjoni fil-kumpaniji tal-moduli solari,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Ġermanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-29 ta' Lulju 2014, issupplementata b'informazzjoni addizzjonali sat-23 ta' Settembru 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fis-16 ta' Diċembru 2014;

3.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-11 ta' April 2014, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

4.  Iqis li s-sensji f'Aleo Solar AG huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, bis-sehem tad-dħul taċ-Ċina jiżdied minn 11 % għal 45 %, filwaqt li dak tal-Ġermanja naqas minn 64 % għal 21 % bejn l-2005 u l-2011; jinnota li minħabba produzzjoni żejda enormi min-naħa taċ-Ċina fil-moduli solari, li la l-konsumaturi tagħhom stess u lanqas is-suq dinji ma jistgħu jassorbu, il-prezzijiet fl-UE niżlu b'40 % fl-2011 meta mqabbla ma' dawk fl-2010, u għaldaqstant kienu taħt l-ispejjeż ta' produzzjoni ta' Aleo Solar AG; jinnota li fl-2013, l-UE approvat dazji addizzjonali fuq moduli solari li joriġinaw miċ-Ċina, u prezz minimu li, madankollu, għadu taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi Ġermaniżi;

5.  Jinnota li fl-2010 Aleo Solar AG kellha fatturat ta' EUR 550 miljun u profitt ta' EUR 43 miljun u li dan naqas b'mod mgħaġġel mill-2011 u sal-2013 kien laħaq telf ta' EUR 92 miljun; jisħaq fuq il-fatt li saru diversi sforzi għar-ristrutturar u t-titjib fl-effiċjenza, iżda li, sfortunatament, ma rnexxielhiex terġa' tibda tagħmel profitt;

6.  Jinnota li din hi t-tieni applikazzjoni tal-FEG fir-rigward tal-manifattura tal-moduli solari u se jkun hemm aktar fil-ġejjieni;

7.  Jinnota li s-sensji f'Aleo Solar AG mistennija li jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun ta' Prenzlau/Brandenburg, fejn id-dħul ras għal ras huwa sew taħt il-medja nazzjonali u r-rata tal-qgħad hija l-ogħla fil-Ġermanja bi 15,5 % u 16,4 % rispettivament; jenfasizza li l-inklużjoni tas-sensji minn Aleo Solar AG iżżid din ir-rata b'0,9 %; jiddispjaċih li ma hemm l-ebda prospett immedjat li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jsibu impjiegi ġodda ekwivalenti minħabba densità relattivament baxxa tal-popolazzjoni u n-nuqqas ta' impjegaturi potenzjali: iż-żona għandha l-iktar intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u 10 intrapriżi biss (0,3 %) għandhom aktar minn 249 ħaddiem (Aleo Solar AG kienet waħda minn dawn l-impjeguri ewlenin);

8.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġi kofinanzjat jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-476 ħaddiem li ngħataw is-sensja: taħriġ vokazzjonali, gwida u pariri dwar il-karrieri, gruppi ta' pari/workshops, pariri dwar l-intraprenditorija, pariri interreġjonali għall-mobbiltà, tiftix ta' impjieg minn professjonist tat-tfittxija tal-impjiegi, gwida ta' segwitu għall-ħaddiema li jkunu sabu xogħol ġdid iżda li jistgħu jeħtieġu parir sabiex iżommu dan l-impjieg jew minħabba li dan ikun jinvolvi t-trasferiment f'post ieħor, benefiċċju għat-taħriġ ta' 60 % tad-dħul nett preċedenti tal-ħaddiem, f'konformità mal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG;

9.  Jinnota li l-awtoritajiet jippjanaw li jużaw il-massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż kollha għall-benefiċċji u l-inċentivi fil-forma ta' benefiċċji għal taħriġ (Transferkurzarbeitergeld) li jikkostitwixxi 60 % jew 67 % tal-introjtu nett preċedenti ta' ħaddiem – li jiddependi mis-sitwazzjoni tal-familja tal-benefiċjarju – li huwa konformi mal-prattika fejn ħaddiema jisfgħu qiegħda fil-Ġermanja; jinnota li l-benefiċċju għat-taħriġ ma jissostitwixxix miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali, u huwa marbut ma' kundizzjonijiet stretti li wieħed jieħu sehem fit-taħriġ u attivitajiet oħra li ġew organizzati;

10. Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira, filwaqt li tqies il-potenzjal taż-żona u tal-ambjent tan-negozju;

11. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

12. Jinnota li 164 ħaddiem minn Aleo Solar AG li ngħataw is-sensja f'Prenzlau reġgħu ngħataw ix-xogħol b'mod temporanju minn konsorzju Asjatiku, li xtara l-impjant mil-likwidatur; jinnota li r-raġunament tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jippermettu lil dawn il-ħaddiema jibbenefikaw mill-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG huwa li s-sigurtà fl-impjieg ġdid tagħhom ma kinitx ċerta dak iż-żmien;

13. Jinnota li l-104 ħaddiema li ngħataw is-sensja fiċ-ċentru amministrattiv ta' Oldenburg m'humiex inklużi fil-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG; jinnota li s-sitwazzjoni tal-impjiegi f'dan ir-reġjun hija ferm iktar promettenti;

14. Jiddispjaċih li r-riskju ta' qgħad fuq perjodu ta' żmien twil għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja huwa għoli u għalhekk jenfasizza l-importanza ta' miżuri li jħeġġu l-ħaddiema biex iħarsu lil hinn miż-żona immedjata u jaċċettaw offerti ta' xogħol li jistgħu jinsabu f'reġjuni oħra;

15. Iqis li l-ħaddiema fil-gruppi ta' età ta' 55-64 u 15-29 qegħdin f'riskju ogħla ta' qgħad u esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol; għaldaqstant iqis li dawn il-ħaddiema għandhom bżonnijiet speċifiċi meta jkunu pprovduti approċċ personalizzat;

16. Ifakkar li, b'mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

17. Jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/014 DE/Aleo Solar, ippreżentata mill-Ġermanja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li jkunu waqqfu l-attività tagħhom b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009(3), jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(4) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011).

(3)      Il-Ġermanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f'Aleo Solar AG u żewġ sussidjarji fil-Ġermanja, fid-29 ta' Lulju 2014 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali kif previst fl-Artikolu 8.3 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stipulat fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)      Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 094 760 għall-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 094 760 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

             Regulation (EC) of the European Parliament and of the Council of 18 June 2009 amending Regulation              (EC) No 1927/2006 on establishing the European Globalisation Adjustment Fund (OJ L 167,   29.6.2009, p.26)

(4)

             Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (bil-prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni Aleo Solar u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-16 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Ġermanja biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija r-raba' applikazzjoni li se tiġi eżaminata fil-qafas tal-baġit 2014 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 094 760 mill-FEG għall-Ġermanja. Din tikkonċerna 657 sensja f'perjodu ta' referenza mis-7 ta' Marzu 2014 sas-7 ta' Lulju 2014. L-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, jiġifieri li tal-inqas 500 ħaddiem jingħataw is-sensja jew li titwaqqaf l-attività ta' persuni li jaħdmu għal rashom, tul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jingħataw is-sensja u/jew it-terminazzjoni tal-attività ta' persuni li jaħdmu għal rashom fost il-fornituri u l-produtturi iktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni tagħha.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fid-29 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stipulat fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013.

Skont data li saret referenza għaliha mill-awtoritajiet Ġermaniżi, Aleo Solar hija biss waħda fost ħafna impriżi solari Ewropej li saru insolventi, ħarġu min-negozju solari, waqqfu l-produzzjoni totalment jew parzjalment, jew inbiegħu lil investituri Ċiniżi tul dawn l-aħħar snin (mill-2010 'l hawn). Bejn l-2005 u l-2011, is-sehem tad-dħul taċ-Ċina żdied minn 11 % għal 45 %, filwaqt li dak tal-Ġermanja niżel minn 64 % għal 21 %.

Iċ-Ċina akkumulat produzzjoni żejda enormi fil-moduli solari, li la l-konsumaturi tagħha stess u lanqas is-suq dinji ma tista' tassorbi; dan, flimkien mat-tnaqqis fid-domanda dinjija, wassal għal kollass fil-prezzijiet. B'riżultat tal-appoġġ finanzjarju disponibbli lokalment għall-manifatturi fiċ-Ċina, u l-prijorità mogħtija lil dan is-settur mill-pjan ta' 5 snin attwali Ċiniż (2011-2015), dawn il-kumpaniji huma kapaċi jkampaw u jikbru billi jbiegħu l-prodotti tagħhom bi prezzijiet baxxi fi swieq barranin. Aktar minn 90 % tal-produzzjoni Ċiniża tiġi esportata, u minn din, 80 % hija esportata lejn l-UE. Fl-2011, il-prezzijiet tal-UE naqsu b'40 % meta mqabbla mal-2010, għal livell taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' Aleo Solar. Fl-2013, l-UE approvat dazji addizzjonali fuq moduli solari li joriġinaw miċ-Ċina, u prezz minimu li, madankollu, xorta għadu taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi Ġermaniżi.

Fl-2010, Aleo Solar kellha fatturat ta' EUR 550 miljun u profitt ta' EUR 43 miljun; dawn bdew jonqsu b'mod mgħaġġel mill-2011, u sal-2013 il-kumpanija kienet ġarrbet telf ta' EUR 92 miljun. Minkejja diversi sforzi biex tirristruttura u ttejjeb l-effiċjenza, ma rnexxilhiex terġa' lura għall-profittabilità, u spiċċat f'likwidazzjoni u għalqet u biegħet il-faċilitajiet tagħha, filwaqt li xi kumpaniji solari Ġermaniżi li jinsabu f'diffikultà minħabba t-telf li qed iġarrbu, mexxew il-produzzjoni lejn il-Lvant Imbiegħed, pereżempju l-Malasja.

Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg tal-476 ħaddiem li ngħataw is-sensja: taħriġ vokazzjonali, gwida u pariri dwar il-karrieri, gruppi ta' pari/workshops, pariri dwar l-intraprenditorija, pariri interreġjonali għall-mobbiltà, tiftix ta' impjieg minn professjonist tat-tfittxija tal-impjiegi, gwida ta' segwitu għall-ħaddiema li jkunu sabu xogħol ġdid iżda li jistgħu jeħtieġu parir sabiex iżommu dan l-impjieg jew minħabba li dan ikun jinvolvi t-trasferiment f'post ieħor u benefiċċju għat-taħriġ ta' 60% tad-dħul nett preċedenti tal-ħaddiem.

Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, il-miżuri mnedija fil-11 ta' April 2014 flimkien jifformaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li għandhom l-għan jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw fl-applikazzjoni tagħhom li:

–      il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

–      ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti;

–      fil-każ tal-impriżi li taw is-sensji iżda li komplew l-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, dawn ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq;

–      l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju;

–      l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali;

–      il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi amministrata mill-istess korpi fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Bundesministerium für Arbeit und Soziales) li jamministraw il-FSE. Is-sorsi ta' prefinanzjament u ta' kofinanzjament nazzjonali huma l-baġit Federali u l-Aġenzija Federali tax-Xogħol (Bundesagentur für Arbeit), li jiffinanzjaw 40 % tal-kontribuzzjoni nazzjonali.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba ta' trasferiment għal ammont globali ta' EUR 1 094 760.

Sal-lum, din hija r-raba' talba għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ippreżentata lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu forma simplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi legali, ħlief jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. 1.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2015)430

M. Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2014/014 DE/Aleo Solar mill-Ġermanja (COM(2014)726 final)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-FEG eżamina l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2014/014 DE/Aleo Solar u adotta l-opinjoni li ġejja:

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u hija marbuta ma' 657 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Aleo Solar AG u ż-żewġ sussidjarji tagħha Aleo Solar Dritte Produktion GmbH (Prenzlau) u Aleo Solar Deutschland GmbH (Oldenburg) li kienu joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 26 ("Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi"); billi s-sensji li ngħataw mill-intrapriżi kkonċernati jinsabu fir-reġjun NUTS livell 2 ta' Brandenburg fi ħdan il-perjodu ta' referenza bejn is-7 ta' Marzu 2014 u s-7 ta' Lulju 2014;

B) Billi sabiex tistabbilixxi rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Ġermanja tiddikjara li Aleo Solar kienet kumpanija Ġermaniża fi ħdan il-Grupp Robert Bosch, li kellu wkoll impjanti ta' produzzjoni fi Spanja, l-Italja, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja u l-Ingilterra, li bosta minnhom ġew mibjugħa fl-aħħar ftit snin minħabba tnaqqis tas-sehem mis-suq.

C) Billi bejn l-2005 u l-2011, is-sehem tad-dħul taċ-Ċina żdied minn 11 % għal 45 % filwaqt li dak tal-Ġermanja waqa' minn 64 % għal 21 %;

D) Billi ċ-Ċina akkumulat produzzjoni żejda enormi fil-moduli solari, li la l-konsumaturi tagħha stess u lanqas is-suq dinji ma jistgħu jassorbu; dan, flimkien mat-tnaqqis fid-domanda dinjija, wassal għal kollass fil-prezzijiet; billi aktar minn 90 % tal-produzzjoni Ċiniża tiġi esportata, u minn din, 80 % hija esportata lejn l-UE;

E) Billi fl-2011, il-prezzijiet tal-UE naqsu b'40 % meta mqabbla mal-2010, għal livell taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' Aleo Solar; fl-2013, l-UE approvat dazji addizzjonali fuq moduli solari li joriġinaw miċ-Ċina, u prezz minimu li, madankollu, xorta għadu taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi Ġermaniżi;

F) Billi l-maġġoranza (55,0 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 45,0 % huma nisa; billi 69,7 % tal-ħaddiema għandhom bejn it-30 u l-54 sena u 20,6 % għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

G) Billi s-sensji għandhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali fi Prenzlau / Brandenburg; billi l-introjtu per capita fir-reġjun huwa sew taħt il-medja nazzjonali u li ż-żoni ta' Uckermark u Prenzlau għandhom l-ogħla rati tal-qgħad tal-Ġermanja, bi 15,5 % u 16,4 % rispettivament (Mejju 2014);

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Ġermaniża:

1.  Jinnota li l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni; jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament huma sodisfatti u li, għalhekk, il-Ġermanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li din hi t-tieni applikazzjoni tal-FEG għal ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-qasam tal-manifattura tal-moduli solari, li t-tnejn li huma kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ;

3.  Jinnota li 164 mill-ħaddiema ta' Aleo Solar li ngħataw is-sensja f'Prenzlau ttieħdu lura permezz ta' konsorzju Asjatiku, li xtara l-impjant minn likwidatur; jinnota li r-raġunament tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jippermettu lil dawn il-ħaddiema jibbenefikaw mill-miżuri tal-FEG huwa li s-sigurtà fl-impjieg ġdid tagħhom ma kinitx ċerta dak iż-żmien;

4.  Jinnota li 104 ħaddiema li ngħataw is-sensja fiċ-ċentru amministrattiv ta' Oldenburg m'humiex inklużi fil-miżuri; jinnota li s-sitwazzjoni tal-impjiegi f'dan ir-reġjun hija ferm iktar promettenti;

5.  Jinnota li l-awtoritajiet jippjanaw li jużaw il-massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż kollha għall-benefiċċji u l-inċentivi fil-forma ta' benefiċċji għal taħriġ (Transferkurzarbeitergeld) li jikkostitwixxi 60 % jew 67 % tal-introjtu nett preċedenti ta' ħaddiem – li jiddependi mis-sitwazzjoni tal-familja tal-benefiċjarju – li huwa konformi mal-prattika fejn ħaddiema jisfgħu mingħajr xogħol fil-Ġermanja;

6.  Jinnota għalhekk li l-ebda inċentiva żejda għal taħriġ ma ġiet ipprovduta għall-parteċipanti mill-FEG. Barra minn hekk, għandhom jiġu mħeġġa aktar miżuri personalizzati u fil-fond;

7.  Jiddispjaċih li ma hemm l-ebda prospett immedjat li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jsibu impjiegi ġodda ekwivalenti minħabba densità baxxa tal-popolazzjoni u n-nuqqas ta' impjegaturi potenzjali: iż-żona għandha l-iktar intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u 10 intrapriżi biss (0,3 %) għandhom aktar minn 249 ħaddiem (Aleo Solar kienet waħda minn dawn l-impjegaturi ewlenin);

8.  Jiddispjaċih li r-riskju ta' qgħad fuq perjodu ta' żmien twil għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja huwa għoli u għalhekk jenfasizza l-importanza ta' miżuri li jħeġġu l-ħaddiema biex iħarsu lil hinn miż-żona immedjata u jaċċettaw offerti ta' xogħol li jistgħu jinsabu f'reġjuni oħra;

9.  Iqis li l-ħaddiema fi gruppi ta' età ta' 55 u 64, kif ukoll 15 u 29 snin ta' età, huma f'riskju ogħla ta' qgħad u esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol; għaldaqstant iqis li dawn il-ħaddiema jirrikjedu bżonnijiet speċifiċi meta jkunu pprovduti approċċ personalizzat;

10. Ifakkar li skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President

c.c. Thomas Händel


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

B 1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sitt proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Jien nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits fis-26 ta' Frar:

-          COM(2014)0725 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 981 956 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 708 ħaddiema li ngħataw is-sensja b'segwitu kemm għall-għeluq tal-impriża Duferco Belgium SA u t-tnaqqis tal-persunal f'NLMK La Louvière SA, li joperaw fis-settur tal-manifattura ta' metalli bażiċi fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2014)0726 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 094 760 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tas-657 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Aleo Solar AG u ż-żewġ sussidjarji tagħha, Aleo Solar Dritte Produktion GmbH (Prenzlau) u Aleo Solar Deutschland GmbH (Oldenburg), li joperaw fis-settur tal-manifattura tal-prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi fir-reġjuni ta' Brandenburg u Weser-Ems, il-Ġermanja.

-          COM(2014)0734 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 591 486 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1285 ħaddiem li ngħataw is-sensja wara proċedura ta' ssensjar fl-impriża ArcelorMittal Liège S.A. li kienet topera fis-settur tal-manifatturi tal-metalli bażiċi fir-Reġjun ta' Liège, il-Belġju.

-          COM(2014)0735 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 222 854 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1030 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Caterpillar Belgium S.A, li kienet topera fis-settur tal-manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir, fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2015)COM(2015)0009 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 339 928 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 257 ħaddiem li ngħataw is-sensja b'segwitu għall-għeluq tal-impjant tal-produzzjoni ta' ħġieġ tas-sikurezza tal-karozzi ta' Saint-Gobain Sekurit Benelux f'Auvelais, il-Belġju.

-          COM(2015)0013 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 115 205 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 615-il ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Zakłady Chemiczne Zachem, li timmanifattura prodotti kimiċi fil-Polonja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li l-maġġoranza ta' dan il-Kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Clare Moody, Victor Negrescu, Urmas Paet, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Lewandowski, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paulo Rangel

Avviż legali