Proċedura : 2015/2019(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0031/2015

Testi mressqa :

A8-0031/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0043

RAPPORT     
PDF 209kWORD 127k
2.3.2015
PE 546.791v02-00 A8-0031/2015

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut Steel (Duferco-NLMK), ippreżentata mill-Belġju)

(COM(2014)0725 – C8-0013/2015 – 2015/2019(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Andrej Plenković

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut Steel (Duferco-NLMK), ippreżentata mill-Belġju)

(COM(2014)0725 – C8-0013/2015 – 2015/2019(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0725 – C8-0013/2015),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0031/2015),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw irwieħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(4) tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu introdotti dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;

D. billi l-Belġju ressqet l-applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut steel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-708 sensji f'żewġ kumpaniji, marbuta mal-għeluq ta' Duferco u t-tnaqqis tal-persunal minn NLMK, li joperaw fis-settur NACE 2 Diviżjoni 24 "Manifattura ta' metalli bażiċi", u li t-tnejn li huma jinsabu f'La Louvière fir-reġjun ta' Hainaut; billi s-sensji seħħew matul il-perjodu ta' referenza mit-22 ta' Jannar 2013 sat-22 ta' Ottubru 2013 u huma marbuta ma' tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-Unjoni fis-settur tal-produzzjoni tal-azzar;

E.  billi l-kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG tammonta għal EUR 981 956 (50 % tal-baġit totali);

F.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-27 ta' Settembru 2013 skont ir-Regolament dwar il-FEG, li ma tillimitax il-ħin għat-tagħlim u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fid-9 ta' Diċembru 2014;

3.   Jesprimi tħassib dwar it-tul tal-proċedura mid-data tal-ewwel sensji sal-valutazzjoni tal-applikazzjoni; ifakkar li l-għan tal-FEG huwa li joffri għajnuna lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li l-applikazzjoni tal-FEG tressqet fis-27 ta' Settembru 2013 u b'hekk sa ma waslet għall-votazzjoni fil-Kumitat għall-Baġits laħqu għaddew kważi sena u nofs;

4.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Ġunju 2013, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

5.  Iqis li s-sensji f'Duferco u NLMK huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, minħabba li s-settur tal-produzzjoni tal-azzar għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis rapidu fis-sehem mis-suq tal-UE; barra minn hekk, b'konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fl-ispejjeż tal-produzzjoni, l-andament kummerċjali dinji mar għall-agħar minħabba fatturi oħra, bħat-tnaqqis fid-domanda għall-azzar fis-settur tal-karozzi u dak tal-kostruzzjoni;

6.  Jinnota li, skont id-data li saret referenza għaliha mill-awtoritajiet Belġjani(5), bejn l-2006 u l-2011, il-produzzjoni tal-azzar grezz fl-UE-27 naqset minn 206,9 miljun tunnellata għal 177,7 miljun tunnellata (− 14,1 %; − 3,0 % ta' tkabbir annwali(6)), filwaqt li fil-livell dinji, il-produzzjoni żdiedet minn 1 249,0 miljun tunnellata għal 1 518,3 miljun tunnellata (+ 21,6 %; + 4,0 % ta' tkabbir annwali); jifhem li dan wassal għal tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-UE-27 fil-produzzjoni tal-azzar grezz, imkejla f'termini ta' volum, minn 16,6 % fl-2006 għal 11,7 % fl-2011 (− 29,4 %; − 6,7 % ta' tkabbir annwali) u jirrimarka, b'paragun ma' dan, dwar iż-żieda fis-sehem mis-suq Ċiniż minn 33,7 % għal 45,0 % matul l-istess perjodu;

7.  Jinnota li din hija l-ħames applikazzjoni tal-FEG fis-settur tal-azzar, li tlieta minnhom kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni u waħda fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ effiċjenti u koordinat fil-livell tal-Unjoni sabiex ikun miġġieled il-qgħad fis-settur tal-azzar;

8.  Jinnota li s-sensji f'Duferco u NLMK mistennija jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun ta' Hainaut, li qabel kienet żona ta' produzzjoni tal-azzar u tal-minjieri tal-faħam fejn l-impjiegi jiddependu b'mod qawwi minn industrija peżanti tradizzjonali u fuq is-settur pubbliku, fejn fl-2012 ir-rata tal-qgħad kienet ta' 17,7 %, meta mqabbla ma' medja ta' 15,8 % fil-Vallonja u 11,2 % fil-livell nazzjonali(7) u laħqet il-quċċata ta' 39 % għall-persuni bl-età ta' bejn it-18 u l-25 sena; jenfasizza li l-livell baxx ta' kwalifiki tal-persuni li qed ifittxu impjieg (51 % m'għandhomx edukazzjoni sekondarja għolja, meta mqabbla ma' 47 % fil-Vallonja) huwa ta' diffikultà addizzjonali għat-tiftix ta' impjieg;

9.  Jinnota li, fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika u l-għadd ta' sensji fl-industrija metallurġika fir-reġjun, il-ħaddiema minn Duferco u NLMK, sabiex isibu impjieg ġdid f'dak ir-reġjun, iridu jitħarrġu mill-ġdid biex isibu impjieg f'xogħlijiet oħra u f'setturi oħra;

10. Jinnota li l-pakkett koordinat ta ' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg ta' 701 ħaddiem li ngħataw is-sensja (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna għat-tiftix ta' impjieg individwali, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali, (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid u (3) promozzjoni tal-intraprenditorija;

11. Jilqa' l-fatt li d-diversi sħab soċjali u organizzazzjonijiet kienu involuti f'koordinazzjoni ġenerali u l-implimentazzjoni tal-miżuri, inklużi: it-trejdjunjins (FGTB, CSC), FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), iċ-ċentri ta' taħriġ vokazzjonali u teknoloġiku settorjali attivi fir-Reġjun tal-Vallonja, l-Aġenzija tal-Fond Soċjali Ewropew tal-Komunità Franċiża tal-Belġju u tal-Gvern tal-Vallonja; japprezza barra minn hekk li t-trejdjunjins huma involuti b'mod dirett fil-ġestjoni taż-żewġ Unitajiet ta' Riallokazzjoni stabbiliti speċifikament għal kull kumpanija separata;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol proposti biex itejbu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja; ifakkar li l-allowances mhumiex elenkati fost is-servizzi personalizzati biex jiġu appoġġjati mill-FEG;

13. Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha titjieb permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali, u l-potenzjal taż-żona;

14. Jinnota li l-miżuri proposti huma mmirati wkoll lejn grupp ta' diretturi tal-kumpanniji kkonċernati;

15. Jilqa' l-fatt li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll dak tan-nondiskriminazzjoni kien u se jibqa' jiġi applikat matul id-diversi stadji ta' implimentazzjoni tal-miżuri tal-FEG u l-aċċess għalihom;

16. Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

17. Jinnota li l-miżuri li huma obbligatorji skont il-proċeduri ta' sensji kollettivi fil-Belġju u li jitwettqu bħala parti mill-attivitajiet standard tal-Unitajiet ta' Riallokazzjoni (pereżempju, l-appoġġ għar-rikollokament, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tiftix tax-xogħol, u parir dwar il-karrieri, eċċ.) mhumiex inklużi f'din l-applikazzjoni tal-FEG; jinnota li aktar minn nofs l-ispejjeż totali stmati jridu jintefqu fuq riallokazzjoni ta' dawn is-servizzi, jiġifieri appoġġ, gwida u miżuri ta' integrazzjoni;

18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

(5)

              Sors: Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar, Steel Statistical Yearbook 2012.

(6)

              Rata komposta ta' tkabbir annwali.

(7)

              Sors: Steunpunt WSE.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut Steel (Duferco-NLMK), ippreżentata mill-Belġju)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali lil ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni u biex jassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)      Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3).

(3)      Il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fl-intrapriżi Duferco Belgium SA u NLMK La Louvière SA, fis-27 ta' Settembru 2013 u ssupplimentaha b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Lulju 2014. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

(4)      Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 981 956 għall-applikazzjoni mressqa mill-Belġju,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta ' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 981 956 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

(1)

              ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1

(2)

              ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

            ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.


NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja, proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' Hainaut Steel u l-proposta tal-Kummissjoni

Fid-9 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija l-ewwel applikazzjoni li qed tiġi eżaminata taħt il-baġit tal-2015 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 981 956 mill-FEG għall-Belġju. Tikkonċerna 708 sensji f'perjodu ta' referenza mit-22 ta' Jannar 2013 sat-22 ta' Ottubru 2013. L-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jeħtieġ li jkun hemm tal-inqas 500 sensja matul perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Rev. 2 u li jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni nhar is-27 ta' Settembru 2013. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-FEG kif stipulat fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006(4) (ir-Regolament dwar il-FEG).

Skont data li saret referenza għaliha mill-awtoritajiet Belġjani, is-settur tal-produzzjoni tal-azzar għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis rapidu fis-sehem mis-suq tal-UE: bejn l-2006 u l-2011, il-produzzjoni tal-azzar grezz fl-UE-27 naqset minn 206,9 miljun tunnellata għal 177,7 miljun tunnellata (− 14,1 %; − 3,0 % ta' tkabbir annwali(5)), filwaqt li fil-livell dinji, il-produzzjoni żdiedet minn 1 249,0 miljun tunnellata għal 1 518,3 miljun tunnellata (+ 21,6 %; + 4,0 % ta' tkabbir annwali). Dan wassal għal żieda fis-sehem mis-suq tal-UE-27 fil-produzzjoni tal-azzar grezz, imkejla f'termini ta' volum, minn 16,6 % fl-2006 għal 11,7 % fl-2011 (− 29,4 %; − 6,7 % ta' tkabbir annwali). B'paragun, matul l-istess perjodu, is-sehem mis-suq taċ-Ċina żdied minn 33,7 % għal 45,0 % (+ 33,6 %; + 6,0 % ta' tkabbir annwali).

Barra minn hekk, l-effetti ta' dawn il-bidliet fl-andament kummerċjali marru għall-agħar minħabba fatturi oħrajn, bħal tnaqqis fid-domanda tal-azzar fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni fl-UE bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fl-ispejjeż tal-produzzjoni (materja prima, enerġija, limitazzjonijiet ambjentali, eċċ.). Dawn il-fatturi għamlu ħsara lill-kompetittività tal-industrija tal-azzar tal-UE u wasslu għal għadd kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-azzar f'dawn l-aħħar snin minħabba l-għeluq ta' impjanti u r-ristrutturar minn diversi manifatturi tal-azzar fl-Ewropa(6). Pereżempju, bejn l-2008 u l-2013, l-għadd ta' persuni impjegati fl-industrija metallurġika (NACE Rev. 2 diviżjoni 24 "Manifattura ta' metalli bażiċi") fl-UE-27 naqas b'madwar 280 000 minn 1,44 miljun għal 1,16-il miljun (− 19,4 %)(7).

Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg ta' 701 ħaddiem li ngħataw is-sensja: għajnuna għat-tiftix ta' impjieg individwali, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali, taħriġ u taħriġ mill-ġdid u promozzjoni tal-intraprenditorija.

Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-miżuri mibdija fl-1 ta' Ġunju 2013 jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

L-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw fl-applikazzjoni tagħhom li:

–      il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tieħu post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-intrapriżi skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi(8);

–      il-miżuri jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma jintużawx għar-ristrutturar tal-intrapriżi jew tas-setturi;

–      il-miżuri mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni(9).

Fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, il-Belġju nnotifika li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet bħall-FSE. Entità waħda fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE għall-Federazzjoni Vallonja-Brussell se taġixxi bħala awtorità maniġerjali u entità separata oħra fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE se taġixxi bħala awtorità tal-pagamenti. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Federazzjoni Vallonja-Brussell se jaġixxi bħala awtorità ta' ċertifikazzjoni u FOREM se jaġixxi bħala entità intermedjarja.

III. Il-proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat talba ta' trasferiment għal ammont globali ta' EUR 981 956 lill-Awtorità Baġitarja.

Sal-lum, din hija t-tieni proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu sura semplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1 1.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(5)

            Rata komposta ta' tkabbir annwali.

(6)

            Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa (COM(2013) 407).

(7)

            Sors: Eurostat (il-kodiċi tad-data online: lfsa_egan 22d). Id-data dwar l-impjiegi skont is-settur mhijiex disponibbli f'livell aktar diżaggregat mil-livell ta' diviżjoni NACE Rev. 2.

(8)

            Permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, l-awtoritajiet Belġjani se jkunu jistgħu jestendu l-għoti ta' servizzi ta' rikollokament lil hinn mill-perjodi obbligatorji u jwettqu miżuri addizzjonali. Għall-kalkolu tal-ispejjeż allokati għall-FEG, l-awtoritajiet Belġjani se jqisu l-miżuri mwettqa matul il-perjodu ta' obbligu ġuridiku (dan jirrigwarda biss il-miżura "Riallokazzjoni (appoġġ / gwida / integrazzjoni)". In-numru ta' sigħat ta' servizzi ta' rikollokament imwettqa matul il-perjodu obbligatorju se jitnaqqas mit-total tan-numru ta' sigħat ta' servizzi ta' rikollokament li kull benefiċjarju fil-mira jkun ibbenefika minnhom.

(9)

            Appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ngħata taħt l-Assi 2.2 tal-Programm Operazzjonali ta' Konverġenza għall-2008-2013 għal proġett (EnTrain – En Transition-Reconversion-Accompagnement) li kellu l-għan li jiżviluppa metodi pedagoġiċi għall-Unitajiet ta' Riallokazzjoni b'mod ġenerali.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)60428

M. Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fil-każ EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK) (COM(2014) 725)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG fil-każ EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK) u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 2(b) tar- Regolament (KE) Nru 1927/2006 u tikkonċerna 708 sensja li saru matul perjodu ta' disa' xhur mit-22 ta' Jannar 2013 sat-22 ta' Ottubru 2013 (li jinkludu 381 sensja f'Duferco u 327 sensja f'NLMK) li jinsabu fl-istess reġjun ta' La Louvière, fiċ-ċentru ta' Hainaut u li joperaw fl-istess settur ta' attività ekonomika (NACE Rev. 2 diviżjoni 24 "Manifattura ta' metalli bażiċi");

B) Billi sabiex jistabbilixxu r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, l-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li s-settur tal-produzzjoni tal-azzar għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari minn tnaqqis rapidu fis-sehem mis-suq tal-UE; barra minn hekk, l-effetti ta' dawn il-bidliet fl-andament kummerċjali marru għall-agħar minħabba fatturi oħrajn, bħal tnaqqis fid-domanda tal-azzar fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni fl-UE bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fl-ispejjeż tal-produzzjoni (materja prima, enerġija, limitazzjonijiet ambjentali, eċċ.);

C) Billi dawn il-fatturi wasslu għal għadd kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-azzar f'dawn l-aħħar snin minħabba l-għeluq ta' impjanti u r-ristrutturar minn diversi manifatturi tal-azzar (bejn l-2008 u l-2013, l-għadd ta' persuni impjegati fl-industrija metallurġika fl-UE-27 naqas b'madwar 280 000 minn 1,44 miljun għal 1,16 miljun);

D) Billi mit-tnedija tal-FEG fl-2007, kien hemm erba' applikazzjonijiet tal-FEG fis-settur tal-azzar, li tlieta minnhom kienu marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni u waħda mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

E) Billi l-maġġoranza (97 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel; billi l-akbar grupp ta' età huwa grupp ta' bejn 25 u 54 sena (83 %), u t-tieni l-akbar grupp ta' ħaddiema (14 %) għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

F) Billi l-awtoritajiet Belġjani jenfasizzaw l-importanza tal-industrija peżanti tradizzjonali fuq l-impjiegi fir-reġjun (l-industrija tal-manifattura tammonta għal kważi 12 % tal-impjiegi imħallsa fiż-żona);

G) Billi fl-2012, ir-rata tal-qgħad fiċ-ċentru ta' Hainaut kienet ta' 17,7 %, meta mqabbla ma' 15,8 % bħala medja fil-Vallonja u 11,2 % fil-livell nazzjonali;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni dwar l-applikazzjoni Belġjana:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) Nru 1927/2006 huma sodisfatti u li, għaldaqstant, il-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-miżuri li huma obbligatorji skont il-proċeduri ta' sensji kollettivi fil-Belġju u li jitwettqu bħala parti mill-attivitajiet standard tal-Unitajiet ta' Riallokazzjoni (pereżempju, l-appoġġ għar-rikollokament, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tiftix tax-xogħol, u parir dwar il-karrieri, eċċ.) mhumiex inklużi f'din l-applikazzjoni tal-FEG;

3.  Jinnota li, fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika fir-reġjun u l-għadd ta' sensji fl-industrija metallurġika fir-reġjun, il-ħaddiema minn Duferco u NLMK, sabiex isibu impjieg ġdid f'dik iż-żona, iridu jitħarrġu mill-ġdid biex isibu impjieg f'xogħlijiet oħra u f'setturi oħra;

4.  Jilqa' l-fatt li l-miżuri proposti huma speċifikati u mmirati għal diversi ħtiġijiet ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid;

5.  Jinnota li l-miżuri proposti mmiraw ukoll grupp ta' maniġers tal-kumpanniji kkonċernati;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-miżuri huma r-riżultat ta' diskussjonijiet u laqgħat ta' tħejjija fost id-diversi sħab soċjali involuti u jilqa' li t-trejdjunjins huma direttament involuti fil-ġestjoni tal-Unitajiet ta' Riallokazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri;

7.  Jinnota li aktar minn nofs l-ispejjeż totali stmati għandhom jintefqu fuq servizzi ta' riallokazzjoni, jiġifieri appoġġ, gwida u miżuri ta' integrazzjoni; jinnota li dawn il-miżuri se jiġu pprovduti minn FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), li jaġixxi bħala entità intermedjarja fl-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

B 1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sitt proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Jien nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits fis-26 ta' Frar:

-          COM(2014)0725 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 981 956 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 708 ħaddiema li ngħataw is-sensja b'segwitu kemm għall-għeluq tal-impriża Duferco Belgium SA u t-tnaqqis tal-persunal f'NLMK La Louvière SA, li joperaw fis-settur tal-manifattura ta' metalli bażiċi fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2014)0726 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 094 760 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tas-657 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Aleo Solar AG u ż-żewġ sussidjarji tagħha, Aleo Solar Dritte Produktion GmbH (Prenzlau) u Aleo Solar Deutschland GmbH (Oldenburg), li joperaw fis-settur tal-manifattura tal-prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi fir-reġjuni ta' Brandenburg u Weser-Ems, il-Ġermanja.

-          COM(2014)0734 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 591 486 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1285 ħaddiem li ngħataw is-sensja wara proċedura ta' ssensjar fl-impriża ArcelorMittal Liège S.A. li kienet topera fis-settur tal-manifatturi tal-metalli bażiċi fir-Reġjun ta' Liège, il-Belġju.

-          COM(2014)0735 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 222 854 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1030 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Caterpillar Belgium S.A, li kienet topera fis-settur tal-manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir, fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2015)COM(2015)0009 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 339 928 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 257 ħaddiem li ngħataw is-sensja b'segwitu għall-għeluq tal-impjant tal-produzzjoni ta' ħġieġ tas-sikurezza tal-karozzi ta' Saint-Gobain Sekurit Benelux f'Auvelais, il-Belġju.

-          COM(2015)0013 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 115 205 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 615-il ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Zakłady Chemiczne Zachem, li timmanifattura prodotti kimiċi fil-Polonja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li l-maġġoranza ta' dan il-Kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Clare Moody, Victor Negrescu, Urmas Paet, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Lewandowski, Andrey Novakov, Andrej Plenković, Tomáš Zdechovský

Avviż legali